Ittri Il-punt Blogs

Editorjal | Il-governanza f'Mater dei

Ir-raġuni għalfejn il-Maltin tfew l-iswitch u ma jridux jisimgħu dwar korruzzjoni...

Albert Gauci Cunningham / 28 ta' Mejju 2018 09:39
Din il-ġimgħa kellna, probabilment, l-aħjar risposta dwar għaliex il-poplu jew ħafna minnu tefa s-switch u ma jridx jisma’ aktar dwar korruzzjoni. Min ma kellux ċans jaqra 80 paġna tar-rapport tal-Awditur dwar il-bini tal-Isptar Mater Dei, għandu jaqra r-rapport f'paġna 8 tal-gazzetta ILLUM biex ikun jista’ jifhem aħjar dwar xiex qed nitkellmu.

Qed nitkellmu dwar Awditur li pprova jagħmel xogħlu, imma ma setax għax (Alla jbierek) il-fajls ma nstabux, il-kaxxi fejn suppost kienu dawn il-fajls kienu vojta u ħafna mid-dokumentazzjoni li talab l-Awditur ma nafux fejn qiegħda. Dan apparti kważi €10 miljun li m’hemmx traċċa tagħhom, kważi €5 miljuni li l-Awditur ma sabx spjegazzjoni għalihom, emails li qed jimpilkaw li tenders intrebħu bħala ‘pjaċir’ għal xi fondi, proċess li l-Awditur qed jgħid illi kien inġust u magħmul biex jiffavorixxi kumpanija. U dan biex ma nsemmux it-taħwid u t-tgerfix fil-pjan tal-isptar u l-varjazzjonijiet ta’ €88 miljun u biex ma nsemmux ukoll il-famuż konkrit difettuż.

"Meta nisħqu li l-affarijiet għandhom isiru sew u bil-galbu u bir-rispett lejn il-poplu li qed iħallas it-taxxi, qed ngħidu għal kulħadd. Għaż-żewġ partiti, inkluż il-PN"
Dik governanza tajba! Dak rispett lejn it-taxxi tal-poplu. Dik trasparenza! Ma setax qalha aħjar l-Awditur meta fir-rapport qal hekk; “In-nuqqas min-naħa tal-Fondazzjoni li tipprovdi din l-informazzjoni bażika hija turija ċara ta’ falliment istituzzjonali u negliġenza serja fl-amministrazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Barra minn hekk, audit trail mhux adegwat u nieqes mill-kredibilità jnaqqas sew il-livell ta’ responsabilità, trasparenza, ġustizzja u governanza mistennija fi proġett nazzjonali bħal dan.”

U allura mhux ta’ b’xejn in-nies ma tridx tisma’! Xi trid tisma’? Lil min meta ġraw dawn l-affarijiet ma ġarrx ir-responsabilità. Se jieħu responsabilità xi ħadd? Jew nitfgħu r-rapport taħt it-tapit qisu qatt ma ħareġ u ninsew kollox, bħalma dejjem ġara?

Ir-rapport huwa ċertifikat ta’ governanza ħażina fuq dan il-proġett. U meta nisħqu li l-affarijiet għandhom isiru sew u bil-galbu u bir-rispett lejn il-poplu li qed iħallas it-taxxi, qed ngħidu għal kulħadd. Għaż-żewġ partiti, inkluż il-PN. Għax ħadd mhu skużat u m’hawn ħadd li għalih dak li jipprietka ma jgħoddx. Dak li hu sew u ġust, jibqa’ sew u ġust dejjem. Dak li hu ħażin, jibqa’ ħażin dejjem.

Anke jekk illum għandna sptar ‘state of the art’, miljun darba isbaħ u aħjar minn St.Luke’s u anke jekk Gvern Nazzjonalista ħaqqu prosit tal-proġett u anke jekk minn dan il-proġett qed igawdi l-poplu, il-kejl ta’ governanza tajba u tat-trasparenza jibqgħu dejjem l-istess.

...u l-Pulizija

U finalment dan l-editorjal jixtieq juri appoġġ lejn il-Pulizija u dawk il-professjonisti kollha li ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom ma’ persuni li n-norma għalihom hija d-diżrispett lejn l-awtorità. Dak li ġara lejn uffiċjal tal-Pulizija u dak li qed jiġri kważi kuljum lil numru ta’ għalliema fil-klassijiet għandu jħassibna. Għandu jġegħelna nistaqsu fejn bħala soċjetà morna daqstant ħażin biex ipproduċejna kriminali ta’ dan it-tip?

Naturalment, dan ma jneħħi xejn mill-istejjer ta’ suċċess li hawn madwarna. Imma xorta għandu jħassibna u jġegħelna nistaqsu. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook