Editorjal | L-ambjent; bżonn ta’ bilanċ

Veru. Ir-raba’, il-ħdura, il-pajsaġġ, il-ħaxix u xi ħarruba ma jimlewlekx il-but. Imma...

L-estrem jeqred u jnawwar. Il-bilanċ raġunat isostni. F’kollox hemm bżonn li bħala pajjiż inżommu quddiem għajnejna l-bżonn ta’ bilanċ, imma jekk hemm bżonn speċjali ta’ bilanċ huwa proprju fl-ambjent.

L-arja ta’ madwarna, l-ambjent f’termini ta’ siġar, l-ambjent mibni, l-ambjent f’termini ta’ ndafa u anke l-ambjent f’termini ta’ spazji miftuħa huwa suġġett li jirrekjedi bilanċ, bilanċ li mhux neċessarjament qed insibuh.

Matul dawn il-ġimagħtejn permezz ta’ rapporti, intervisti, vox pop u anke filmati din il-gazzetta u s-sit illum.com.mt tellgħu fuq l-aġenda ambjentali kwistjoni ta’ 120,000 metru kwadru ta’ art li tista’ ssir fabbriki. Ir-reazzjoni kienet ġeneralment waħda ta’ rabja għalkemm hemm min naturalment jaqbel xorta. Ir-rabja li qajjem dan l-iżvilupp propost, speċjlament permezz tal-midja soċjali, juri li anke jekk qed ikun propost fuq art immarkata għall-iżvilupp industrijali, ħafna qed jitilfu l-paċenzja jaqraw kuljum b’xi permess għal xi pompa tal-petrol, permess biex jikber żvilupp, permess biex għalqa ssir stabbiliment tal-ikel, permess għal supermarket ieħor... kuljum preċett.

Issa aħna m’aħniex kontra l-progress. Imma ejja ma nkunux superfiċjali. Il-progress ma jibdiex u jispiċċa ma’ kemm għandna pompi tal-petrol jew supermarkets kull kilometru kwadru.

Il-progress huwa meqjus bl-abbilità tagħna li nkunu kreattivi billi nsibu bilanċ bejn l-iżvilupp u l-bżonn li nissalvagwardjaw il-wirt ambjentali tagħna.

nappellaw aħna wkoll lill-Prim Ministru u l-awtoritajiet biex jaħdmu għall-bilanċ u jipprovaw kemm jista’ jkun isalvaw din l-art

Qed infittxu li noħolqu bilanċ bejn il-bżonn li nħarsu art agrikola u fertili illi anke jekk m’għadhiex tgħajjex il-familji, għadha ħolqa tant importanti fil-katina tal-biodiversità?

L-art taż-Żejtun hija mmarkata għall-iżvilupp industrijali veru. U veru wkoll li hemm bżonn ta’ 115,000 metru kwadru ta’ art għall-għan industrijali (ara paġna 4). Imma nappellaw aħna wkoll lill-Prim Ministru u l-awtoritajiet biex jaħdmu għall-bilanċ u jipprovaw kemm jista’ jkun isalvaw din l-art. Huwa bilanċ diffiċli għax l-ispazju hu li hu, imma huwa possibbli li jintlaħaq.

Nafu li legalment il-bdiewa mhux neċessarjament għandhom każ b’saħħtu. Imma lil hinn minn dak li huwa legali, hemm dak li jagħmel sens f’termini ta’ bilanċ. Hemm il-bżonn li dan il-pajjiż isostni l-ispazji miftuħin. Jieħu ħsiebhom u jikkurahom.

Veru. Ir-raba’, il-ħdura, il-pajsaġġ, il-ħaxix u xi ħarruba ma jimlewlekx il-but. Imma jagħtuk is-serħan u l-paċi. Jagħtuk sens ta’ qrubija man-natura. Ineħħulek id-dwejjaq u l-istress li d-dinja tal-lum toffrilek bil-gzuz. Min ma skopriex il-ġmiel ta’ mixja fil-kampanja, għadu ma skopriex il-paċi.

Mingħajr il-bilanċ li taf toffri n-natura u l-wirt ambjentali, aħna nsiru biss umani mexjin fuq il-konkrit, miblugħin fil-ġenn u l-geġwiġija. Mingħajr serħan, mingħajr waqfien.

Il-bilanċ mhux biss fiż-Żejtun u l-ambjent f’termini ta’ siġar. Imma wkoll fl-ambjent mibni.

Din il-gazzetta mhix kontra bini għoli, imma temmen li dan għandu jsir 1) Fejn il-Pjan Lokali jippermetti, imma aktar minn hekk 2) biss meta jkun hemm pjanar serju minn qabel biex l-iżvilupp ta’ xi torri bi 30 jew 40 sular ikun akkumpanjat bi pjan għall-immaniġjar serju tat-traffiku, bi pjan ċar ta’ ħolqien ta’ parkeġġ u anke b’tibdil komplet u ħolistiku tas-sistemi kollha, minn ilma dawl u drenaġġ sa internet u aktar. Dan hu l-bilanċ.

Li ngħidu ‘bini għoli mkien’ huwa estrem, daqs kemm li ngħidu ibni bini għoli ‘għax pajjiżi oħrajn għandhom’ huwa argumenti fallaċi. Jagħmel sens li nibnu, imma bi pjan.

L-ambjent urban tagħna għadu wieħed fgat. Ma nafux x’qed jistenna l-Gvern biex jaqbad biċċiet tal-art li jew huma tiegħu jew inkella mhumiex imma tħallew f’abbandun totali, telqa u ħmieġ u (fejn mhux tiegħu b’negozjar u kumpens) jibdilhom f’ġonna u spazji miftuħin għall-familji u għal kull min jixtieq iqatta’ siegħa fil-kwiet. Hekk ukoll inkunu qed noħolqu bilanċ u fl-istess ħin nagħtu kumpens lill-poplu, speċjalment lil dawk li jgħixu f’żoni fejn għaddej ħafna żvilupp.

Il-progress ma jibdiex u jispiċċa ma’ kemm għandna pompi tal-petrol jew supermarkets kull kilometru kwadru

U finalment il-bżonn ta’ bilanċ fil-kwistjoni tal-arja u l-ilma.

Nirrikonoxxu li dan il-Gvern permezz tal-proġett ta’ Power Station li taħdem bil-gass ħa pass ’il quddiem sew biex itejjeb l-arja. Id-deċiżjoni tal-użu tal-Heavy Fuel Oil minn Gvern Nazzjonalista kienet ħażina u rigressiva.

Imma fl-ilma għad fadal x’naqdfu. Din il-ġimgħa tħabbar proġett ta’ €17-il miljun f’fondi Ewropej għall-konservazzjoni tal-ilma u dan huwa pass ’il quddiem. Imma lil hinn mill-proġetti rridu nibdew billi noħolqu kuxjenza li l-ilma bħala riżorsa hija nieqsa f’pajjiżna.

L-ilma huwa d-deheb u daqskemm hu prezzjuż id-deheb għax joħloq il-ġid hekk ukoll l-ilma għax joħloq il-ħajja.

Din il-gazzetta se tkompli, kif għamlet f’dawn l-aħħar tliet snin tqajjem kuxjenza u ġġib fuq quddiem kwistjonijiet u realtajiet ambjentali, minn madwar il-pajjiż kollu. Mhux biex l-ambjent isir politika, imma biex l-ambjent ikun protett.

Għax l-ambjent huwa verament tagħna lkoll.

More in Blogs