Mill-Kapitali | Pawlu ta’ Malta ... u tal-Belt Valletta

Is-Sibt ġiet iċċelebrata l-Festa ta’ San Pawl Nawfragu...ħarsa lura lejn l-istorja tal-festa  u tal-Knisja li minnha joħroġ ‘Pawlu’ 

Fir-rakkont tiegħu fl-Atti tal-Appostli, dwar in-nawfraġju ta’ San Pawl fuq il-gżira ta’ Melite (Malta) fis-sena 60 WK, San Luqa jiddeskrivi fid-dettall il-laqgħa tan-nies tal-gżira mal-appostlu, u jfaħħar sew l-ospitalità unika tagħhom.

Missirijietna ma damux ma ħadnu t-twemmin Nisrani, imsaħħrin mill-mirakli mwettqa minn San Pawl li nsibuhom irrakkontati minn San Luqa, li kien qed jakkumpanjah fi triqtu biex jiġi pproċċessat f’Ruma.

Il-mod kif l-Evanġelista jirrakkonta t-tluq ta’ San Pawl minn Mata u d-deskrizzjoni tat-tjubija u l-ġenerożità li hu u sħabu ntwerew mill-Maltin matul it-tliet xhur li damu Malta, huma xhiedha tal-ewwel komunità Nisranija ħajja f’Malta.

Din l-istess analiżi jagħmilha wkoll San Ġwann Griżostmu (c.359-407), li fil-kummentarju tiegħu dwar in-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta jgħid li l-mod kif il-Maltin ġabu ruħhom mal-appostlu qabel ma telaq mill-ġżira lejn Ruma hija prova li ħafna minnhom diġà kienu aċċettaw il-Vanġelu tal-Muej.

Sa minn żmien il-qedem, fuq l-għolja Xiberras li fuqha wara l-1566 inbniet il-Belt Valletta, kienet teżisti niċċa żgħira ddedikata lil San Pawl, b’tifkira tal-ġrajja mirakoluża u providenzjali tan-nawfraġju tiegħu fuq gżiritna fis-sena 60 WK. Ġrajja li kellha tniżżel isem pajjiżna fl-iskrittura mqaddsa, propju f’kapitli 27 u 28 tal-Atti tal-Appostli miktuba mill-Evanġelista Luqa. In-nawfraġju ta’ San Pawl, li b’unur u b’rispett insejħulu l-appostlu missierna, minn dejjem kienet u baqgħet meqjusa bħala l-ikbar ġrajja u l-iktar waħda importanti li seħħet fl-istorja ta’ pajjiżna.

Kien għalhekk xieraq, li l-Kapitlu tal-Knisja Katidrali fl-Imdina, għamar li l-Knisja Parrokkjali l-ġdida fil-Belt Valletta, li kienet qed tinbena ma’ ħafna oħrajn fin-naħa ta’ ġewwa tas-swar, kellha tiġi ddedikata lin-nawfraġju ta’ San Pawl fuq ix-xtut tal-gżejjer Maltin propju fl-ewwel snin tal-Kristjaneżmu. Din il-knisja kienet iddestinata li ssir monument nazzjonali u simbolu tal-imħabba u d-devozzjoni tal-Maltin lejn l-Appostlu San Pawl, li kien l-istrument magħżul mill-Providenza Divina biex jippritkalna l-Bxara t-Tajba u jwaqqaf il-Knisja ta’ Kristu f’Malta, għoxrin seklu ilu.

Ftit wara li tlesta l-bini tagħha, il-knisja ġdida ngħatat lill-Patrijiet Ġiżwiti, li min-naħa tagħhom mill-ewwel offrew sit ieħor lill-kappillan ta’ San Pawl biex jibni knisja oħra ġdida fuqha. Fi żmien qasir inbniet knisja żgħira, iżda hekk kif il-Belt il-ġdida kompliet tikber b’rata mgħaġġla u b’konsegwenza żdiedet sostanżjalment il-popolazzjoni, inħass mill-ewwel il-bżonn ta’ knisja ikbar. Għaldaqstant il-knisja eżistenti twaqqgħet u minflokha nbniet oħra fuq pjanti ġodda. Il-bini tal-knisja l-ġdida beda fl-1639 u baqa’ għaddej għal kważi erbgħin sena. Il-Gran Mastri Jean Paul Lascaris Castellar (1636-57), Nicolas Cotoner (1663-80), Gregorio Carafa (1680-90) u l-Isqof Laurentius Astirias (1669-78) kollha kkontribwew somom kbar ta’ flus b’risq dan il-proġett ġdid. Ikkontribwew ukoll l-Università (il-Kunsill tal-Belt), il-kleru u l-parruċċani.

Il-knisja hija 35 metru twila u 22 metru wiesgħa, u tikkonsisti f’korsija prinċipali li hija 9 metri wiesgħa, żewġ navati, sagristija fuq ix-xellug tal-knisja u oratorju fuq in-naħa tal-lemin tagħha. Fin-navati nsibu b’kollox għaxar kappelli li kollha għandhom il-koppla tagħhom.

Numru sostanzjali ta’ pilastri u kolonni fl-istruttura arkitettonika interjuri tagħha jagħtuha l-istil joniku tagħha. Oriġinarjament il-pjanti juru disinn tal-knisja fl-għamla ta’ salib Latin, għalkemm biż-żieda tal-kappelli laterali, il-knisja issa għandha għamla ta’ salib patrijarkali. Wara l-artal maġġur insibu wkoll il-kor, li tista’ tasal għalih minn bieba żgħira min-naħa tal-kuritur li jinfed għal ġos-sagristija. Kif tidħol fil-knisja, għajnejn min iżurha mill-ewwel jinnutaw l-artkitettura artistika tagħha, l-għamla tal-koppla, l-affreski fis-saqaf tal-artist magħruf Attilio Palombi u fuq it-tiżjin rikk tal-iskultura fil-ġebel u fl-injam.

Il-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl fil-Belt Valletta hija l-unika waħda f’Malta ddedikata lill-ġrajja tan-nawfraġju tal-Appostlu. L-istoriku Malti Gio Francesco Abela jiddeskrivi lil din il-knisja fil-kitba tiegħu Descrittione di Malta (1647) bħala ‘tempju mill-isbaħ’.Din il-knisja għal żmien twil kienet titqies bħala l-knisja tal-Isqof ta’ Malta fil-Belt Valletta, peress li l-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann kienet propjetà tal-Ordni tal-Kavallieri. Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl fil-Belt ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Knisja Kolleġġjata fl-1733. Peress li l-Belt Valletta dejjem kienet iċ-ċentru tal-attività kummerċjali fil-ġżejjer Maltin, fil-Knisja ta’ San Pawl twaqqfu numru ta’ xirkiet ta’ snajja’ jew kif kienu magħrufa aħjar fratellanzi. Dawn kienu jinkludu dawk għal tal-merċa, tal-laħam, tal-ħut u tal-ħaxix.

Nhar il-festa tal-qaddis patrun tagħhom, San Krispin u San Krispinjanu, il-membri tal-fratellanza tal-iskrapan kienu jirregalaw par żarbun ġdid lir-rettur tal-fratellanza; in-negozjanti, sidien tad-dverni u kokijiet kienu jagħtu dramiġġjana nbid lir-rettur tagħhom filwaqt li l-bejjiegħa tad-drappijiet, ħajjata u nissieġa kienu jagħtuh suttana ġdida.

Fost il-ħafna benefatturi ta’ din il-Knisja Kolleġġjata nsibu lil Sir Richard More O’Ferrall (1847-51), li kien kattoliku Irlandiż u Gvernatur ta’ Malta. Huwa rregala lil din il-knisja, mazza tal-fidda u għal dan il-għan insibu l-pittura tiegħu mpittra biż-żejt minn Giuseppe Calleja mdendla fis-sagristija tal-knisja.

Il-kwadru titulari tal-knisja, li jfakkar in-nawfraġju f’Malta tal-Appostlu Missierna, tpitter mill-artist Matteo Perez d’Aleccio (1547-1616), li kien segwaċi ta’ Michelangelo, u li baqa’ jissemma għax-xeni tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta li pitter mal-ħitan tal-Palazz tal-Gran Mastri fil-Belt Valletta. Il-kwadru titulari tal-kolleġġjata ġie kkummissjonat u tħallas mill-Isqof ta’ Malta Tommaso Gargallo (1578-1614).

L-arkitett Lorenzo Gafà (1630-1710) u ħuh l-iskultur Melchiorre (1635-67), it-tnejn kellhom sehem importanti ħafna fil-bini u d-dekorazzjoni tal-Kolleġġjata Pawlina. Lorenzo ddisinja l-koppla eliptika tagħha filwaqt li Melchiorre skolpa fl-injam l-istatwa titulari maestuża ta’ San Pawl, li saret fil-bottega tiegħu f’Ruma. L-istatwa turi x-xena ta’ San Pawl qed jipprietka, pożizzjoni li kellha sservi ta’ mudell għall-parti l-kbira tal-istatwi tal-qaddis li saru iktar ’il quddiem f’Malta.

Teżori prezzjużi oħra li nsibu f’din il-knisja jinkludu r-relikwa ta’ parti mill-għadma tal-polz tal-lemin ta’ San Pawl kif ukoll ta’ waħda mill-erba’ pilastri tal-irħam jew saqajn tal-mejda li fuqha nqatgħet ras l-appostlu f’Ruma fis-sena 64AD. Dawn ir-relikwi ġew irregalati lill-knisja mill-Papa Piju VII fl-1818 bħala rikonoxximent għas-sehem tal-kolleġġjata fi żmien il-pesta tal-1813.

Fost il-kollezzjoni kbira ta’ oġġetti prezzjużi miżmuma b’għożża f’din il-knisja nsibu reċipjent kbir tal-fidda bl-arma tal-Gran Mastru Gregorio Carafa, sfera bid-djamanti bl-arma tal-Gran Mastru Adrien Wignacourt, u oħra kbira tal-fidda rregalata mill-Gran Mastru Emanuel Pinto, li kien irregala wkoll karozzella tat-trasport. Insibu wkoll lampier kbir tal-fidda rregalat mill-Gran Mastru Ramon Perellos u ieħor bl-arma tal-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena.

Ta’ preġju wkoll huma kalċi tad-deheb mastizz li kien irregalat mill-Papa Piju X lill-Isqof ta’ Malta Gaetano Pace Forno li min-naħa tiegħu offrieh lil din il-Knisja Kolleġġjata; sfera ndurata u mżejna bid-djamanti, li nġarret fil-purċissjoni tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta fl-1913; kalċijiet tal-fidda li ngħataw lill-knisja minn diversi saċerdoti u prelati u numru ta’ ventartali skolpiti fil-fidda.

Minn dawn ta’ min isemmi b’mod partikolari l-ventartal tal-fidda mastizz li nsibu armat fil-festa fuq l-artal maġġur u li juri x-xena tan-nawfraġju ta’ San Pawl. Sett ta’ sitt statwi tal-appostli, magħruf aħjar bħala l-appostolat u li huma maħduma fil-fidda, huma kopja identika ta’ dawk li nsibu fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran f’Ruma.

Fil-verità l-Kolleġġjata ta’ San Pawl Appostlu fil-Belt Valletta hija teżor ta’ patrimonju artistiku u artiġjanali tal-arti reliġjuża f’pajjiżna. Il-festa ta’ San Pawl Missierna, tiġi ċċelebrata kull sena b’ċelebrazzjonijiet kbar interni u esterni nhar l-10 ta’ Frar jew fl-aħħar Sibt ta’ Jannar jekk bħal fil-każ ta’ din is-sena, il-festa fi Frar taħbat fil-jiem tal-Karnival Nazzjonali li jiġi determinat mid-data tal-bidu tar-Randan Imqaddes.

Id-devozzjoni Pawlina, għalkemm tilħaq il-qofol tagħha fil-Belt Valletta, insibuha mifruxa ma’ bosta nħawi tal-Gzejjer Maltin. Għalhekk fi tmiem dan l-artiklu tiegħi xtaqt inwasslilkom lista ta’ postijiet oħra f’Malta u Għawdex li huma marbuta ma’ dan il-qaddis:

  • Il-Gżejjer ta’ San Pawl: jinsabu f’San Pawl il-Baħar; x’aktarx insibuhom qrib il-post fejn ġara n-Nawfraġju.
  • Il-Ponta ta’ Tassu: ilsien ta’ art qrib il-Gżejjer ta’ San Pawl; il-kelma Tassu x’aktarx hija korruzzjoni tal-kelma Tarsu, il-belt fejn twieled Sawlu (San Pawl).
  • Għajn Rażul: ‘Rażul’ tfisser ‘appostlu’.  Hawnhekk insibu nixxiegħa minn fejn il-leġġenda tgħidilna kif Pawlu ħareġ l-ilma mill-blat biex għammed lill-ewwel Insara Maltin.
  • San Pawl Milqgħi: hawnhekk jingħad li San Pawl ġie milqugħ mill-Ħakem Ruman Publiju. Publiju kellu l-artijiet f’dan il-post. Publiju nħatar l-ewwel Isqof minn San Pawl. Hawn inbniet knisja.
  • In-Naxxar: it-tradizzjoni tgħidilna kif dan ir-raħal ħa ismu mill-verb ‘naxar’. Jingħad li dawk li ħelsu mill-għarqa naxrulhom il-ħwejjeġ hawn. Oħrajn jgħidu li l-isem ġej mill-kelma ‘Nassar’ li mbagħad saret ‘Insara’.
  • San Pawl tat-Tarġa: skont il-leġġenda dan huwa l-post minn fejn jingħad li San Pawl ipprietka u nstema’ mix-Xewkija Għawdex. Hawn tqiegħdet statwa ta’ San Pawl fuq kolonna.
  • Il-Knisja tal-Ħuġġieġa: knisja f’San Pawl il-Baħar li tfakkar il-ħuġġieġa li l-Maltin qabbdu lil dawk meħlusa mill-għarqa.
  • Il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat: jingħad li hawnhekk San Pawl għex, ipprietka u talab fit-tliet xhur li dam Malta. L-istatwa li naraw ġiet irregalata mill-Gran Mastru Pinto.
  • Il-Katidral tal-Imdina: iddedikat lil San Pawl; it-tradizzjoni tgħidilna li dan il-Katidral inbena fuq il-post fejn kien hemm il-palazz tal-Prinċep Publiju.
  • Knisja fil-Wied ta’ Birkirkara: jingħad li San Pawl ipprietka hawnhekk.
  • Għawdex: F’Marsalforn, il-Munxar u n-Nadur insibu knejjes iddedikati lil San Pawl.

Il-gżejjer ta' San Pawl, f'San Pawl il-Baħar
Il-gżejjer ta' San Pawl, f'San Pawl il-Baħar

More in Blogs