Opinjoni | Il-Brazil jgħallimna

Lula wkoll, fiċ-ċans li jkun arrestat fuq akkużi ta’ korruzzjoni

Ftit żmien ilu, il-Brazil kien pajjiż b’ekonomija qed tiżviluppa u b’politika soċjali progressiva.

Il-President Lula, mexxej tal-Partit tal-Ħaddiema, li tela’ għall-ewwel darba fil-ħakma, offra somma regulari lill-ifqar familji, bil-kundizzjoni li jibagħtu lil uliedhom l-iskola. Flok nefaq il-flus fl-armamenti, Lula beda jonfoq fil-fidwa tal-parti fqira tal-popolazzjoni.

Illum, sena wara li s-suċċessur ta’ Lula, Dilma Rousseff, sfat imneħħija mill-ħakma b’vot tal-Parlament (vot li ħafna qed isejħu kolp morbidu tal-istat) il-Brazil jinsab f’kawlata politika, soċjali u ekonomika.

Il-Gvern li daħal jaħkem min-naħa tal-lemin għaddej b’ritmu ta’ reviżjoni f’isem dawk li huma super għonja fil-pajjiż. U kull bulletin t’aħbarijiet qed ikun pass ieħor fit-triq ta’ korruzzjoni li qed tieħu s-sura ta’ l-akbar waħda fid-dinja.

Hekk qal ġurnalist żagħżugħ Brażiljan: “Konna dejjem nafu li kien hawn il-korruzzjoni iżda d-daqs tagħha, il-għadd ta’ politiċi mdaħħlin fiha u l-ammont ta’ flus li hemm fin-nofs ħallietna diżgustati u demoralizzati għalkollox”.

Lula

Min ħa post Rousseff, Michel Temer, huwa mċappas bil-korruzzjoni u Lula, il-mexxej ta’ qabel Rousseff, dak li beda r-rivoluzzjoni soċjali, li għandu ċans jirbaħ l-elezzjoni s-sena d-dieħla, għandu wkoll iċ-ċans li jsib ruħu fil-ħabs!

Fi kliem ieħor, in-nies tal-lemin li warajhom hemm il-għonja, wara li rebħu l-ewwel battalja bit-tneħħija ta’ Rousseff mis-setgħa, issa jridu it-tieni battalja billi ma jħallux lil Lula jerġa’ jitla’ fil-ħakma.

Il-korruzzjoni tinsab fil-qalba tal-kriżi politika u soċjali li għaddej minnha l-Brazil imma mhix l-uniku raġuni għala dal kolp ta’ stat morbidu kien possibbli.

Lura fl-2013

Immorru lura fl-2013. Ħdax-il sena ta’ tmexxija mill-Partit tal-Ħaddiema kienu ġabu ħafna benefiċċji. Iżjed minn 30 miljun Braziljani sfaw meħlusa mill-jasar tal-faqar. Il-programm ekonomiku u soċjali, magħruf bħala Bolsa Familia kien temm il-ġuħ, żied l-attendenza fl-iskola, u kien qed jilħaq 14-il miljun familja. Inbnew diversi universitajiet ġodda u d-dħul ta’ studenti fl-ewwel żmien ta’ Rousseff żdiedu 18%. Il-programm Dari Hija Ħajti kien bena tliet miljun dar. U l-Brażil rebaħ il-kompetizzjoni biex kemm it-Tazza tad-Dinja 2014 u l-Logħob Olimpiku 2016  isiru hemmhekk.

Beda l-maltemp

Minkejja dan, beda jqum il-maltemp. Il-protesti fit-toroq, li qabel kienu jsiru biss mix-xellug, bdew isiru wkoll mil-lemin u anke mil-lemin estrem. Bdew l-istudenti li fi tliet xhur qamu f’madwar mitt belt u ħajru kategoriji oħra tal-klassi tan-nofs għax dawn bdew jilmħu d-differenzi bejnhom u l-fqar dejjem qegħdin jonqsu bl-avvanz ta’ dawn tal-aħħar. U fl-elezzjoni tal-2014 Rousseff sabet ruħha eletta imma kif jgħid il-Malti tkaxkret biex telgħet b’5%.

Imma hemm raġuni oħra. Il-Partit tal-Ħaddiema li kien beda l-bejjiegħ tal-karawett Lula, wara ħdax-il sena fis-setgħa beda jixxaħxaħ bil-poter, beda jitlef il-kuntatt mal-għeruq li jappoġġjawh u lil dawn ma sabhomx meta ġie bżonnhom – kif ġara lill-partiti tal-ħaddiema f’pajjiżi oħra.

Il-kriżi bdiet taħkem il-pajjiż. Il-qgħad tela’ għal 14-il miljun. Id-dejn beda jikber, il-partiti tal-Lemin bdew jitolbu awsterità ikbar u bdew jitolbu l-privatizzazzjoni tal-ġid pubbliku u l-għonja bdew isiru iżjed għonja.

Meta waqgħet Rousseff u flokha beda jiggverna Temer, dil-kriżi wasslet biex saħansitra il-kumpanija tal-eletriku Electrobras, li hija tal-Istat, tinsab għal bejgħ.

Il-korruzzjoni qed tinfiltra kullimkien. Id-ditti kbar qed jammettu li bi flushom xtraw diversi politiċi u s’issa mal-100 politiku u uffiċjal pubbliku nstabu ħatja, erba’ eks-presidenti u 71 parlamentari qed ikunu investigati bħala parti mill-iskandlu msejjaħ Car Wash u fl-istess ħin hemm 238 membru tal-parlament qed ikunu investigati mill-Qorti Suprema Federali, il-biċċa l-kbira fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kriminali.

Brażil Differenti

Minkejja kollox, Lula mhux jaqta’ qalbu. Qajjem is-slogan “Brażil differenti huwa possibbli” u beda għaddej vjaġġ ta’ 2,300 mil madwar in-Nordeste b’entużjażmu kbir!

More in Blogs