Editorjal | L-istorja għadha se tibda...

Malli tressqu t-tliet irġiel akkuzati bil-qtil ta’ DCG, inħass li dan il-każ beda joqrob fuqu xi forma ta’ għeluq

Din il-ġimgħa kienet waħda pjuttost partikolari. Kif kienet dik il-ġimgħa li ssiġġillat destin ikrah għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Nhar it-Tnejn filgħodu l-pajjiż reġa’ qam għall-aħbar li ġriet ma’ Malta kollha illi kienu ġew arrestati għaxar irġiel, ilkoll suspettati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Minn dawn tlieta kienu mressqin il-Qorti fuq diversi akkużi, fosthom l-omiċidju tal-istess ġurnalista.

Din, bla dubju kienet aħbar tajba għal pajjiżna. Kienet aħbar tajba għax ftit jew ħadd ma kien jemmen li fil-fatt se naslu għall-arresti ta’ nies fil-konfront ta’ dan ir-reat. Ifisser illi minkejja kritika, anke minn dan l-editorjal, il-Pulizija kienet qed taħdem qatigħ fuq il-każ, fis-silenzju bl-għan illi dan il-qtil, l-agħar reat fi snin ikun solvut.

Malli tressqu t-tliet irġiel akkuzati bil-qtil ta’ DCG, inħass li dan il-każ beda joqrob fuqu xi forma ta’ għeluq. Dak li ġara din il-ġimgħa allura kienet l-aħjar ħaġa li ġrat lil dan il-pajjiż fl-aħħar seba’ ġimgħat, għax b’xi mod bdiet tnaqqas xi ftit miċ-ċpar li bela’ lil dan il-pajjiż fl-aħħar żmien.

Dan iżda ma jfissirx li wasalna u lanqas ifisser li saret ġustizzja. Ma jistax ikun li saret ġustizzja ladarba għadu lanqas biss beda jinstema’ l-każ. Dak li se nibdew bħala pajjiż fil-jiem li ġejjin huwa s-smigħ tal-każ, li nittamaw illi jagħtina stampa ħafna iktar ċara ta’ x’ġara eżatt, ta’ min wettaq l-att eżatt u ta’ min kien il-moħħ wara dan il-qtil.

Meta nsiru nafu dawn id-dettalji u meta min kien responsabbli għal dan il-qtil jieħu dak li ħaqqu huwa l-mument li ssir verament il-ġustizzja.

Dan l-editorjal jerġa’ jisħaq, kif kien wara kollox qal seba’ ġimgħat ilu illi dak li ġara meta nqatlet Daphne Caruana Galizia huwa inaċċettabbli għax kien attakk fuq il-libertà tal-espressjoni, anke jekk dik l-espressjoni mhux dejjem qbilna magħha.

Huwa importanti għalhekk li nħallu l-kors tal-ġustizzja jieħu l-ħin tiegħu biex finalment nagħlqu din il-ferita li weġġgħet ftit mhux ħażin lil pajjiżna.

Apparti l-ġustizzja, hemm xi ħaġa oħra li dan il-pajjiż jeħtieġ jaħdem fuqha u din hija l-immaġini tiegħu ta’ pajjiż demokratiku fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu u joperaw mingħajr indħil jew pressjoni governattiva.

Huwa proprju issa l-akbar test tas-sistemi demokratiċi ta’ pajjiżna. Huwa issa l-mument li naraw illi dawk li jokkupaw karigi importanti f’pajjjiżna jkunu persuni ta’ rieda tajba, meħlusin mill-ktajjen tal-partiġġjaniżmu politiku u jkunu nies li jgawdu l-fiduċja ta’ kemm jista’ jkun nies u organizzazzjonijiet f’dan il-pajjiż.

Għalhekk l-arrest ta’ dawn it-tlieta minn nies huwa pass ’il quddiem u pożittiv, imma ma jneħħi xejn mill-bżonn li nagħtu ħarsa madwarna u nbiddlu fejn hemm bżonn.

Fosthom ukoll li persuni f’pożizzjonijiet sensittivi jkunu maħturin bl-appoġġ wiesa’ tal-Parlament.

Għax dak li għidna sitt ijiem wara l-mewt ta’ DCG, nibqgħu ngħiduh illum. Ma konniex qed nitkellmu għall-gallarija dakinhar.

More in Blogs