Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Nippreferi ġimgħa bilwieqfa

Għax Malta baqgħet qisha  “Malta tat-Tribu”

Ivan Bartolo / 28 ta' Novembru 2017 10:25
F’Malta tagħna, fejn kulħadd għassa fuq xulxin, ta’ madwarek ma jdumux ma jintebħu li int differenti mill-bqija tal-kotra.

Ħajtek tkun ikkulurita, għax filli jgħolluk, filli l-massa ddewqek ilsienha. Niftakar kliem dispreġattiv meta kont naħa, u l-istess nies li għajruni injorant, għollewni mas-seba’ sema, meta qsamt it it-triq u mort mal-Partit tagħhom. U viċi versa. 

Għax jien minni, nittkellem meta ma naqbilx u ngħajjar lill-Gvern speċjalment meta jilgħabha li ma jafx. U dawk li qed ipappuha sew, jilagħbuha li ma jafux lanqas. Għalhekk dawn huma kompliċi.

La kompliċi... ħatja. Mur ifhem... dan il-misteru tad-deżert li taqdef kemm taqdef ma tasal imkien. Mur ifhem. Bħal ħniex bla prinċipju... basta l-Gvern tagħhom jidher tajjeb.

Għax Malta baqgħet qisha  “Malta tat-Tribu”.  Għax  jekk il-Partit li vvutajt għalih,  jew jekk il-Partit huwa tal-familja, sibt ruħi hemm, għamilt bħalm’għamel missieri, allura jien bħan-nagħaġ ta’ bendu, bla moħħ u qatt ma niddiżżappunta ’l missieri. 

Jien m’għamiltx hekk, u b’daqshekk ma ddiżappuntajtx lill-familja, anzi lill-familja fissirtilha t-tajjeb mill-ħażin u l-biċċa l-kbira minnhom, imxew t-triq miegħi. Dan sodisfazzjon kbir! Hekk imorru l-affarijiet... għax it-tajjeb ma jmerih ħadd. U kemm it-tajjeb u anki l-ħażin tħossu. 

Hawn min jgħidlek it-tnejn ħżiena, allura jmorru fuq in-naħa tal-inqas ħażin.  Jien immur oltre, u l-inqas ħażin nibqa’ fih biex intejbu.

Għax il-mainstream tfittex dejjem li tħares u tgħasses l-istruttura li ssawwarha, bħallikieku l-bidla f’ ħajti ma tistax teżisti. Din hi ħila li wasalt għaliha u ma ddejjaqt minn xejn u ħadd li nasal għaliha.

Għal xi wħud is-sewwa u x-xieraq hija biss ta’ kif tikseb il-favuri u l-poter. Jien inħobb is-sewwa, akkost li dejjem nafni fil-qiegħ nett, fuq vapur mgħerreq, fl-oppożizzjoni.  

Għax jien irrid l-ordni u s-sewwa u allura nixtieq dejjem li n-nazzjon, li l-omm li tatni isimha jkun immexxi kif inhu xieraq. Qatt ma ħallejt id-drawwiet u t-tradizzjonijiet (anki jekk familjari) imexxuni. Ħadd ma jqarraq bija u ħadd ma jbellagħli ħrejjef.

Il-magni bla moħħ idejquni. Hawn jimmanifesta ruħu bniedem bil-ħila. Meta waqaft għal prinċipji tiegħi, fil-Partit Laburista, kien hemm persuna prominenti fil-Partit, fejn qalet li jien dgħajjef u li ma ndumx ma negħreq.

Dan kien fl-2003. Illum din il-persuna  tinsab f’xifer irdum u ma ddumx ma tegħreq. Għax il-qawwa tal-persuna tiegħi,  ma tidhirx fl-identità tiegħi, imma f’ dak kollu li nemmen fih u nippreżentah lil dawk li jridu jisimgħuni.  Din hi l-qawwa tal-personalita tiegħi. 

Jien m’iniex parti min-nagħaġ ta’ Bendu.  Ħaddieħor għax ħabb il-poter u l-flus, żamm ruħu mjassar taħt is-saqajn. U llum avolja l-Partit tiegħu jinsab fil-Gvern, imma sħabu jwarrbuh u bir-raġun! Għax is-sewwa magħruf dejjem jitla f’wiċċ l-ilma.

Ikun hemm mumenti fejn sħabek jgħidulek ‘tlift kollox’. Għal xi wħud jarawk bħala traditur. Iżda l-kotra tqisek bħala differenti minn oħrajn. Iħossuk u jagħrfu l-ġenwinità tiegħek. Ir-riżultat joħroġ waħdu.

F’sentejn biss, il-poplu għażilni bħala Viċi Sindku, imbagħad Sindku u seba’ xhur wara bħala Deputat. Għax ġo fija hemm ħuġġieġa tgħidli biex ma ningħaqadx mal-kotra belha, li moħħom biss fil-ġid.  Jien moħħni biss fil-ġid komuni. Ħallejt lil ruħi tirbaħ il-ġid materjali. Ħallejt il-ġenn imqaddes jeħlisni minn dik il-moralità li l-kotra jqisu bħala b’saħħitha, għalkemm mhijiex.

Il-kotra tagħżel is-sewwa, iżda ma jfissirx li l-maġġoranza dejjem għandha raġun. Għax il-verità u l-gideb, xi drabi għal kotra hija l-istess.

Dan hu d-diżordni tas-soċjetà miskina tagħna. Il-verità tal-kotra hija maqfula f’senduq, biex fuq dan is-senduq jitilgħu jiżfnu u jiċċelebraw id-diżordni ta’ Malta, it-tgħawwiġ tas-sewwa u ta’ kulma jħossu lli hu sewwa u xieraq.

Fil-każ tiegħi, nippreferi ġimgħa bilwieqfa milli għomri għarkoppteja.     

Magħruf l-aktar bħala preżentatur tar-radju u t-televiżjoni, l-aktar fi programmi ta' ġeneru soċjali. Kellu diversi esperjenzi l-aktar f'xogħol komunitarju magħruf aħjar bħala żvilupp fil-Komunità. Kien Editur għal sentejn sħaħ ta' gazzetta lokali li kienet titqassam b'xejn darba fil-ġimgħa. F'Ottubru li ġej jippubblika l-ħolma li dejjem kellu, l-ewwel ktieb tiegħu bl-isem ta' "Jien Miljunarju."
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook