Opinjoni | Ma’ Malta jew kontra Malta

Pubblikazzjonijiet li ħarġu din il-ġimgħa juru s-sens kbir ta’ ottimizmu li jeżisti favur il-'performance' ekonomika ta’ pajjiżna

Il-ġimgħa li għaddiet kienet ikkaratterizzata mill-pubblikazzjoni ta’ rapport miktub mill-kumitat PANA tal-Parlament Ewropew li kellu l-għan li jinvestiga, fost oħrajn, is-sistemi tas-servizzi finanzjarji ta’ għadd ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, fosthom pajjiżna.

Fix-xhur ta’ qabel il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport intqal ħafna diskors kontra s-servizzi finanzjarji tagħna. Kien hemm personalitajiet barranin li għamlu hekk, kien hemm mezzi tax-xandir barranin li għamlu hekk u kien hemm ukoll l-Oppożizzjoni li għamlet hekk.

Kulħadd kellu l-mottivi tiegħu: il-barranin jista’ jkun kellhom mottivi differenti milli kellha l-Oppożizzjoni. Ir-riżultat kien però identitiku: kritika bla preċedent fuq Malta, fuq is-servizzi finanzjarji tagħna u fl-aħħar mill-aħħar ħsara lil eluf ta’ postijiet tax-xogħol tal-Maltin.

Li barrani jkun jixtieq li dak il-ġid li ġej Malta minflok imur pajjiżu nista’ nifhimha mingħajr ma naqbel magħha. Imma li Malti bħali jirkeb fuq il-karru ta’ kritika salvaġġa fuq is-servizzi finanzjarji tagħna bil-għan li jara li ssir il-ħsara f’pajjiżna, dika ma nista’ qatt nifhimha.

Fix-xhur ta’ qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-kumitat PANA kien hemm min ħadha kważi ovvja li pajjiżna kien se jinstab li hu tax haven u li minn kemm ilu li tela’ l-Labour kollox illaxka u tħawwad biex kulħadd jisker u jaħtaf.

Ġie ppubblikat ir-rapport u fih intqal ċar u tond li pajjiżna mhu tax haven xejn u li s-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta jobdi l-liġijiet kollha li trid l-Unjoni Ewropea u entitajiet internazzjonali oħra fis-settur. Ċertifikat b’saħħtu li l-qasam tas-servizzi finanzjarji hu inregola u jissodisfa dak li jridu minna r-regoli Ewropej u internazzjonali.

Nistgħu nitkellmu fuq id-dettalji u l-irqaqat: il-bottom line hu li dan hu pajjiż li l-qasam tas-servizzi finanzjarji jobdi mija fil-mija dak li hu mistenni minna bħala pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea.

Il-jiem li ġejjin

Huwa f’dan il-kuntest li l-Parlament Ewropew matul il-ġimgħa d-dieħla se jiddiskuti mozzjoni tal-Partit tal-Popolari Ewropej (li fih il-Partit Nazzjonalista hu membru).

Meta ħareġ ir-rapport tal-kumitat PANA kien hemm sinjali kbar ta’ maturità mill-media lokali indipendenti li fil-fehma tiegħi mxiet b’mod mill-iktar korrett fir-rigward tal-qasam tas-servizzi finanzjarji. Il-ġurnali ewlenin bl-Ingliż, jiġifieri l-Maltatoday, Malta Independent u t-Times of Malta, fil-fehma tiegħi kienu korretti ħafna fl-imġiba tagħhom fuq dan il-punt u raw li fir-rapportaġġ tagħhom ikunu fidili u leali lejn dak li ntqal u allura poġġew l-interess tal-verità u ta’ pajjiżna fl-ewwel post. Imbagħad tkellmet l-Oppożizzjoni, partikolarment il-klikka estremista tagħha, li ħarġet tfajjar bl-addoċċ u tpinġi r-rapport tal-kumitat PANA bħala konferma li f’pajjiżna qed immexxu l-qattiela u d-delinkwenti u l-innoċenti qegħdin kollha maqfulin ġo karma mudlama bil-ġrieden u fl-umdità.

Fl-aħħar jiem rajna kif ikun hemm mumenti fejn l-irġiel u n-nisa jintgħarfu mit-tfal.

Il-jiem li ġejjin huwa mument ieħor simili fejn se ssir diskussjoni fil-Parlament Ewropew fejn kull min għandu l-istonku juġgħu dwar is-suċċessi ekonomiċi ta’ pajjiżna jkollu ċ-ċans li jfajjar kemm jiflaħ taħt pretest jew ieħor. U se jkollu ċ-ċans li jfajjar kemm jiflaħ kontra Malta għaliex hemm Maltin – partikolarment Roberta Metsola u David Casa – li ddeċidew li jintefgħu mal-barranin kontra pajjiżna. Meta jaraw hekk il-barranin ikomplu, sintendi, jiftħulha kemm jifilhu konfortati li hemm ukoll Maltin li qed iwaddbu l-ġebel u l-knatan bil-għan li tixxaqqaq il-ħġieġa tas-suċċess ekonomiku Malti.

Nibqgħu sodi

Biss, kbira kemm tkun kbira l-qawwa tal-attakk verbali fuq Malta fil-jiem li ġejjin, ikbar se tkun ir-resolve tal-Gvern u n-nies kollha ta’ rieda tajba li nibqgħu magħqudin u nissalvagwardjaw dak li hu tagħna waqt li nimxu skont dak li hu mistenni minna mir-regoli Ewropej fl-oqsma ewlenin, inkluż dawk finanzjarji.

Jien nista’ nagħmel mitt argument politiku kontra dak li qed jingħad mill-Partit tal-Popolari Ewropej.  U nista’ nikkwota għal ġranet sħaħ l-affarijiet tajba li qed nagħmlu aħna biex insaħħu r-rule of law, il-governanza u d-demokrazija f’pajjiżna sa din il-ġimgħa stess. Hemmhekk qegħdin fis-sod u ninsabu b’saħħitna għax qegħdin fuq in-naħa tas-sewwa.

Id-dispjaċir hu, nistqarr, li nara Maltin bħali u bħalek iżommu mal-barranin u mhux ma’ pajjiżna. Id-dispjaċir hu li nara l-Partit suppost Nazzjonalista jżomm mal-barranin u mhux mal-Maltin.

Malta l-ewwel

Fl-aħħar jiem kelli (u bħali esponenti oħra tal-Gvern kellhom) għexieren ta’ intervisti ma’ mezzi tax-xandir ewlenin fl-Ewropa. Intbaħt li ħafna minn dawn il-ġurnalisti kellhom fehmiet skorretti għall-aħħar fuq pajjiżna u bis-saħħa ta’ dawn l-intervisti indirizzajna ħafna ineżattezzi li ħaddieħor nibbtilhom f’moħħhom. Fil-fatt fil-maġġoranza assoluta tal-għexieren ta’ laqgħat li kelli mal-foreign press sar ħafna ġid għal pajjiżna u kulħadd fehem wieħed lil ieħor aħjar.

Uħud minn dawn il-mezzi tax-xandir, partikolarment dawk it-tmienja li kitbu lill-Viċi-President Frans Timmermans ftit tal-jiem ilu, kienu ostili lejn il-Gvern u uħud minnhom kienu ostili iktar minn oħrajn f’livelli inimmaginabbli.

Iktar żvilupp ekonomiku

Fil-kuntest ta’ dan kollu ħadt gost ħafna naqra kif il-Kummissjoni Ewropea qed tara u se tkompli tara f’Malta pajjiż li fih l-ekomomija tkompli tikber u timxi ’l quddiem. Pubblikazzjonijiet li ħarġu din il-ġimgħa juru s-sens kbir ta’ ottimizmu li jeżisti favur il-performance ekonomika ta’ pajjiżna u favur ix-xogħol tant tajjeb li qed iwettaq il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Ejja nibqgħu pożittivi, ejja nibqgħu ottimisti u magħqudin wara min irid li Malta tkompli timxi ’l quddiem u ssaħħaħ is-suċċessi tagħha.

Suċċess kulturali wieħed wara l-ieħor.

Ħadt gost naqra bis-suċċess li kiseb is-settur kulturali f’rapport li ħareġ dwar “it-Tjubija tal-Pajjiżi” fejn f’dan l-istudju s-settur kulturali u kreattiv ġie fid-9 post minn madwar id-dinja kollha.

Fl-aħħar jiem sfortunatament il-ħidma kulturali ħadet il-backburner minħabba d-dibattiti li kellna dwar is-saltna tad-dritt u oqsma relatati mal-Ġustizzja u wieħed jifhem li kellu jiġri hekk.  Biss m’għandix dubju li fil-jiem li ġejjin se nissoktaw bid-diversi aħbarijiet tajba li għandna mħejjijin għal iktar ġid u progress f’dan il-qasam kruċjali għalina.

More in Blogs