Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Xelter

Ivan Bartolo jgħid li pajjiżna jeħtieġ impenn kollettiv biex ikollna politika nazzjonali għal dawk vulnerabbli

Ivan Bartolo / 13 t'Ottubru 2017 15:32
Il-qasam tal-housing, mhuwiex qasam faċli u għalhekk bħala kelliem għall-oppożizzjoni f’ dan il-qasam irrid noffri l-biċċa tiegħi u ngħaqqadha ma’ ta’ oħrajn biex inkunu hemm preżenti u noffru kenn lil kull min għandu bżonn.

Pajjiżna jeħtieġ l-impenn kollettiv ta’ kulħadd sabiex ikollna politika nazzjonali li toffri dan il-kenn, l-aktar lil dawk vulnerabbli.

Il-kitba, il-programmi tar-radju u t-televiżjoni huma importanti, imma dana kollu jrid jiġi segwit bl-azzjoni.  Ovvjament, kemm id-diskussjoni u l-azzjoni iridu jkunu bbazati fuq studji dettaljati, li minnhom joħrġu diversi realtjiet.

Bħal pereżempju, x’inhi l-vera domanda u x’inhi l-vera provvista tal-proprjetà f’Malta. Kif l-ambjent fiskali ta’ pajjiżna qiegħed jaffettwa l-proprjetà f’pajjiżna u kemm ghandna persuni li d-dħul tagħhom mhux biżżejjed biex ilaħħqu mal-ispejjeż li għandhom inkluż il-kirjiet għoljin li qed iħallsu. Kemm bnemdin qed ibatu u spiċċaw bla saqaf fuq rashom għaliex ma jifilħux iħallsu l-kirjiet għoljin.

"'Proprjetà vojta ġġib magħha ħsara ekonomika, apparti żdingar u telqa. Jekk ikollok ‘political will’ il-Gvern jista’ jasal.'"
Ivan Bartolo
Dan l-istudju huwa importanti li jsir mal-istakeholders kollha.  U allura d-deċizjonijiet li hemm bżonn li nieħdu għandhom ikunu bbażati fuq dan l-istudju importanti dwar l-mekkaniżmi li jmexxu s-suq tal-proprjetà.

Minkejja li l-oppożizzjoni ġa tkellmet dwar dan u bl-ebda mod ma taqbel li għandu jkun hemm kontroll jew iffriżar tal-prezzijiet, madanakollu tirrikonoxxi li l-prezzijiet għoljin huma problema għal faxxa t’ isfel nett.

Hawn il-Gvern huwa obbligat li jintervjeni.  Irid isir xi ħaġa biex ‘jikkalma’ s-suq tal-kera sabiex aktar familji Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jaffordjaw jikru mill-privat.

Waħda mis-soluzzjonijiet għandha tkun li nipprovdu aktar djar għall-kiri.  Irridu nagħtu każ ukoll tad-djar il-vojta li nsibu fil-Furjana u madwar il-gżira. Proprjetà vojta ġġib magħha ħsara ekonomika, apparti żdingar u telqa. 

Jekk ikollok ‘political will’ il-Gvern jista’ jasal. Irid ikollok ukoll l-istrutturi biex tkun tista’ tagħmilha għaliex sal-lum pereżempju ma għandniex reġistru tal-artijiet komplut u irfinut. U allura l-Gvern mhuwiex f’pożizzjoni li jkun jaf min huma l-proprjetarji tal-postijiet kollha vojta f’pajjiżna.  Jekk inti tipprova tmur tagħmel riċerka fir-Reġistru tal-Artijiet illum fuq post partikolari biex issir taf min hu s-sid ta’ dik il-proprjeta’, l-art li fuqha qegħda l-proprjetà trid tkun f’dik li ngħidulha ‘f’żona ta’ reġistrazzjoni’. 

"'Għandna bżonn għalhekk investiment qawwi fir-Reġistru tal-artijiet jekk verament irridu nagħmlu użu tajjeb tal-kapital mibni li għandna. B’reġistru tal-art li huwa effiċċjenti u komprensiv nistgħu l-ewwel u qabel kollox ikollna stampa ċarissima tal-proprjetà vojta madwar Malta u Għawdex.'"
Ivan Bartolo
Jekk ma taqax f’dik iż-żona li tajjeb li ngħid li sal-lum huma ftit wisq il-proprjetajiet li jaqgħu f’żona ta’ reġistrazzjoni, inti tibqa’ ma ssir taf qatt lil min tappartjeni dik il-proprjetà partikolari.

Għandna bżonn għalhekk investiment qawwi fir-Reġistru tal-artijiet jekk verament irridu nagħmlu użu tajjeb tal-kapital mibni li għandna.  B’reġistru tal-art li huwa effiċċjenti u komprensiv nistgħu l-ewwel u qabel kollox ikollna stampa ċarissima tal-proprjetà vojta madwar Malta u Għawdex u wara jsegwi, pjan ta’ azzjoni ta’ kif nistgħu nagħmlu l-aħjar użu minn dawn il-postijiet vojta.

Ma nistgħux ma nitkellmux fuq l-impenn tagħna biex nagħtu l-kenn mistħoqq lill-familji tagħna bla ma nitkellem ftit ukoll dwar dawk il-persuni li ma għandhomx saqaf taħt rashom tant li jgħixu barra fit-triq, dak li nsejħulu ‘rough sleeping’ u persuni li għal xi raġuni jew oħra, anke għal żmien temporanju, jispiċċaw ‘homeless’.

Għalkemm forsi f’Malta ma teżistix daqstant il-problema ta’ ‘rough sleeping’ għajr xi waħdiet sfortunament minħabba diversi problemi soċjali għandna ħafna u ħafna każijiet fejn jispiċċaw ‘homeless’.

U allura nixtieq nara Awtorità li tħejji u timplimenta politika qawwija f’dan il-qasam. Sfortunament il-lista tal-akkomodazzjoni soċjali baqgħet dejjem tiżdied u allura l-Awtorità tad-Djar għandha tkun aktar proattiva f’din il-ġlieda kontra persuni bla saqaf.

Nemmen bis-serjetà li għandna nibnu identikit ta’ persuna bil-problemi soċjali tagħha u allura m’aħnix qed noffru s-soluzzjonijiet li hemm bżonn sabiex dik il-persuna ma tibqax tgħix f’dak l-istat.

U allura l-isfida vera taghna hija li jkollna struttura li tiskatta immedjatament meta inti għandek persuna bla saqaf u li allura tgħin lil dik il-persuna bħal li toħroġ minn ċerti vizzji, li ttejjeb il-ħiliet tagħha sabiex tkun tista’ tibda tmur taħdem, li tingħata protezzjoni sħiħa, l-aktar jekk hija vittma ta’ vjolenza domestika, fost oħrajn.

B’hekk biss nistgħu niżguraw li dawn il-persuni ma jkunux imwarrba mis-socjetà; b’hekk biss nistgħu nisguraw li qed nagħtu l-empowerment sħiħ  lil dawn il-bnedmin sabiex iħossuhom parti integri mill-komunità u aktar tard fis-socjetà.

Magħruf l-aktar bħala preżentatur tar-radju u t-televiżjoni, l-aktar fi programmi ta' ġeneru soċjali. Kellu diversi esperjenzi l-aktar f'xogħol komunitarju magħruf aħjar bħala żvilupp fil-Komunità. Kien Editur għal sentejn sħaħ ta' gazzetta lokali li kienet titqassam b'xejn darba fil-ġimgħa. F'Ottubru li ġej jippubblika l-ħolma li dejjem kellu, l-ewwel ktieb tiegħu bl-isem ta' "Jien Miljunarju."
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook