opinjoni | Mija

Il-Ministru Owen Bonnici konvint li din it-tieni leġiżlatura se tkun aħjar mill-ewwel waħda

L-ewwel mitt jum ta' kull amministrazzjoni huwa avveniment sabiħ ħafna għaliex bis-saħħa tiegħu nimmarkaw il-ħidma ta' Gvern ġdid.

Normalment l-ewwel mitt jum jitqiesu bħala honey moon period, iżda l-ħidma li wettaq il-Kabinett kienet waħda ta' min baqa' għaddej irrankat iwettaq miżura wara l-oħra tal-programm elettorali.  Altru milli qamar il-għasel!

Il-ġurnata minn filgħodu turik u m'hemm ebda dubju li dawn il-ħames snin se jkunu kontinwazzjoni tal-ħafna xogħol tajjeb li wettaqna fl-ewwel erba' snin. Biżżejjed naraw ir-riżultati ekonomiċi u malajr tirrealizza li f'Joseph Muscat il-poplu għandu persuna li se jkompli jsaħħaħ lil pajjiżna u jmexxih 'il quddiem.

Tant kemm qed joħorġu riżultati pożittivi fil-kamp ekonomiku u soċjali li kważi kważi n-nies qed jeħduhom forgranted. Dawn ir-riżultati ma jiġux b'kumbinazzjoni imma frott ħidma ma taqta' xejn minn Gvern u Prim Ministru ffukat u jaf fejn irid jasal.

Konvint li din it-tieni leġiżlatura se tkun aħjar mill-ewwel waħda biex pajjiżna verament jgħix l-aqwa żmien.

Diskors effettiv

Din il-ġimgħa mmarkajna l-festa pubblika ta' Jum il-Vitorja fejn primarjament insellmu lil missirijietna li ħarġu rebbiħin fl-Assedju l-Kbir.

Ħafna Maltin, ukoll, f'Jum il-Vitorja jiftakru fl-avvenimenti ta' Settembru 1800 meta Emanuele Vitale u Francesco Saverio Caruana mexxew lill-Maltin kontra t-truppi Franċiżi lill-flotta Sqallija tal-Gran Soccorso u f'dak li ġara fl-1943 meta l-Italja ċediet l-armi.

Għalkemm għaddiet prattikament ħajja ta' bniedem mill-1943 sal-lum għad hawn Maltin u Għawdxin fostna li għexu lil Pietro Badoglio jiddikjara li l-armistizju li l-Italja talbet lill-Ġeneral Dwight D Eisenhower ingħata u lil Eisenhower jgħid, mill-kwartieri tal-Alleati tefa' ta' ġebla 'l bogħod minn Malta, li l-Italja ċediet b'mod inkondizzjonat. 

Hu x'inhu l-Assedju l-Kbir huwa ċelebrazzjoni ta' meta Malta rebħet, ta' meta Malta għelbet l-isfidi militari li tpoġġew quddiemha.

Kienu għamlu sewwa missirijietna, ftit wara l-irvellijiet tas-Sette Giugno, li bdew jikkommemoraw din il-festa biex iwasslu l-messaġġ li l-poplu Malti kapaċi jkun rebbieħ fuq l-għadu u fuq il-barrani li jipprova jaħkmu. 

Il-festa għadha relevanti anke wara li pajjiżna ħa rajh f'idejh bl-avvenimenti storiċi li seħħew fis-sittinijiet u sebgħinijiet u wara li l-ekonomija qamet fuq saqajha permezz ta' Gvernijiet sussegwenti fl-aħħar tliet ġenerazzjonijiet.

F'kull ċelebrazzjoni ta' Jum il-Vitorja, sena wara sena, jagħmel diskors mistieden jew mistiedna distinta. L-ewwel wieħed f'nofs l-għoxrinijiet kien Dun Karm Psaila, il-poeta nazzjonali. 

Din is-sena kien imissha Dr Carmen Sammut li tagħmel id-diskors tagħha li kien wieħed mill-aqwa diskorsi li qatt smajt kemm ili nattendi għal dawn l-avvenimenti.

Dr Sammut nislet narrattiva sħiħa fuq it-tema tal-avvanz u l-emanċipazzjoni tal-mara u semmiet diversi nisa u rġiel li ħadmu kemm felħu biex dan it-tragward jintlaħaq dejjem iktar.

Ħarset lejn il-figura ta' Malta li hija spiss tiġi mfassla fil-forma ta' mara.  Ħarset lejn dak li ġara fl-1947 biex il-mara tkun tista' tieħu l-vot. Ħarset lejn l-istorja ta' qariba tagħha li welldet fil-gwerra iżda ma gawdietx lill-familja tagħha. Ħarset ukoll lejn il-ġejjieni u dak kollu li rridu nwettqu biex l-emanċipazzjoni tal-mara fis-soċjetà tagħna verament titwettaq.

Minn qalbi nifraħ lil Dr Sammut. Konvint li din il-ġenerazzjoni se tkun dik li se tagħmel id-differenza f'dan is-settur.

Is-sejf ta' de Valette

Kemm kienet ta' suċċess l-inizjattiva li ħadna biex nagħmlu ġurnata li fiha s-sejf ta' de Valette ikun għall-wiri b'xejn għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

In-nies ikkonkorriet bi ħġarha u n-numri kienu fantastici. Iktar minn 5,400 persuna gawdiet minn din l-opportunità ta' darba.

Grazzi minn qalbi lill-ħaddiema ta' Heritage Malta u grazzi lill-Gvern Franċiż talli ħdimna tant tajjeb flimkien.

Intervista inġusta

Il-Prim Imħallef Emeritu u Imħallef fuq il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem Vincent de Gaetano għoġbu jagħti intervista lil ġurnal lokali dwar is-settur tal-Ġustizzja. Dan essenzjalment qal li dan il-Gvern m'għamel xejn sew ħlief li rranġa l-pensjoni tal-Ġudikanti. Din tal-pensjoni kienet riforma bżonjuża u ġusta li l-iktar li se tgħin hu lil dawk l-Ġudikanti li baqgħu jaħdmu Malta, baqgħu jagħmlu s-sagrifiċċji f'pajjiżna u baqgħu jipprovaw jagħmlu l-bidliet li jemmnu fihom f'Malta. 

Ċertu argumenti li saru f'din l-intervista kienu bbażati fuq fatti skorretti u nbnew argumenti fuq pedamenti totalment żbaljati u dan m'huwiex sewwa. 

Biss, m'iniex però se nidħol f'kummentarju pubbliku ma' dan l-Imħallef, anke għax jidhirli li Ministru tal-Gvern m'għandux qatt jidħol f'dibattitu – anke jekk fuq livell akkademiku - ma' mħallef sedenti.  Nagħżel għalhekk li ma nikkummentax.

Minflok nawguralu suċċess fil-kariga li għandu barra minn pajjiżna.

Kellna għall-ewwel darba fl-istorja tal-Kunsill Malti għall-Arti skema miftuħa proprju għas-soċjetajiet mużikali fejn allura l-baned ma kellhomx għalfejn itellqu ma' artisti oħra ta' ġeneri oħra

Soċjetajiet Mużikali b'saħħithom

Proprju fil-ġimgħa tal-Vitorja, fejn ħafna familji Maltin u Għawdxin igawdu ħin ta' kwalità flimkien u jkunu involuti f'xi waħda mill-festi li jiffesteggjaw fl-irħula tagħhom tajna għotjiet finanzjarji importanti lil xejn inqas minn 21 banda wara proċess kompetittiv.

Jien kuntent ħafna bil-mod ta' kif saru l-affarijiet. Kellna għall-ewwel darba fl-istorja tal-Kunsill Malti għall-Arti skema miftuħa proprju għas-soċjetajiet mużikali fejn allura l-baned ma kellhomx għalfejn itellqu ma' artisti oħra ta' ġeneri oħra. Il-proċess kien miftuħ: kull banda setgħet tapplika. L-għażla saret mill-Assoċjazzjoni tal-Baned Maltin u dan biex inkunu ċerti li n-nies l-iktar li jifhmu jkunu dawk li jtuna l-pariri effettivi.

Prosit minn qalbi lil kull min ħa sehem u nemmen li minn dan l-eżerċizzju ħareġ ħafna ġid.

Aħna se nkomplu naħdmu fil-qrib bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Assoċjazzjoni tal-Baned Maltin biex dan il-valur miżjud li jagħtu l-baned Maltin u Għawdxin lil pajjiżna jkompli jissaħħaħ.

More in Blogs