Ittri Il-punt Blogs

opinjoni | Għaddiet Ġimgħa

'Frank Portelli, aħjar jipprova jsalva l-qagħda personali tiegħu u jipprova jbigħ l-isptar li sfortunatament spiċċa mażżra m’għonqu milli jipprova jidħol għal impenn politiku daqshekk kbir'

Joe Ellis / 24 t'Awwissu 2017 12:13
Wara l-artiklu tiegħi tal-Ħadd li għadda, ir-reazzjoni kienet waħda mħallta kif wieħed kien jistenna.  Ma’ għandi l-ebda pretensjoni ta’ infallibbiltà u għaldaqstant, kulħadd hu liberu li jaqbel jew le ma’ dak li ktibt. Xejn ħażin f’dan. Li ma naċċettax hu min jattribwixxi xi motivi ulterjuri f’dak li ktibt.  Li ktibt, ktibtu għax verament ħassejt li għandi niktbu għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista li tiegħu jien tesserat u kandidat kif ukoll għad-demokrazija fil-pajjiż. Id-demokrazija hi ħaġa ferm għażiża u għandha tkun hekk għal kulħadd. Fuq kollox, jeħtieġ li tiġi ndukrata kull ħin u mument u protetta mill-interessi speċjali. Possibbilment ma jistax ikollok sitwazzjoni agħar f’demokrazija milli li jkollok partit prinċipali, kemm fil-gvern kif ukoll fl-oppożizzjoni, li jispiċċa taħt il-kontroll mhux daqshekk moħbi ta’ bank kbir, bank li għandu l-aġenda tiegħu u li l-għan prinċipali tiegħu hu li jagħmel kemm jista’ jkun qligħ. Il-bank in kwistjoni għandu storja riċenti ta’ diversi skandli ta’ entità enormi f’pajjiżi oħra u għaldaqstant, wieħed irid joqgħod ferm attent. Min ma jridx jifhmu dan il-punt, affarih u mhu ħa jimpressjona lil ħadd bit-tgħajjir u b’argumenti mhux f’lokhom.

Kien hemm min anke akkużani li bil-kitba tiegħi qed nagħti palata lill-Partit Laburista. Verament ma nifhimx għala dan għandu jkun il-każ. Din hi xi ħaġa interna tal-PN b’implikazzjonijiet wiesgħa fuq il-kwadru demokratiku ġenerali. Waqt il-kampanja elettorali kelli l-privileġġ li nisma’ diskursata li ta l-eks segretarju ġenerali tal-PN, Louis Galea. Stajt nammira l-mod erudit u raffinat li bih, Louis Galea żvolġa l-argumenti u ma stajtx ma nirrimarkax kemm illum, m’għandniex esponenti politiċi li għandhom l-ispessur politiku tiegħu. Punt li laqatni ferm kien l-osservazzjoni tiegħu li l-PN u l-PL huma tewmin. Jekk jikkrolla partit, l-ieħor ukoll ser ilaqqat daqqa. Wara kollox, din diġà rajnieha fl-Italja fejn wara li sfaxxa l-Partit Demokristjan, il-Partit Komunista wkoll sfaxxa u llum il-partit suċċessur tiegħu aktar għandu minn ta l-ewwel milli minn tat-tieni.   Għaldaqstant, paradossalment hu anke fl-interess tal-PL li l-PN jiġi fuq saqajh. Jekk l-istrateġi Laburisti qegħdin jittamaw li l-PN ixolji minħabba d-diviżjonijiet interni jew il-problemi finanzjarji tiegħu, ikunu qegħdin anke jikkundannaw lill-Partit tagħhom. Għaliex iż-żewġ partiti prinċipali Maltin huma dak li l-Ingliżi jsejħu broad churches li jiġbru fosthom nies ta’ tendenzi u fehmiet ferm diversi. L-appartenenza għal partit jew ieħor hi spiss minħabba raġunijiet ta’ trobbija jew xi pjaċir personali li wieħed ikun sarlu u mhux minħabba xi raġuni ideoloġika. U għaldaqstant, iż-żewġ partiti jinkludu nies b’opinjonijiet ferm differenti minn xulxin.

Mill-banda l-oħra, kien hemm min qabel miegħi u feraħli talli wrejt il-kuraġġ li nesprimi dak li esprimejt u l-mod kif esprimejtu. Fil-waqt li nirringrazzja lil dawn it-talin, nistqarr li nħossni nkun nonqos lili u lill-qarrejja kif ukoll id-demokrazija li nħaddan jekk ma nesprimix dak li nħoss. Mal-verità qatt m’għandu jkun hemm kompromessi.

Għalkemm ħadd miż-żewġ kandidati nvoluti ma rtira l-kandidatura tiegħu, ir-reazzjoni tagħhom kienet ferm differenti. Fil-każ ta’ Frank Portelli, kien hemm silenzju perfett. Baqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn. Qisu dak li ntqal m’għandu x’jaqsam xejn miegħu. Intenni li nħoss li persuna li qiegħda taffaċja talba minn bank ewlieni għal somma li tiżboq €11m, qajla tista’ tkun f’posizzjoni serena li tmexxi partit li huwa espost ukoll mal-istess bank. Barra dan id-dejn, hu magħruf li Frank Portelli għandu djun sostanzjali oħra ma’ diversi kredituri inkluż bank ewlieni ieħor għal somom sostanzjali. Il-parir li wieħed jista’ jagħti lil Frank Portelli hu li aħjar jipprova jsalva l-qagħda personali tiegħu u jipprova jbigħ l-isptar li sfortunatament spiċċa mażżra m’għonqu milli jipprova jidħol għal impenn politiku daqshekk kbir. Imma forsi wieħed m’għandhux għalfejn jikkonċerna ruħu wisq fuq il-kandidatura tiegħu għaliex ftit huma dawk li jagħtuh wisq ċans li jgħaddi għat-tieni fażi tal-elezzjoni għalkemm ovvjament, kwalunkwe pronostiku jista’ jkun żbaljat.

Ir-reazzjoni ta’ Adrian Delia kienet differenti. Talabni niltaqa’ miegħu u aċċettajt. Iltaqjna nhar Santa Marija filgħodu u kellna laqgħa ta’ nofs siegħa li kienet ferm kordjali. Għalkemm aħna t-tnejn li aħna avukati, ftit li xejn kellna kuntatt bejnietna. Adrian saqsieni x’qed jinkwetani u jiena rrepetejt dak li semmejt fl-artiklu tiegħi. Tani ħafna informazzjoni ta’ natura kummerċjali li ovvjament m’iniex ser nikxef sabiex iserraħli rasi li l-proġett tal-Imġarr, Għawdex eventwalment ser jirrendi. Jiena ndagajt ftit u verament jidher li dan il-proġett eventwalment għandu jeħles mid-dejn mal-bank malli jinbiegħ kollu. Serraħli rasi wkoll fuq il-pożizzjoni finanzjarja personali tiegħu. Madankollu, kif għidtlu, il-kostituzzjoni ta’debitu ta’ €7.2m li daħal għaliha, remota kemm hi remota, il-possibbiltà li l-bank idur fuqha fil-konfront tiegħu, hemm qiegħda. Assigurani li sħabu f’dan il-proġett huma lesti li jixtru sehmu u jeħilsuh minn kwalunkwe impenn lejn il-bank u hekk ser jagħmel jekk jilħaq kap. Dan ovvjament ikun irid il-kunsens tal-istess bank. Jiena nittama li Adrian Delia jikkonkretizza dan l-impenn possibbilment anke qabel l-elezzjoni għax b’hekk ikun elimina kwalunkwe possibbiltà li l-affarijiet personali tiegħu jaffetwaw il-pożizzjoni finanzjarja tal-PN. Sakemm isir tali pass, il-perplessitajiet li esprimejt il-Ħadd li għadda, jibqgħu. X’uħud qaluli imma dan mhux dejn kummerċjali, u min m’għandhux dejn? Verament hekk hu. Imma fl-opinjoni fqira tiegħi, min ser jidħol għall-kariga ta’ mexxej tal-PN, ma jistax ikollu l-ebda mażżra m’għonqu li xxekklu fil-ħidma delikata sabiex il-Partit jissupera l-problemi finanzjarji li jinsab fihom.

"Jekk l-istrateġi Laburisti qegħdin jittamaw li l-PN ixolji minħabba d-diviżjonijiet interni jew il-problemi finanzjarji tiegħu, ikunu qegħdin anke jikkundannaw lill-Partit tagħhom"
Jiena nittama li kulħadd jifhem dan il-punt kardinali u li fil-ftit żmien li baqa’ qabel l-ewwel fażi tal-elezzjoni, il-kandidati jindirizzawh b’mod effettiv. Huwa ċar li ħadd minnhom m’għandu l-intenzjoni li jirtira mill-elezzjoni, imma allura għandhom jifhmu l-ħtieġa assoluta li jindirizzaw effettivament din is-sitwazzjoni anomala jekk iridu jakkwistaw l-appoġġ ta’ kunsilliera li bħali, huma ferm imħassba biha. Meta Nerik Mizzi miet, tkeffen f’żarbun imtaqqab għax ma kellux par sura ta’ nies. L-armla tiegħu għexet billi tagħti l-privat tal-pjanu. Żgur ma kellhomx vilel u artijiet u jagħtu miljuni lill-banek. Verament iż-żminijiet inbidlu imma l-valuri intrinsiċi tal-Partit jibqgħu l-istess: li jindokra u jsaħħaħ id-demokrazija fil-pajjiż u fl-Unjoni Ewropea li tagħha aħna membri u li jaħdem u jistinka sabiex il-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu jimxu ’l quddiem kif invarjabbilment sar minn mindu l-PN akkwista l-Indipendenza tal-pajjiż u dħalna fl-UE.

Huwa żgur ukoll meħtieġ li l-organi interni tal-partit jindirizzaw din is-sitwazzjoni inedita bl-aktar mod effettiv possibbli. Għandhom jitolbu u jingħataw il-kjarifiki u l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-espożizzjoni finanzjarja ta’ l-ebda wieħed mill-kandidati mhi sejra tinċidi fuq jew tikkomprometti l-pożizzjoni finanzjarja tal-partit. 

Dan għandu jsir mhux biss fl-interess tal-Partit Nazzjonalista imma tad-demokrazija fil-pajjiż in ġenerali. Nittama li kulħadd jifhmu dan, jew tal-anqas japprezza tali sentiment. 

Dan l-artiklu ġie ppubblikat fil-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook