opinjoni | Nagħmlu festa

'Il-valur li jagħti l-logħob tan-nar lill-prodott kulturali huwa imprezzabbli u għandna obbligu li nagħtu għajnuna u kuraġġ lil dawn id-dilettanti'

Kemm ili nservi bħala Ministru tal-Kultura tgħallimt napprezza ferm iktar il-wirt kulturali li ħallewlna missirijietna – mhux biss il-wirt tanġibbli bħalma huma t-tempji u s-swar imma anke l-wirt intanġibbli bħalma huma l-festi Maltin.

Tgħallimt napprezza iktar għaliex naf x’iġifieri meta l-Gvern jorganizza l-“festi” tiegħu – l-festivals – bħalma hija Notte Bianca jew il-Jazz Festival – u naf kemm wieħed jirrikjedi impenn, investiment u dedikazzjoni.  U allura kull meta ninżel f’xi raħal fejn hemm il-festi, partikolarment meta jkun żgħir, napprezza ħafna u ħafna iktar kemm saru sagrifiċċji biex ittellgħu dawn il-festivals tant sbieħ tal-kultura f’kull raħal – ġieli tnejn f’kull raħal.

Jien u nimxi fit-triqat u niltaqa’ man-nies fl-isfond tal-logħob tan-nar u tradizzjonijiet indiġeni Maltin, bla ma rrid nibda naħseb f’moħħi xi spiża kien jonfoq il-Gvern kieku kellu jkun hu li jagħmel, pereżempju, il-festa f’raħal partikolari u kellu jħallas hu għal kull ħaġa li ssir.  Però dik hi biss dimensjoni waħda tal-valur tal-festa.  Hemm dimensjonijiet oħrajn li kultant ma nagħtux kashom. Xtaqt insemmi ftit.

Empowerment

L-ammont ta’ ġuvintur u tfajliet li fi ħdan is-soċjetajiet mużikali jiġu empowered u joħolqi opri sbieħ mix-xejn li ltqajt magħhom huwa sorprendenti. U terġa’ hemm ammont ta’ ġuvintur u tfajliet li forsi s-soċjetà hemm barra tittimbrahom bħala unskilled li mbagħad fis-soċjetajiet juru ħiliet enormi. Dak il-valur irid jiġi apprezzat u valorizzat għaliex qed issir edukazzjoni tal-ħajja iktar mill-aqwa skola jew università.

Logħob tan-nar

Il-logħob tan-nar huwa attrazzjoni kulturali enormi. Meta jsiru l-pubblikazzjonijiet biex tiġi reklamata Malta u Għawdex ma jagħmlux ritratti ta’ Ministri jew deputati Parlamentari imma xi xena tal-logħob tan-nar f’xi pjazza.

Bħal kull ħaġa oħra, il-logħob tan-nar għandu l-iżvantaġġi tiegħu u kull meta tigri xi diżgrazzja l-qalb tħoss u tweġġa’ u ma għandna nieqfu qatt ninvestu fis-sigurtà u t-taħriġ tad-dilettanti tan-nar. Il-valur li jagħti l-logħob tan-nar lill-prodott kulturali huwa imprezzabbli u għandna obbligu li nagħtu għajnuna u kuraġġ lil dawn id-dilettanti.

Valur kulturali

Xi ngħidu mbagħad għall-valur kulturali.  Ħafna mill-aqwa surmastrijiet u mużiċisti li kellna f’pajjiżna raw l-oriġini tagħhom mis-soċjetajiet mużikali tal-irħula. Jien nitpaxxa, pereżempju, nitkellem mas-Sur Charles Debono u jgħidli fuq il-wirt tal-Maestro Carlo Diacono u l-imħabba li għandu għal dan il-ġenju mużikali. Xogħolna hu li nassistu lil dan il-valur u nħeġġuh jespandi u jimxi ’l quddiem maż-żminijiet. Hi ħolma tiegħi li naslu f’punt, xi darba, li kull banda b’mod dirett jew indirett ikollha wkoll fergħa ta’ kwartet tal-injam jew orkestrali …

Meta jkun żgħir, napprezza ħafna u ħafna iktar kemm saru sagrifiċċji biex ittellgħu dawn il-festivals tant sbieħ

Sfidi

L-isfidi tas-soċjetajiet mużikali mhumiex żgħar meta qed ngħixu f’era fejn kollox jiswa l-flus. Il-Gvern għandu programm elettorali sabiħ ferm għas-soċjetajiet mużikali li hu b’saħħtu ħafna. Ħa nsemmi biss ftit mill-wegħdi elettorali:

1.     Li ngħinu lis-soċjetajiet mużikali jsiru sid djarhom;

2.     Li s-soċjetajiet mużikali jkollhom rati preferenzjali ta’ taxxa fuq servizzi bażiċi (utilitajiet);

3.     Li s-soċjetajiet jiġu mgħejjuna bi programmi u skemi.

Serjetà

Min-naħa l-oħra huwa kruċjali li s-soċjetajiet mużikali jżommu s-serjetà l-ewwel u qabel kollox. Pereżempju, ma nistax naċċetta li soċjetà tippretendi għajnuna mingħand il-Gvern u mbagħad ma tkunx imqar reġistrata bħala NGO mal-Kummissarju tal-NGOs jew li ma jkollhiex il-karti inordni. M’għandix dubju li l-istragrandi maġġoranza tas-soċjetajiet huma serji u hekk jagħmlu u rridu dejjem nimbuttaw ’il quddiem iktar serjetà’ u professjonalità.

L-Għaqda tal-Baned Maltin

F’dan kollu rridu naħdmu id f’id mal-Għaqda tal-Baned Maltin li magħhom għandna relazzjoni mpekkabbli.  Mingħandhom dejjem ħadt pariri siewja u nixtieq ħafna li jkunu magħna fil-passi li nagħmlu minn issa u ‘l quddiem.

 

Wirt Dinji

Ma rridux ninsew li id f’id ma’ din il-ħidma rridu nkomplu mmexxu ’l quddiem l-ambizzjoni li l-festi jiġu dikjarati Wirt Dinji tal-UNESCO. Sar ħafna xogħol fl-aħħar legiżlatura u se nissoktaw b’din il-ħidma biex din il-ħolma ssir realtà.

Il-festa t-tajba lil kulħadd!

Żgur, kif qed naraw, se jkollna fejn nagħmlu festa bil-festi waħda u sewwa!

Awguri Chris Fearne!

Nieħu l-opportunità li nawgura lid-Deputat Prim Ministru l-ġdid Dr Chris Fearne ħidma siewja favur il-pajjiż u l-Partit Laburista. Kif għidt il-ġimgħa li għaddiet il-Partit Laburista kellu tliet kandidati għal din il-kariga li kollha kienu jixirqilhom li jokkupaw dan il-post tant delikat, liema post seta’ jimtela biss minn bniedem wieħed. Issa li d-delegati għamlu din l-għażla, m’għandix dubju li l-ħidma se tissaħħaħ u timxi ’l quddiem.

 

More in Blogs