editorjal | Ieqfu kerrhu lil Malta tagħna

'Bajja sabiħa? Itfa’ dak il-karavan, ifrex dak it-tapit quddiem il-karavan, ikteb ‘don’t pass’ jew ‘don’t touch’ u daqshekk il-bajja pubblika saret bitħa privata tiegħek. U mela Ġuż! Mela mmur noqgħod nieħu loan...?'

L-ispazju. Il-vojt tal-ispazju. Xi kultant jidher illi dan il-poplu u dan il-pajjiż jibża’ mill-vojt tal-ispazju miftuħ, jew inkella ma japprezzahx biżżejjed. L-ispazju donnu qiegħed hemm biex jimtela’ biex jinbena jew biex b’xi mod nagħmlu profitt minnu. 

Bajja mrammla, sabiħa u vojta, lesta biex tilqa’ lill-familji, tfal żgħażagħ u għawwiema fl-istaġun tas-sajf? U ma tarax, imlieha bid-deckchairs u l-umbrelel u iktar kemm titfa’ deckchairs, aktar tagħmel profitti. U qabbad lil xi student jew lil xi ħadd li tħallsu biċ-ċiċri u kun ċert li kull nemusa li tersaq lejn il-bajja toffrilha deckchair qabel ma ssorġi. U jekk ma taċettax, uriha fejn għandha ssorġi fil-ftit vojt li jkun tħalla. Kull ċentimetru jiswa l-flus. 

Kienet verament koinċindenza li eżatt kif kien qed jinkiteb dan l-editorjal niżlu l-Pulizija l-Armier u battlu l-bajja minn kemm Alla ħalaq deckchairs u umbrelel, li għandna nifhmu illi ġew konfiskati għax mhux suppost kienu hemm biex tibda. U hekk sewwa u xieraq! Dan b’liema dritt persuna, hi min hi, tinżel f’post pubbliku, hu fejn hu, u tiddeċiedi unilateralment illi tbiddel spazju pubbliku f’wieħed privat? U, iktar minn hekk, li mill-istess art pubblika li qed tokkupa tagħmel il-profitt. Mhux hekk hux! Għax aħna ħobbla u tredda rriduha! U ara min ikellimna, għax inkella mmorru fuq xi politiku mingħajr spina u bla prinċipju, nhedduh bil-vot u dan naturalment jagħlaq għajnejh. 

U ġeneralment din il-mentalità bażwija hija ġustifikata bil-frażi, ‘u iva billi ħadt erba’ ċentimetri mill-bajja/għalqa/art, mur ara.’ Naturalment din il-mentalità hija proprjament dak li wassal biex sar sfreġju fil-Blue Lagoon. Post illi fih isir ritwal ta’ kull sena ta’ mijiet ta’ nies ġo xulxin, fuq xulxin, iħokku ma’ xulxin u jirfsu fuq xulxin kollha jipprovaw igawdu mill-ġmiel ta’ wieħed mill-postijiet li jista’, potenzjalment, jagħmilna fost l-isbaħ pajjiż fl-Ewropa. 

Krejnijiet hawn, krejnijiet hemm, binjiet ġodda hawn, binjiet ġodda hemm (insomma flats u flats u flats) u kieku pjan wieħed, li hu wieħed biex nagħmlu ġnien xi mkien, biex niżirgħu s-siġar jew biex nagħmlu spazju li fih il-familji jsibu l-kwiet u l-paċi u d-dell frisk li kapaċi biss jagħtu s-siġar. Ma tarax! Mela s-siġar jimlewlek il-but?

Imma ma tarax. Rajna l-ispazju. Ridna nagħmlu l-profitt minn dak l-ispazju. Mela itfa’ biżżejjed deckchairs għal 100 persuna fejn hemm spazju biss għal 10, iftaħ kemm Alla ħalaq gabbani jbigħu (mhux ikel Malti, ma tarax jaqq!) imma xi burger u min ma jridx iħallas biex iħossu sardina ġo landa jista’ jibqa’ d-dar. 

Bajja sabiħa? Itfa’ dak il-karavan, ifrex dak it-tapit quddiem il-karavan, ikteb ‘don’t pass’ jew ‘don’t touch’ u daqshekk il-bajja pubblika saret bitħa privata tiegħek. U mela Ġuż! Mela mmur noqgħod nieħu loan mill-bank u niddejjen biex nixtri post quddiem il-baħar? Malta mhux hekk? Min ħ**a mexa!

U din il-mentalità tmur oltrè mill-bajjiet u mill-karavans. Naraw naqra spazju u minflok ingawduh u nieħdu pjaċir bih, nistaqsu; kif se nibnuh? Kif se nagħmlu l-flus minnu? 

Ħarsu madwarkom. Krejnijiet hawn, krejnijiet hemm, binjiet ġodda hawn, binjiet ġodda hemm (insomma flats u flats u flats) u kieku pjan wieħed, li hu wieħed biex nagħmlu ġnien xi mkien, biex niżirgħu s-siġar jew biex nagħmlu spazju li fih il-familji jsibu l-kwiet u l-paċi u d-dell frisk li kapaċi biss jagħtu s-siġar. Ma tarax! Mela s-siġar jimlewlek il-but? 

U kulħadd jibni u kulħadd jiekol mill-ftit art li għad fadlilna, u fejn ma jinbeniex nimlewh bil-karavan u fejn ma jistax jinbena għax ODZ nitfgħu xi saqqu jew xi gradenza, jew xi turrun terrapien. U issa għax l-art qed tispiċċa, issa rridu nibnu fuq il-baħar ukoll, biex inkunu bħal Dubai, għax mhux xieraq li Malta tkun qisha Malta. 

Dan b’liema dritt persuna, hi min hi, tinżel f’post pubbliku, hu fejn hu, u tiddeċiedi unilateralment illi tbiddel spazju pubbliku f’wieħed privat? U, iktar minn hekk, li mill-istess art pubblika li qed tokkupa tagħmel il-profitt. Mhux hekk hux! Għax aħna ħobbla u tredda rriduha!

Konna nistagħġbu u għamilna kampanji sħaħ nitkażaw bil-kaċċaturi u nassaba għax kienu jieħdu art pubblika biex jonsbu, u hekk sewwa u xieraq tassew. Imma issa m’għandniex nieqfu hemm! Inkunu ipokriti jekk ma nurux l-istess orgolju għal artna u għall-ispazji miftuħa tagħna, li qed jittieklu minn min jara butu biss, minn politiċi egoisti u minn dawk li minkejja li kbar fl-età m’għandhomx il-maturità, l-profondità fil-ħsieb li kapaċi japprezzaw il-wirt naturali. 

Ejja nieqfu nkerrhu lill-pajjiżna, din l-art suppost ħelwa. Ejja nieqfu nkissru dak li Alla, li tant nemmnu fih, selfilna. Għax għada jaf ikun tard wisq. 

More in Blogs