Opinjoni | Mhux kulma jleqq huwa deheb!

Il-kandidat Nazzjonalista Salvu Mallia jwissi li l-fatt li ssejħet elezzjoni sena qabel, 'huwa xhieda ta' kemm il-klikka ta' Joseph Musat tiġi taqa' u tqum minn kulħadd'

Jiena ngħid li għall-ewwel darba, il-programmi elettorali tal-partiti ma jinteressawnix, anzi ċuċ hu min jgħati kashom. Tgħiduli, imma tagħżel partit mhux fuq dak li jkun qed joffri għall-ġid tal-pajjiż? Hekk hu, imma f’din l-elezzjoni hu aktar importanti min hu sid il-ħanut milli x’qed jifrex fil-vetrina. 

Erba’ snin ilu, kont għaddej minn quddiem il-ħanut ġdid fjamant tas-Sur Muscat u dak li kien qiegħed jirreklama fil-vetrina tant laqatni, li dħalt u għamilt ordni paq-pumm! Kont kuntent, għax fl-aħħar kien hawn ħanut li beda jġib dak li xtaqt jien, għax dak li ġieli kont xtrajt mingħandu qabel kien staġna, sidu kien nesa l-ewwel il-klijent u tgħidx kemm beda jxammar imnieħru.

Ħassejtni vendika, għax meta tkun fin-negozju, ma tistax tbella’ n-nies dak li trid int u minn fuq tibda tara lil kulħadd dubbien onorevoli!

Imma tgħidx kemm inħraqt, meta l-ordni, li kont ħallejt bħala deposit fuqha għand is-Sur Muscat il-ġejjieni tiegħi u ta’ pajjiżi, baqgħet ma waslet qatt!

Stennejt fuq li stennejt u meta baqa’ ma wasal xejn, bqajt sejjer dritt għand tal-konsumatur. Imma minkejja l-ħafna paroli vojt u skużi banali, sal-lum bqajt b’xiber imnieħer. Ebda trasparenza, ebda meritokrazija u talli mort nipprotesta, il-gwardjan tas-sigurtà tal-ħanut tefgħuni ’l barra mingħajr ħafna kumplimenti.

Imbagħad bdejt nisma’ li l-ħanut li tant kienu għamlu għalih in-nies b’dak li kien qed joffri kien qiegħed ifalli, u sidu kien qiegħed jaħseb għal rasu u jitfa’ l-qligħ li kien għamel b’qerq barra minn Malta. Ġieli ġrat li ħanut jaqbad u jagħlaq u kull min ikun ħalla deposit jispiċċa jroddlu salib, waqt li s-sid jgħosfor u jmur ipappiha barra minn Malta.

Il-gvern ta’ Muscat jaħseb biss fl-immedjat biex jakkwista l-voti bil-pjaċiri, waqt li jitħabbeb mal-aktar nies korrotti fid-dinja u bil-provi, biex jagħmel negozju mkeffen fil-ħmieġ, li jrid ikollok imnieħrek tassew imblukkat bil-fanatiżmu, biex ma xxommx

Issa f’daqqa waħda, erġajt bdejt nara kullimkien ir-riklami tal-ħanut tas-Sur Muscat u tgħidx x’għażla ġdida ta’ prodotti qed joffri tal-ogħla kwalità u bi prezzijiet li ma jitwemmnux!

U dik hi l-kelma, li ma jitwemmnux! Bżar fl-għajnejn, li qatt m’għamel ġid lil ħadd, anzi jirvinalek il-vista waħda sew. Naħseb li trid tkun tassew mazzun biex terġa’ temmen bniedem li għaddiek passata żmien, għax bil-flus li rekken min jaf fejn, għandu biex jerġa’ jagħmel kampanja bil-bajd (fis-sens li mimlija kolesterol)  maħsuba biss biex tnissi, tgħammex u tqarraq bħal dik ta’ erba’ snin ilu!

Allura did-darba, flok ’il quddiem qtajtha li nħares lura, għax ir-reputazzjoni ta’ min qiegħed iwiegħed, deherli li hi aktar ta’ siwi minn dak li qed joffri. Aktar u aktar meta teknikament, skont il-fatti li għaddejna minnhom dawn l-aħħar snin, jista’ għandu biżżejjed flus moħbijin, li jista’ jaqbeż il-kwota li tagħtih il-liġi u jħallas konsulenti Amerikani li saħansitra biex jgħatu taħdita jitolbuk mal-$50,000, aħseb u ara biex joqogħdu ġejjin u sejrin ituk il-pariri kif tgħaddi ż-żmien bin-nies, bħalma jagħmlu ma’ korporazzjonijiet Amerikani li kulma jinteressahom hu l-profitt u xejn aktar!

Barra minn hekk il-passat jgħallimni wkoll, li l-Partit Nazzjonalista dejjem ippjana fis-sod u fit-tul u dan jixhdu l-fatt, li waqt reċessjoni li qerdet l-eknomija dinjija fl-2008, aħna mhux talli bqajna għaddejjin sodi, imma talli ħalla warajh tant ġid, li baqa’ jgawdi minnu l-gvern ta’ Muscat, mingħajr ma ħoloq invetiment wieħed imġiddem, għajr li nitqaħħbu għall-flus, billi nbigħu iċ-ċittadinanza lill-barranin, li fosthom għandu mnejn hemm diġà xi futur Prim Ministru min jaf minn fejn, li jkun jista’ jixtri l-voti tal-Maltin bil-flus maħmuġin tad-drogi jekk irid!

Bil-maqlub, il-gvern ta’ Muscat jaħseb biss fl-immedjat biex jakkwista l-voti bil-pjaċiri, waqt li jitħabbeb mal-aktar nies korrotti fid-dinja u bil-provi, biex jagħmel negozju mkeffen fil-ħmieġ, li jrid ikollok imnieħrek tassew imblukkat bil-fanatiżmu, biex ma xxommx ir-riħa tiniten tal-mewt tar-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna minn seba’ mili ’l bogħod!

Ftakru ħuti Maltin, li mhux kulma jleqq huwa deheb, l-aktar jekk min qiegħed jittanta jbigħulek huwa bniedem li jagħmilha biss ma’ nies kriminali li minn mindu tfaċċaw fix-xena politka, m’għamlu xejn ħlief jaħtfu f’idejhom partit u sfruttaw il-fanatiżmu għami ta’ min emmen fihom, biex iżarmaw pajjiż mhux mill-għeżeż ġid li għandu. L-ewwel u qabel kollox reputazzjoni mill-aqwa li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista ġibdet l-investiment li rikeb fuqu Joseph Muscat, biex jibni imperu moħbi ta’ egoiżmu sferenat li jista’ jwassal biss għall-falliment ta’ pajjiżna.

Il-fatt li resqin lejn elezzjoni sena qabel, li ssejħet fi żmien li se tħarbat il-ħajjiet u l-pjanijiet ta’ eluf ta’ studenti u għarajjes fost l-oħrajn, huwa xhieda ta’ kemm il-klikka ta’ Joseph Muscat tiġi taqa’ u tqum minn kulħadd, inkluż il-Partit Laburista basta tinqeda hi.

Flok irriżenja hu, għamel bħalma ried jagħmel Hitler meta nduna li tilef il-gwerra u ħalef li la jegħreq hu, għandu jegħreq miegħu, mhux biss il-partit li nqeda bih, imma l-pajjiż kollu.

Nerġa’ nwissi għax hemm pajjiżna fin-nofs: Mhux Kulma Jleqq Huwa Deheb!

Salvu Mallia huwa kandidat Nazzjonalista għat-2 u t-12-il distrett

More in Blogs