opinjoni | L-aqwa żmien ta' pajjiżna

Il-Ministru Owen Bonnici jitkellem dwar l-ewwel jiem tal-kampanja elettorali u d-differenza bejn iż-żewġ mexxejja

L-ewwel jiem tal-kampanja elettorali għat-3 ta' Ġunju li ġej urew id-differenza enormi bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil. Min-naħa waħda għandek lill-Prim Ministru jmexxi kampanja eċċezzjonali, b'messaġġ ċar li jispira lil kulħadd u mill-banda l-oħra lil Simon Busuttil li, bħas-soltu, jirreferi biss għat-tfigħ tat-tajn, negattiviżmu u qtigħ il-qalb. Xtaqt naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar kif qed nara l-kampanja elettorali s'issa hi għażla bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil.

Anke tifel tal-iskola primarja jaf li l-għażla li għandu l-poplu fit-3 ta' Ġunju li ġej hi għażla ta' jekk il-poplu jridx li wara l-4 ta' Ġunju jkunx Joseph Muscat li jmexxi l-Gvern jew inkella Simon Busuttil. Il-karta li lagħab Simon Busuttil fejn qal li l-għażla mhijiex bejn Muscat u bejnu iżda bejn Muscat u Malta hija karta ħażina ħafna. Hija ħażina għaliex tagħmilha ovvja li Simon Busuttil stess jammetti li ma' Joseph Muscat stess ma jlaħħaqx - tant li kellu jsib narrattiva differenti. Hija ħażina wkoll għaliex "Malta", bir-rispett kollu, mhuwiex Simon Busuttil li jiddetermina x'inhi imma n-nies. U jien li għandi ftit il-polz tal-poplu bħalma għandhom ħafna minn sħabi jafu eżatt u huwa ċar f'moħħhom min f'għajnejn in-nies jirrappreżenta l-interess ta' Malta u min, lil Malta, kasbarha billi xewwex il-barranin kontra tagħha.

Biex tikkonvinċi, l-ewwel irid ikollok proġett u viżjoni- ħaġa li Simon Busuttil assolutament m'għandux. Simon Busuttil għandu biss tattika waħda – li jħammeġ, jattakka flimkien ma' seħbitu Daphne Caruana Galizia u jitfa' t-tajn

Joseph Muscat kunfidenti, Simon Busuttil irid min iwieżnu

F'din il-kampanja ħarġet ċara l-kunfidenza ta' Joseph Muscat. Kull fejn imur u kull fejn jitkellem jispira n-nies, jimlihom b'kuraġġ u jagħtihom direzzjoni ċara biex jimxu 'l quddiem. Simon Busuttil irid min iwieżnu – hu stess qal: Joseph Muscat jikkonvinċi iktar minnu, jaf jitkellem iktar minnu. Qed jammetti hu stess li fil-bażiku tal-politika, Simon Busuttil ifalli u jfalli bil-kbir. Biex tikkonvinċi, l-ewwel irid ikollok proġett u viżjoni- ħaġa li Simon Busuttil assolutament m'għandux. Simon Busuttil għandu biss tattika waħda – li jħammeġ, jattakka flimkien ma' seħbitu Daphne Caruana Galizia u jitfa' t-tajn fuq kollox u fuq kulħadd. Joseph Muscat, min-naħa l-oħra, għandu ċar f'moħħu fejn irid iwassal lil dan il-pajjiż.

Joseph Muscat imexxi tim magħqud, Simon Busuttil izappap bil-koalizzjoni tal-konfużjoni

Il-mod kif il-koalizzjoni PN-PD qed taħdem huwa materjal ta' film tad-daħk. Ikollok aptit tixgħel it-televixin, iġġib pakkett popcorn, tiekol, tara u tidħak. Il-konferenza stampa li kellhom Simon u Marlene se tibqa' mniżżla fl-annali tal-istorja politika bħala wieħed mill-iktar episodji komiċi. Simon, li diġà kellu immaġini ta' mexxej dgħajjef u bla sinsla, issa deherlu li għandu jidher quddiem l-istampa ma' mara li hija larger than life u tieħu over mal-iċken ċans. Allura trid tarahom – Simon jitkellem u l-oħra tinterrompih. Marlene titkellem u Simon iżommilha jdejha. Marlene tiġi mistoqsija domanda sempliċi – kif se tivvota jekk il-koalizzjoni tkun fil-Gvern u ħadd ma jifhem xejn. F'ġieħ kemm hemm, jien żgur ma rridx li l-koalizzjoni tal-konfużjoni tmexxi lil pajjiżi wara l-4 ta' Ġunju li ġej. L-istakes huma għoljin wisq għall-futur ta' pajjiżna.

L-ewwel Simon Busuttil jgħolli fuq spalltu lil min iwaddab it-tajn fuq familja innoċenti, u mbagħad meta jinduna li dan kollu kien gideb jipprova jaħbi jdejh

Il-każ Egrant jisplodi f'wiċċ Simon Busuttil

 

Ftit tal-jiem ilu, Daphne Caruana Galizia sparat l-ikbar gidba fl-istorja politika ta' pajjiżna meta qalet li s-Sinjura Michelle Muscat hija s-sidt tal-kumpanija Egrant. Joseph Muscat ta' bniedem serju u integru li hu minnufih talab lill-Maġistrat Inkwerenti biex jindaga dawn il-fatti. Livell iktar ta' trasparenza u kontabbilita' ma jistax ikollok. Simon Busuttil rikeb immedjatament fuq dan il-karru ta' Daphne Caruana Galizia u immedjatament għamel tiegħu din l-allegazzjoni. Iktar ma jgħaddi żmien, iktar qed nindunaw li Simon Busuttil qed jiddistanzja ruħu minn din il-kalunja. Anke meta jwieġeb dwar dan il-każ hu dejjem jgħid: mhux jien ħriġtha din l-istorja, jew inkella jgħid li din hi storja li ħarġet biha Daphne Caruana Galizia. Mela tajjeb. L-ewwel Simon Busuttil jgħolli fuq spalltu lil min iwaddab it-tajn fuq familja innoċenti, u mbagħad meta jinduna li dan kollu kien gideb jipprova jaħbi jdejh. Irresponsabbiltà grassa. Solidarjetà sħiħa mal-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat li huma vittmi innoċenti ta' kalunja u gidba mill-iktar oxxena u grassa. Konvint li meta l-Maġistrat inkwerenti jikkonkludi l-inkjesta – wieħed jittama li dan isir mingħajr dewmien – allura l-fatti kollha jkunu quddiem il-poplu Malti u Għawdxi u l-familja Muscat toħroġ rebbieħa. Għax is-sewwa jirbaħ żgur.

Proposti u proposti

Rajna f'dawn il-jiem proposti ħerġin min-naħa tal-Partit Laburista. Joseph Muscat kien ċar, iffukat, b'dettalji li mill-ewwel jindikaw li l-Prim Ministru jaf eżatt kif, meta u b'kemm se jwettaq dak li qed jgħid li se jagħmel. Dawn huma proposti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin u jmexxuhom 'il quddiem. Min-naħa l-oħra kellna Kap tal-Oppożizzjoni li proposti ħareġ ftit u tard. Wara li għaddiet kważi ġimgħa mill-bidu tal-kampanja elettorali rajna xi ħaġa. U din ix-xi ħaġa kienet nofsha msajra- il-famuża grant ta' €10,000 lil min imur jgħix Għawdex. Il-ġurnalisti bdew isaqsu għad-dettalji, ovvjament. U trid tara lil Simon Busuttil iħawwad. Saqsewh kemm se tiswa- qallhom trid tagħmel x division by ma nafx xiex li tiġi equals ma nafx xiex. Emminni tani d-daħk. Imbagħad saqsewh għal iktar dettalji – qallhom imbagħad ngħidilkom 100 jum wara li nitla' fil-Gvern. Affarijiet tal-inkredibbli.

 Keith Schembri

Simon Busuttil kien diżonest ukoll fil-mod ta' kif tratta d-deċiżjoni tal-Maġistrat inkwerenti li essenzjalment jifred u joftom inkjesta minn oħra għaliex il-fatti tal-Egrant u l-fatt tal-każ li ressaq Simon Busuttil m'għandhom x'jaqsmu xejn wieħed mal-ieħor. Is-suġġett hu tekniku għall-aħħar u n-nies faċli tikkonfondi ruħha. Hu għalkollox diżonest il-mod ta' kif Simon Busuttil ta x'jifhem li l-Maġistrat inkwerenti sab xi ħtija – anke fuq livell prima facie (jiġifieri mad-daqqa t'għajn) kontra Keith Schembri. Li ġara hu li peress li l-Maġistrat inkwerenti kien qed jagħrbel każ A u sab li l-każ B li dwaru Simon Busuttil bagħatlu d-dokumenti ma għandux x'jaqsam mal-każ A, irrefera l-każ lil Maġistrat ieħor skont il-liġi. Sieħbu, wieħed bħalu eżatt. L-istess proċedura eżatt. Kull avukat jaf li Simon Busuttil kien qed jgħid ħmerija għaliex il-Maġistrat kulma għamel hu li mexa ma' dak li trid il-liġi fl-artiklu 546(4A) tal-Kodiċi Kriminali. Diżonest.

Tielet u Ħames Distrett

Bħala kandidat fuq it-Tielet u Ħames Distrett qed nieħu gost ħafna niltaqa' mal-familji ta' dawn il-lokalitajiet. Grat ħafna tal-appoġġ li qed insib kull fejn immur lejn il-Partit Laburista. Anke meta niltaqa' ma' wħud li ġenwinament iħossu li l-problema personali tagħhom ma ġietx solvuta kif jixtiequ huma, qed narahom miftuħin għall-konvinċiment u lesti li jifhmu. Hija esperjenza fantastika. It-Tielet Distrett inbidel radikalment fil-kompożizzjoni tiegħu u l-Ħames Distrett hu għal kollox ġdid għalija li tagħmilha sfida mhux żgħira. Biss qed nimtela' bil-kuraġġ meta niltaqa' ma' nies li huma kuntenti bil-ħidma kbira li wettaq il-Gvern. Fil-jiem li ġejjin se nkompli niltaqa' ma' iktar u iktar familji minn dawn il-lokalitajiet. Inħares 'il quddiem b'ottimiżmu biex flimkien ngħixu l-aqwa żmien ta' pajjiżna.

 

Owen Bonnici Ministru tal-Ġustizzja u Kandidat tal-PL fuq il-Ħames u t-tielet Distrett

More in Blogs