Demokrazija u theddid

L-Editorjal tal-ILLUM

“Mhux xi sigriet li parti integrali mill-istrateġija Nazzjonalista fil-preżent hija li ssir rikostruzzjoni tal-immaġini tal-PN għal dak li kien fis-snin 80...l-ewwel u qabel kollox, rikostruzzjoni politika tal-passat ma tista’ qatt isseħħ, għax is-snin 80 kienu s-snin 80, u l-preżent huwa l-preżent. Ir-realtajiet politiċi u soċjali huma oċean ’il bogħod, daqs kemm hija oċean ’il bogħod il-mentalità tan-nies illum, paragunat ma’ dak tas-snin 80.”

Dan l-ewwel paragrafu ta’ dan l-editorjal fil-fatt huma kwotazzjoni minn analiżi li saret fuq din il-gazzetta stess, mhux ilbieraħ, imma fil-ħarġa tas-17 ta’ April 2016, 10 xhur ilu. Jidher li 10 xhur wara bqajna fejn konna u l-‘ġlieda għad-demokrazija’ u l-għajtiet tal-‘libertà mhedda’ mhux biss baqgħu, iżda ssaħħu. Issa, lil hinn mid-drama u mit-teatrini u mill-għajjat ta’ min huwa assolut, ejja naraw kemm vera hija mhedda d-demokrazija.

F’dawn l-aħħar erba’snin Gvern Laburista iffaċċja baraxx ta’ kritika, skrutinju u redikolu minn prattikament kull gazzetta u kull kamra tal-aħbarijiet, kif inhu mistenni, kif inhu xieraq u kif inhu sewwa. Kellek skandli u imġiba ħażina jekk mhux korrotta wkoll ta’ Ministri, Segretarji Parlamentari u numru ta’ nies madwarhom, imperrċin beraħ, kif inhu sewwa u ġust u mistħoqq. Bħala midja, ġrejna wara Manwel Mallia, kritikajna sakemm ħallas prezz lil Michael Falzon u l-famuż ‘King tal-Lands’ u għamilna u hemm bżonn nibqgħu nagħmlu pressjoni fuq il-Ministru Konrad Mizzi. Fl-ewwel żewġ istanzi, il-Ministri baxxew rashom għall-pressjoni qawwija medjatika u tal-poplu u rreżenjaw, fit-tielet le, li jispjega għalfejn il-midja għadha qed tisħaq li tintrefa’ xi forma ta’ responsabbiltà.

F’dawn l-aħħar erba’snin Gvern Laburista iffaċċja baraxx ta’ kritika, skrutinju u redikolu minn prattikament kull gazzetta u kull kamra tal-aħbarijiet, kif inhu mistenni, kif inhu xieraq u kif inhu sewwa

U allura, dawn l-avvenimenti u dan l-iskrutinju mhux turija ċara li d-demokrazija hija b’saħħitha? Il-fatt li kienet il-midja li kixfet u sussegwentement analizzat u għamlet pressjoni fuq dawn il-politiċi, ma jfissirx li ir-raba’ pilastru tad-demokrazija jinsab b’saħħtu?

Il-fatt li illum, bħall-Ħadd li għadda u bħal kull nhar ta’ Ħadd għal dawn l-aħħar snin, mingħajr xkiel il-PN se jeżerċita d-dritt kollu tiegħu li jinżel fit-toroq u jipprotesta, mhux sinjal li min irid jipprotesta kontra dan il-gvern suppost tirraniku, jista’? Il-fatt li għandek lil kulħadd jgħid li jħoss fuq il-media soċjali, xi ħaġa li kull min qara l-‘Att tal-Media u l-Malafama’ mhux parla qabel ma qraha, jaf li hekk se tibqa’, mhux sinjal li l-libertà tal-espressjoni qed tkun ipprattikata?

Min irid juża Facebook biex jiftaħ il-kanuni fuq il-Gvern, jew biex jiftaħ paġna u fiha jikkritika lil Joseph Muscat jew inkella min irid jissieħeb f’paġna biex juri appoġġ lill-Partit Nazzjonalista, jista’ jagħmel dan. Bil-libertà kollha, meta jrid, kif irid u x’ħin irid. Sakemm, kif wara kollox hija l-politika ta’ Facebook, ma jkunx qed jinġurja, ixerred il-mibgħeda jew jinċita l-vjolenza. Jekk jagħmel dan u jabbuża mil-linji gwida, biex infakkru lil dawk li qed iwerżqu bit-theddid fuq id-demokrazija u li qed jgħidu li l-internet huwa ‘free-for-all’, jista’ jkollu l-profil tiegħu mneħħi, għal ftit jiem jew permanentement. Allura x’se nagħmlu? Ngħidu li s-sit ta’ Facebook, meta jimponi l-politiki tiegħu jkun qed joħnoq il-libertà?

F’dawn l-aħħar erba’ snin Deputata, Marlene Farrugia, fetħet il-kanuni kollha fuq il-partit li ħarġet miegħu. Ikkritikatu, pprotestat kontrih, sakemm irreżenjat minnu, fetħet partit ieħor u issa mistennija tingħaqad mal-PN. Xi ħadd prova jwaqqafha? Xi ħadd għamlilha l-ħsara? Xi ħadd għajjar lil ommha, bħal ma’ għajru lil omm Franco Debono? Kellha l-Pulizija mal-bieb bħalma kellu Franco Debono? Kellha lil missierha arrestat dakinhar li telqet mill-PL, bħalma x’kumbinazzjoni ġara lil missier Cyrus Engerer, meta telaq mill-PN? Kixfulha xi difett, fiżiku jew psikoloġiku? Le, hux!

Ifisser li kollox ward u żahar? Dażgur li le, altru milli. Fl-editorjal tal-Ħadd li għadda għamilnieha ċara li mas-sekwestru li talab il-Ministru Chris Cardona ma naqblux, kif għidna wkoll li hemm bżonn li l-ġurnalisti li jaħdmu fil-Kamra tal-Aħbarijiet tax-Xandir Nazzjonali jkollhom aktar faċilità li jiftħu ġwenħajhom u jingħataw aktar libertà li janalizzaw u jiskrutinaw. Kif nemmnu li żbalji ħoxnin minn dan il-Gvern saru u għadhom qed isiru. Imma għax nemmnu dan, ma jfissirx anqas li nemmnu li wasalna f’xifer il-preċipizju.

Jekk għandna theddida taħt il-Gvern li se jneħħi l-libell kriminali minn fuq il-ġurnalist, mela taħt min m’għamel xejn x’kellna?

Jekk għandna theddida taħt il-Gvern li se jneħħi l-libell kriminali minn fuq il-ġurnalist, mela taħt min m’għamel xejn x’kellna? Jekk għandna theddida ta’ libertà taħt Gvern li Deputata minn tiegħu abbandunatu u injoraha, mela meta Deputati li għamlu l-istess lill-PN ġew imfarrkin u mżebilħin, bil-Pulizija wara l-bieb, x’kellna?

Mhux kollox ward u żahar, imma għal grazzja t’Alla għandna u se nassiguraw li nibqgħu ’l bogħod mill-preċipizju.

More in Blogs