2016 : Lumi għal Muscat u għeneb qares għal Busuttil

L-2016 kienet sena mimlija sfidi għall-Gvern ta' Joseph, imma Simon, dak l-għanqud għeneb ma jista' jilħqu b'xejn

Hekk kif niżel is-separju fuq l-2016, din is-sena issa saret parti mill-istorja. Dak li ġara, ġara, dak li seħħ, seħħ u kif ngħidu bil-Malti, "għal magħmul m’hemmx kunsill u l-arloġġ mhux se jitreġġa’ lura biex il-fatti jinbidlu."

Imma għal min kienet sena tajba l-2016? Min mar minn fuq u min mar minn taħt? Min tela’ l-iskaluni tal-popolarità u min ħa tisbita 'l isfel? Min kellu sena li dewqitu l-lumi, imma tagħtu dik in-naqra mgħarfa zokkor ukoll? U min huma dawk in-nies li hekk kif ħarġu fuq il-palk din is-sena, qalgħu skoss tadam u ward fl-istess ħin?

L-ILLUM tat ħarsa f'analiżi li kienet ippublikata s-Sibt li għadda fl-aħħar ħarġa tal-2016, u li hija l-unika waħda li tħares lejn il-fortuni ta' diversi personaġġi; kif telgħu jew niżlu. Illum qed nipproduċu fuq dan is-sit, l-ewwel parti minn tlieta, ta' din l-analiżi. F'din il-parti se naraw x'fissret is-sena 2016 għat-tliet mexxejja politiċi Maltin u żewġ mexxejja politiċi internazzjonali.

Aħna se nkunu ġusti mal-istorja u leali lejn il-fatti issa min irid jieħu għalih, jista’ jħallas hu u jekk m’għandux biex iħallas, ma jimpurtax, niktbuhomlu fuq il-pitazz li żżomm tal-grocer!

 

Pillola qarsa għal Muscat

Kieku kelli nqabbel lil Muscat u l-Gvern li mexxa fl-2016 ma’ bastiment, inqabblu ma wieħed li qala’ skoss mewġ, inbarax ma’ kemm Alla ħalaq blat u li fih beda dieħel l-ilma, imma li xorta qed isalpa lejn il-port.

Muscat jibqa’ popolari għax :
1) – Bħalissa pajjiżna qed jesperjenza tkabbir ekonomiku qawwi ħafna b’Malta fost l-aqwa fl-UE
2)  - Għax il-Gvern tiegħu daħħal u wettaq/lesta proġetti li kienu ilhom fuq l-ixkaffa snin
3) – Għax żamm il-finanzi tal-pajjiż fis-sod u ressaq baġits li tal-PN kienu jressquhom biss qabel l-elezzjoni
4) – Għax huwa katalist għal tibdiliet soċjali u
5) – Għax bena relazzjoni eċċellenti ma’ nies influwenti u fin-negozju li jħossu li ma’ Muscat hemm attitudni ‘can-do’  
6) – Għax għandu magna sħiħa li taħdem biex tgħin lil dawk l-individwi li jistaqsu għaliha
7) – Għax minkejja kollox, jibqa’ oratur u komunikatur tajjeb ħafna u
8) għax b’riżultati tajbin f’bosta setturi bħas-saħħa u l-edukazzjoni, jista’ jitkellem b’aktar faċilità dwar ‘bread and butter issues’ minn Busuttil.

L-akbar ass ta’ Muscat, ekonomija tajba kemm hi tajba, huwa li hu meqjus bħala għażla ‘ħafna aħjar’ mill-avversarju tiegħu. Anke Simon Busuttil stess jafha din.

Minkejja li jibqa’ aktar poplari minn Busuttil, Muscat qala’ xebgħa politika tajba. Il-każ Gaffarena dgħajfu, u l-każ Panama tah erba tumakki f’daqqa. Se jkollu ħafna x’jaħdem u ħafna bibien xi jħabbat u ħafna, ħafna, ħafna enerġija x’jiddedika man-nies, fost in-nies, fost il-Laburisti, fl-irħula, fl-ibliet u fit-toroq. Għax kull battalja dejjem hemm intrebħet. Il-pożi u ċ-ċerimonji li se jkollna matul il-Presidenza, importanti daqs kemm jistgħu jkunu, mhu se jbiddlu xejn mill-fortuni qarsa li ġabitlu l-2016.

 

L-2016 għall-Busuttil... l-apiċe li se twasslu għal telfa?

Simon Busuttil kellu sena tajba. Kienet l-aktar sena li fiha deher b’saħħtu, assertiv u popolari fost ħafna mill-għeruq tiegħu. Il-każ ‘Panama’ ta lil Busuttil dik l-ispinta qawwija li kellu bżonn biex iniżżel is-suldati tiegħu għal gwerra u jispara u jispara, sakemm forsi jġarraf is-swar ta’ Muscat. Panama, bħal ma għidna fuq din il-gazzetta, hija l-baqra li minnha Busuttil ħaleb kemm felaħ u jista’ jkun li għad irid jaħleb.

Imma, minkejja kollox, Busuttil għandu erba’ ‘għedewwa’:
1) – Il-mument li ninsabu fih: Eluf ta’ nies sempliċiment mhux preparati jerġgħu jdaħħlu l-istess nies Kastilja li sa ftit ilu kienu qed jiffoxxnaw daqs xi Laburisti llum (jew aktar jew anqas), l-istess nies arroganti li kienu għajjew imexxu u li ħadu deċiżjonijiet żbaljati jew dubjużi. Fi ftit kliem; ċrieki bi ċrieki, aħjar nibqgħu biċ-ċrieki tal-lum.
2) – Għal xi raġuni, hawn ċerta bruda għal Busuttil, anke fost nies fil-PN stess. Għadu mhux qed iqanqal l-emozzjoni li mexxej jeħtieġ iqajjem biex jiġbed il-masses
3) – Il-PN illum, huwa nieqes minn viżjoni li tgħaqqad setturi ta’ nies flimkien warajh. M’hemmx ‘raison d’etre’ ċar għajr dak li Muscat jinżel mill-poter u
4) – Aċċetta li jkun Viċi Kap tal-PN qabel l-aħħar elezzjoni u għalhekk deher kompliċi mhux biss fl-akbar disfatta storika li qala’ l-partit, imma parti wkoll minn grupp ta’ nies li ħallew partit warajhom fallut u demoralizzat.

L-2016 kienet tajba għal Busuttil xorta. Imma se tkun l-apiċe (kmieni) li laħaq qabel telfa fl-2018?

 

U l-President Marie Louise Preca... telgħet 'l fuq

Il-President Marie Louise Coleiro, kif fil-fatt iddedikajna ħafna spazju fuq l-ILLUM ġimagħtejn ilu, kabbret l-istatura tagħha bħala President. Id-diskors ta’ Jum ir-Repubblika saħħaħ lill-President hekk kif intlaqa’ b’mod pożittiv ħafna mill-midja kollha lokali. Is-suċċess rekord tal-Istrina, kompla jonfoħ ir-riħ fil-qala ta’ Coleiro Preca, li minkejja kritika mqanżħa, hija President maħbuba ħafna mill-poplu, kważi daqs, jekk mhux aktar mill-President Emeritus George Abela, li bħalha kien ħalla l-pompa u ċ-ċerimonja quddiem il-bieb ta’ barra tal-palazz ta’ San Anton.

Kienet sena tajba għall-mara ta’ Ħal Qormi!

 

Donald Trump, Tela’... u waħda sew, filwaqt li Cameron Niżel...

Għajruh baħnan, buffu, razzist, maskilista, anti-demokratiku, miġnun u minn kollox. Ħadd ma bassar li qatt jista’ jkun president, u ħadd m’għaddielu minn moħħu li kapaċi jasal sal-White House. Imma rebaħ u se jkun il-President Amerikan li jmiss. Donald Trump seraq ix-xena politika u l-attenzjoni tad-dinja kollha kienet fuqu fl-aħħar xhur tas-sena. Kulħadd jitkellem dwaru u dwar ir-rebħa li għamel.

Minkejja li r-riżultat kien meqjus bħala wieħed ferm diżappuntanti għall-miljuni ta’ nies, wieħed għad irid jara jekk ir-retorika issa hux se jinbidlu f’fatti, biex verament inkunu nafu xi jsarraf Trump.

Li hu ċert huwa li kulħadd donnu qed jissellef xi ftit mir-retorika tiegħu issa. F’daqqa waħda qed nitkellmu dwar l-‘establishment’ u l-‘post truth landscape/politics’. S’issa r-rebħa ta’ Trump serviet bħala tumakka tajba għal dawk il-politiċi li jħossuhom komdi ħafna fil-poter għax hemm min imexxilhom l-aġenda.

Din ma kinitx biss sena tajba għal Trump. Din kienet is-sena ta’ Trump u għalhekk, dan il-politiku tela’, u tela’ waħda sew.

Jekk Donald Trump kellu sena ta’ suċċess mhux l-istess jista’ jingħad għall-eks PM Ingliż David Cameron, li kellu jirreżenja wara li l-maġġoranza tal-poplu tar-Renju Unit ivvota favur Brexit.

Bħar-rebħa ta’ Trump, il-vot Brexit kienet sorpriża kerha għal ħafna li qatt ma setgħu jobsru li r-Renju Unit se jagħżel li jitlaq mill-Unjoni Ewropea. Imma bħal dejjem, ikun hemm biżgħat, rabja u fatturi ekonomiċi u soċjali li aħna minn barra ma nkunux qed naraw u li jilagħbu parti importanti ferm mid-deċiżjoni ta’ kwalunkwe poplu.

Cameron, naturalment ma kellux għażla oħra ħlief li jitlaq għax ma xtaqx imexxi negozjati li bħala prinċipju hu kontrihom. Però, it-tluq ta’ Cameron kienet telfa, mhux biss għar-Renju Unit, imma anke għall-Ewropa.

Cameron kien ukoll impoġġi f’sitwazzjoni antipatka ferm hekk kif kien żvelat li missieru kellu kontijiet il-Panama, li minnhom hu bħala ibnu gawda wkoll.

Kienet sena ħażina għal David Cameron.

Intant wieħed jista' jkompli jsegwi dan is-sit għal analiżi dwar l-iskandli tal-2016, l-aktar Ministru popolari tal-PL, Salvu Mallia, Beppe Fenech Adami, Chris Bonnett, Ira Losco u Ben Camille...

More in Blogs