Ittri Il-punt Blogs

Min jifraħ bis-siġġijiet, min jifraħ bil-kisbiet

"Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jurina kemm huwa diżilluż, għadu ma jistax jaċċetta li bih bħala delegat speċjali, il-Partit Nazzjonalista qala’ tkaxkira papali" - Rosianne Cutajar

27 ta' Novembru 2016 10:00
L-aħħar darba li rajna lil Simon Busuttil fuq l-għatba tal-Qorti għamel xeneġġata sħiħa traġi-komika qalb marmalja ta’ partitarji Nazzjonalisti. Dakinhar spikkat l-aggressività esibita mill-partitarji Nazzjoanlisti, għaġir li sal-lum għadu ma kkundannax. Baqgħu sinonimi ma’ dik il-ġurnata kliem bħal ‘karrotti’ u espressjonijiet ikkuluriti li intużaw fil-konfront tal-Laburisti.

Iżda  għall-kuntrarju ta’ dan, nhar il-Ġimgħa rajna Simon Busuttil daħkan, b’tiċrita fuq ħalqu minn widna sa widna akkumpanjat mill-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Paul Borg Olivier. Bir-raġun ħarġu jifirħu għaliex ejja nkunu onesti waħda tajba mhux tiġihom u lil dawk l-eluf ta’ Partitarji Nazzjonalisti li bħalissa jinsabu demotivati għall-aħħar, qed jipprova akkost ta’ kollox itellgħalhom il-moral biex forsi xi darba jaraw fih il-Kap li mhuwiex. Il-Kap tal-Oppożizzjoni organizza rally bix-xewqa li jkollu l-eluf iżda għajr l-istess erbgħa min-nies tas-soltu ma kellux quddiemu, tant hu hekk li laqagħhom fl-entrata tad-Dar Ċentrali!  Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jurina kemm huwa diżilluż, għadu ma jistax jaċċetta li bih bħala delegat speċjali, il-Partit Nazzjonalista qala’ tkaxkira papali. Ma jistax jaċċetta wkoll li l-elezzjoni  ġejja fi żmienha.

"rebħa tal-PN bi 13,000 issarfet b’ħames siġġijiet. Oħroġ il-għaġeb rebħa tal-Partit Laburista ta’ 36,000 issarfet f’7 siġġijiet biss"
Il-Partit Nazzjoanlista ilu ma jirbaħ tliet snin, daqshekk ilu ma jifraħ! Qala’ tkaxkira ta’ 36,000, qala’ tkaxkira oħra fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u s-sena l-oħra qala’ tkaxkira oħra fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. U jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, jidher  li l-Partit Nazzjonalista baqagħlu biex jifraħ tafux! Simon Busuttil kuntent li kkonvinċa lill-Qorti iżda aħjar jara kif se jikkonvinċi lill-poplu ta’ hemm barra, inkluż lin-nies tiegħu stess li f’sondaġġ wara l-ieħor ma tantx qed juru fiduċja fih u fil-partit tiegħu.

Ejja nkunu onesti, id-deċiżjoni tal-Qorti ta’ nhar il-Ġimgħa hija diżappuntanti għall-Partit Laburista u bir-raġun! Fl-2003, rebħa tal-PN bi 13,000 issarfet b’ħames siġġijiet. Oħroġ il-għaġeb rebħa tal-Partit Laburista ta’ 36,000 issarfet f’7 siġġijiet biss. L-istudenti tas-sekondarja żgur tħawwdu għax ma tridx tkun matematiku prim biex tirrealizza li hemm diskrepanza li tmur kontra kull loġika.                                                  

Jekk xejn, dan l-episodju jerġa’ joħroġ b’mod ċar id-differenza bejn iż-żewġ Partiti, fuq naħa għandek il-Partit Nazzjonalista li joħroġ isabbat saqajh u jattakka lill-istituzzjonijiet meta l-affarijiet ma jogħġbuhx u fuq naħa oħra għandek Partit Laburista fil-Gvern li minkejja d-diżappunt jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti. Is-sentenza tal-Qorti kostituzzjonali ta’ nhar il-Ġimgħa toħloq preċedent kbir ghax kieku l-Gvern kellu biss maġġoranza minima fuq l-Oppożizzjoni, deciżjoni bħalma tat il-Qorti jaf kienet taqleb kompletament riżultat demokratiku. Xi ħaga li assolutament mhijiex ġusta!

"Il-Partit Laburista għandu l-kurrenti kollha kontrieh iżda għandu l-aktar ħaġa importanti miegħu: il-poplu"
Mid-deċiżjoni li ħadet l-Qorti joħroġ punt importanti li sinċerament  ma kienx ta’ sorpriża, għax storikament il-Partit Laburista sa mill-ħolqien tiegħu kellu lil kulħadd għadu tiegħu. Qegħdin nassistu għal moviment li rebaħ l-elezzjoni bl-ikbar numru ta' voti mill-indipendenza ’l hawn u li minkejja dan qed jiġġieled kontra dak li jissejjaħ bl-Ingliż ‘the estabilshment’, kelma li smajnieha ħafna waqt l-elezzjoni tal-Presidenza Amerikana fejn Trump għamel minnha l- cavallo di battaglia. Ir-rebħa tiegħu fil-fatt fissret fuq kollox r-rebħa tal-poplu Amerikan fuq l-estabilshment u dan minkejja li ħadd ma tilef okkażżjoni biex jiddemonizzah. Iżda ħafna jistaqsu, min hu l-estabilishement? Huma l-qrati, il-banek, il-knisja, il-korpi kostitwiti, u fl-aħħar u mhux l-inqas il-media li l-maġġoranza tagħha ma titlifx okkażżjoni biex tattaka l-Partit Laburista fil-Gvern. 

Il-Partit Laburista għandu l-kurrenti kollha kontrieh iżda għandu l-aktar ħaġa importanti miegħu: il-poplu.  Il-poplu hu sovran u konvinta li fil-mument tal-prova l-poplu se jiddeċiedi b’intelliġenza u jtella’ mill-ġdid Gvern Laburista. Filwaqt li nħallu lill-Oppożizzjoni jikkonsla u jsaħħan dawn iż-żewġ siġġijiet ġodda, il-Gvern se jkompli jaħdem sabiex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem u r-rebħa storika tal-2013 terġa’ tirrepeti ruħha.

 

Rosianne Cutajar hija s-Sindku Laburista ta’ Ħal Qormi u kontributriċi regolari tal-gazzetta Illum

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook