Imkatar jixxejru!

minn Manuel Micallef

Il-Prim Ministru...fejn tidħol governanza tajba se jara li din tingħata prijorità
Il-Prim Ministru...fejn tidħol governanza tajba se jara li din tingħata prijorità

Il-Gvern dejjem fil-mira. U bir-raġun, għax min qiegħed fil-Gvern mhux qiegħed hemm biex isaħħan is-siġġu jew biex jara Ruma tinħaraq, u ma jagħmel xejn. Il-Gvern mhux qiegħed hemm biex jisma’ biss, iżda biex jieħu d-deċiżjonijiet u jaġixxi. Il-Gvern jekk xejn, irid iwettaq dak li wiegħed qabel ma kien fil-Gvern. Għalhekk il-Gvern irid ikun lest għall-kritika u jrid ikun umli biżżejjed biex fejn jiddeċiedi ħażin, ikun pront ibiddel id-direzzjoni u fejn jiddeċiedi tajjeb, ma joqgħodx lura milli jaġixxi, ‘biex ma jitlifx voti’.

Ħafna jaħsbu li l-Gvern dejjem għandu x’jitlef. Għax ngħiduha kif inhi, mill-Oppożizzjoni jew barra mill-Gvern, tista’ tgħid li trid, twiegħed l-ilma jiżfen u tilgħabha tal-prima donna kemm trid, imma meta tkun fuq is-siġġu jaħraq tat-tmexxija nazzjonali, imbagħad tkun storja oħra. Jgħodd mhux kemm tpaċpaċ imma xi twettaq u kif dak li timplimenta jolqot in-nies fil-laħam il-ħaj! 

Iżda mill-banda l-oħra l-gvern għandu ħafna x’jirbaħ, u mhux għax qiegħed f’pożizzjoni ta’ poter jew għax ġie elett b’maġġoranza massiva, iżda għax meta gvern imexxi bil-għaqal fis-sens li l-poplu jħoss li qed jgħix f’soċjetà demokratika, bi kwalità ta’ ħajja aħjar, fejn kulħadd igawdi mill-ġid li jinħoloq u fejn il-pajjiż igawdi minn stabilità politika u ekonomika u sigurtà l-poplu jagħraf jiżen u jagħti fiduċja  lill-istess Gvern. 

F’dan is-sens naħseb li lil hinn mir-rettorika partiġġjana l-gvern preżenti miexi fid-direzzjoni t-tajba. Il-poplu qiegħed japprezza t-tkabbir ekonomiku kostanti, l-ħolqien tax-xogħol u l-investiment, l-miżuri soċjali favur iż-żgħir u l-batut, l-opportunitajiet ġodda fl-edukazzjoni, it-titjib fis-settur tas-saħħa, l-iżvilupp fil-qasam tal-enerġija u l-politika ambjentali kif ukoll it-titjib sinifikanti fid-drittijiet ċivili tas-soċjetà tagħna. Kollox perfett u fuq ir-rubini? Żgur li le u hemm oqsma li għadna anqas biss bdejna.

Bosta huma tal-fehma li hija ħasra li jsiru dawn l-isforzi għall-ġid tal-pajjiż imbagħad nisimgħu b’każi fejn il-Gvern ikun akkużat li qed jiżloq fin-niexef. L-aħħar li smajna kienet dik dwar in-nomini għall-ħatra tal-Maġistrati. Anke jien iddejjaqt nisma’ b’avvenimenti koroh li setgħu ġew evitati faċilment. Għalhekk ammirajt lill-Prim Ministru jistqarr li anke fejn tidħol governanza tajba se jara li din tingħata prijorità u jattakka n-nuqqas tagħha head-on. 

Il-fatt li rriżenja s-Segretarju Parlamentari wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali u li qed jittieħdu miżuri korrettivi fid-Dipartiment tal-Artijiet apparti l-kawża li nfetħet fil-qorti biex possibilment jintradd dak li tħallas, huwa sinjal ċar tar-rieda u l-impenn politiku tal-gvern li jindirizza dan is-saram fl-amministrazzjoni pubblika.

Il-poplu tgħallem, immatura u l-aspettattivi tiegħu huma għoljin. Għalhekk jippretendi livell għoli [high standards] mill-Gvern innifsu kif ukoll mill-istituzzjonijiet awtorevoli tal-pajjiż. Jippretendi wkoll li l-Oppożizzjoni, qua istituzzjoni ewlenija, tkun effettiva mhux biex tippunta subajha lejn il-gvern u hi tilgħabha tal-verġni, imma biex taġixxi fl-interess tal-pajjiż kif obbligata tagħmel bil-kostituzzjoni u toffri verament l-alternattiva għall-gvern.

Jien ma ngħidx li l-Oppożizzjoni qegħda ċiċċi beqqi tistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqha. Imma għadna l-bogħod minn Oppozizzjoni friska u aġġornata għaż-żminijiet tal-lum mingħajr mażriet tal-passat ma’ saqajha! 

Gimgħa ilu fiż-Żejtun il-Kap tal-Oppożizzjoni ħass li għandu jibqa’ jippromovi l-politika tal-uċuh. F’diskorsu jiddistingwi bejn n-Nazzjonalisti u l-Laburisti, bejn min iħobb il-pajjiż u l-oħrajn…u biex forsi jiġbor ġieħu  mal-eluf ta’ ngħaġ mitlufa qagħad ixejjer il-maktur ta’ mitt sena! Tkellem dwar il-bidu tat-tmiem ta’ Joseph Muscat  u baqa’ għaddej jirrepeti li sirna pajjiż tal-mafja u l-korruzzjoni!

Fejn ried jasal b’dan id-diskors il-Kap tal-Oppożizzjoni? Żgur li ma rnexxielux jikseb kredibbiltà jew ammirazzjoni minn min għandu rasu fuq għonqu. Dan kien diskors imsejjes fuq retorika partiġġjana ta’ min irid jirkeb il-karru u jara sal-ponta ta’ mnieħru.

Aħna ċ-ċittadini jixirqilna aħjar. Ma rridux aktar politikanti imma politiċi b’viżjoni. Irridu politiċi ta’ stoffa li fil-ħeġġa li għandhom biex ikunu ta’ servizz jikkompetu bejniethom mhux fuq kemm jattiraw voti imma kemm itejbu l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies. Il-politika tat-tgħajjir, ta’ kemm kapaci “taqlgħalhom” għaddha żmienha!

Dal-Gvern baqagħlu nofs triq għat-tmiem ta’ din il-leġislatura. Għad baqa’ ħafna x’jitwettaq biex pajjiżna nġibuh l-aqwa fl-Ewropa fil-veru sens tal-kelma. Għad baqa’ proġetti li jridu jinbdew. Għad baqa’ inġustizzji li jridu jissewwew. Għad baqa’ nies qegħda li jridu impjieg. Għad baqa’ nies foqra li jridu jistagħnew. Nagħmlu ħazin jekk minn issa ’l quddiem naġixxu qisna qegħdin waqt il-kampanja elettorali.

Il-prijorità tal-pajjiż mhix l-elezzjoni ġenerali. Il-prijorità tal-pajjiż hija li jigi iktar investiment, li jkomplu jinħolqu l-impjiegi, li l-istudenti jimirħu fis-suċċessi, li l-pagi jissaħħu u li min hu vulnerabbli għal xi raġuni jew oħra, jingħata d-dinjità u jirkupra mill-qagħda li jinsab fiha.  Il-Parlamentari tagħna, kemm ta’ naħa u kemm t’oħra fuq dan għandhom jiffukaw. 

Imbagħad tkun eħfef it-triq waqt il-kampanja elettorali. U mhux biss l-imkatar jixxejru!

Manuel Micallef huwa xandar u opinjonista 

More in Blogs