Nofs triq

minn Karol Aquilina

“Lanqas il-ħatra ta’ Ministru ġdid (Ritratt: Carmelo Abela) wara Manuel Mallia ma kellha effett  pożittiv fuq il-Korp tal-Pulizija”
“Lanqas il-ħatra ta’ Ministru ġdid (Ritratt: Carmelo Abela) wara Manuel Mallia ma kellha effett pożittiv fuq il-Korp tal-Pulizija”

Kull bidla fil-Gvern iġġib magħha aspettattivi għolja. Il-maġġoranza tibda tistenna bir-raġun li kollox ser imur għall-aħjar, li l-pajjiż ser jimxi aktar ’il quddiem u li aktar minn hekk, huma fuq livell personali ser imorru aħjar. 

Sentejn u nofs ilu l-għajta kienet li kollox kien ser imur għall-aħjar b’Joseph Muscat bħala Prim Ministru. Ħafna kienu konvinti li pajjiżna kellu jeħles mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern biex postu jieħdu partit ieħor. Wieħed jista’ jargumenta dwar ħafna aspetti mill-ħidma tal-Gvern Laburista wara sentejn u nofs. Saru affarijiet tajbin u oħrajn inqas tajbin. Iżda twettqu wkoll affarijiet li huma għal kollox ħżiena għaliex mhumiex fl-interess tagħna bħala pajjiż modern Ewropew.

Il-Gvern tal-biża’ u tal-kontroll

Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa Joseph Muscat bħala Prim Ministru kien li bidel il-Kap taċ-Ċivil, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kap tal-Forzi Armati flimkien mas-Segretarji Permanenti kważi kollha, ħlief għal dawk li kienu diġà tal-qalba. Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni iżda b’mod ippjanat.

Il-Gvern irnexxielu jnissel mill-ġdid sens ta’ biża’ fis-soċjetà tagħna: biża’ li wieħed jitkellem kontra dak li qed isir ħażin b’mod speċjali meta l-persuna stess tkun il-vittma tas-sitwazzjoni. Illum ftit huma dawk in-nies li b’wiċċhom minn quddiem lesti li jgħidu dak li jafu u li jikxfu l-abbuż li hu għaddej. 

Wegħdi mhux imwettqa jew miksura

Il-kampanja elettorali tal-Partit Laburista kienet litanija sħiħa ta’ wegħdi mmirati lejn kull settur tas-soċjetà tagħna. Kollha kienu mfassla u mibjugħa b’ċerta reqqa biex jinkiseb l-aqwa benefiċċju minnhom: il-ksib tal-voti, jiġu mingħand min jiġu.

Illum din il-litanija ta’ wegħdi saret litanija ta’ diżappunti għaliex ħafna mill-wegħdi spiċċaw jew mhux imwettqa jew saħanistra miksura. Matul dawn is-sentejn u nofs kellna ruxxmata okkażjonijiet fejn il-Gvern ġie affaċċat b’wegħdi li kien qiegħed jikser. Forsi l-aqwa eżempju huwa li jkollna power station ġdida fi żmien sentejn biex sal-lum din għadha fil-pedamenti.

Ambjent mhedded

Fl-aħħar snin rajna żieda qawwija fl-interess favur il-ħarsien tal-ambjent ta’ pajjiżna. In parti dan kien riżultat tal-importanza li l-ambjent beda jingħata fl-iskejjel. Fl-aħħar sentejn u nofs din id-direzzjoni nbidlet u minflok, issa pajjiżna, jew aħjar il-Gvern, qabad it-triq li jqis l-ambjent bħala xi ħaġa li tista’ tagħmilha flus. 

Dan kollu wassal biex għandna abbuż mill-artijiet tal-Gvern u sistema li aktar taħdem biex tinċentiva l-bini ta’ art verġni milli biex tħares l-ambjent uniku ta’ pajjiżna. Ħasra għaliex f’dan il-qasam pajjiżna ma jistax jirriskja li jkompli sejjer lura.

Forzi tal-ordni dgħajfa u bla fiduċja fihom

Waħda mill-aktar affarijiet importanti f’soċjetà moderna hija s-sigurtà u jekk din tkunx tinħass fost iċ-ċittadini. Mingħajr dan is-sens ta’ sigurtà, pajjiż jibda sejjer lura għaliex tonqos il-fiduċja.

F’sentejn u nofs kellna erba’ Kummissarji tal-Pulizija differenti bi tnejn minnhom, Peter Paul Zammit u Ray Zammit, jispiċċaw mill-kariga wara li wrew inkompetenza u nuqqas ta’ responsabbilità gravi. Lanqas il-ħatra ta’ Ministru ġdid wara Manuel Mallia ma kellha effett  pożittiv fuq il-Korp tal-Pulizija. Fl-Armata wkoll kellna taqliba kbira bi promozzjonijiet jingħataw skont il-ħbiberiji u l-obbligazzjonijiet lejn il-Gvern tal-ġurnata. 

Illum sfortunatament għandna forzi tal-ordni li huma dgħajfa quddiem il-kriminalità u mifnija b’każ wara l-ieħor ta’ abbuż ta’ poter minn min qed imexxihom. L-akbar telliefa f’dan ir-rigward huma n-nies li m’għadx għandhom fiduċja f’min suppost qiegħed hemm biex jipproteġihom mill-kriminalità u l-abbużi. 

Korruzzjoni u aktar

Il-każijiet ta’ korruzzjoni li smajna bihom huma dawk il-ftit biss li rnexxielhom jinkixfu. Fl-aħħar sentejn u nofs f’pajjiżna reġgħet nibtet l-idea li biex tasal x’imkien fejn jidħol il-Gvern irid ikun hemm element ta’ korruzzjoni. Kull proġett li jitħabbar, kull inizjattiva li jieħu l-Gvern saret tqajjem is-suspett li hemm xi ħaġa ħażina għaddejja, li llum jew għada ser tinkixef. In-nuqqas kbir tal-Prim Ministru f’dan kollu huwa li naqas li jaġixxi f’każijiet fejn kien ċar għal kulħadd li kien hemm abbuż għaddej.

“Il-Gvern irnexxielu jnissel mill-ġdid sens ta’ biża’ fis-soċjetà tagħna: biża’ li wieħed jitkellem kontra dak li qed isir ħażin”

L-għajta saret li trid titma lil xi ħadd biex tieħu dak li suppost hu tiegħek bi dritt. U jkollok titma ħafna aktar biex tieħu li dak li suppost qatt m’għandek dritt għalih! 

Karol Aquilina huwa l-President tal-Kunsill Amministrattiv  tal-Partit Nazzjonalista

More in Blogs