Il-Ġeneru u s-Sess - It-Transesswalità fil-ħajja tagħna

It-tieni parti - Persuni trans li ma jħossux li għandhom jibqgħu jirreferu għalihom infushom bħala transesswali wara li l-proċess ta’ tranżizzjoni jkun spiċċa

Fl-ewwel blog introduċejna l-kunċetti ta’ 'sess' u 'ġeneru', u anke bdejna nitkellmu fuq it-transġender. Din id-darba se nkomplu nitkellmu fuq it-transġender, u anke fuq it-transesswalità. L-għan ta’ dan il-blog hu li jkollna għarfien bażiku ta’ dawn il-kunċetti u d-differenza ta’ bejniethom, liem informazzjoni hija bbażata kemm fuq l-esperjenza klinika kif ukoll fuq ir-riċerka f’dan il-kamp.
 
F’termini ġenerali, il-kelma transġender tirreferi għal dawk in-nies li jidentifikaw ruħhom differenti mis-sess bijoloġiku tagħhom. Pereżempju, persuna transġender li hija bijoloġikament mara tista’ tħoss li l-identità maskili hija aħjar għaliha. Għaldaqtsant, il-persuna jista’ jkun li tħossha aħjar jekk:
Tuża isem ta’ raġel minflok isem ta’ mara (eżempju - Ċikku minflok Ċikka)
Tuża pronomi maskili minflok pronomi femminili (huwa flok hija)
Tilbes bħal raġel
Tagħżel li tieħu sehem f’attivitajiet li kulturalment jieħdu sehem fihom l-irġiel.
Tuża fwieħa tal-irġiel flok tan-nisa
Mill-banda l-oħra persuna transesswali hija xi ħadd li fiżikament jagħżel li jagħmel it-tranżizzjoni minn raġel għal mara jew bil-kontra. Hi (jew hu) jista’ jagħti l-każ li tieħu/jieħu ormoni biex twaqqaf milli tkompli tiżviluppa karatteristiċi tal-ġeneru bijoloġiku tagħha bħal-leħja pereżempju, jew biex tiżviluppa l-karatteristiċi ta’ dak il-ġeneru mixtieq, eżempju raġel li jixtieq ikabbar is-sider.
 
Persuna transesswali tista’ wkoll tiddeċiedi li tagħmel il-kirurġija tat-tibdil tas-sess (bl-Ingliż tissejjaħ sex reassignment surgery), fejn sa fejn hu possibbli, il-karatteristiċi anatomiċi, eżempju l-pene u l-vaġina, jiġu mneħħija u l-karatteristiċi tas-sess mixtieq jiġu miżjuda jew magħmula.
Għaldaqstant, tajjeb li ngħidu li dawn id-defenizzjonijiet relatati ma’ persuni trans m’humiex dejjem daqshekk riġidi u stretti. Fil-ħidma tiegħi ltqajt ukoll ma’ xi wħud li jħossu li l-kelma 'transesswali' m’għandhiex dejjem tkun relatata ma’ tibdiliet fiżjoloġiċi biss, imma anke ma’ kif wieħed iħossu. Hemm ukoll xi persuni trans li ma jħossux li għandhom jibqgħu jirreferu għalihom infushom bħala transesswali wara li l-proċess ta’ tranżizzjoni jkun spiċċa, imma li għandhom isejħu lilhom infushom ‘mara’ jew ‘raġel’.Tajjeb li ngħid li dawn it-termini huma kumplessi, speċjalment fid-dawl tal-kulturi u d-diversità. Karatteristiċi bħal ngħidu aħna l-ilbies u l-imġieba, li huma meqjusin tipikament maskili jew femminili f’kultura partikolari, jistgħu ma jkunux aċċettati f’kultura oħra. Iżjed minn hekk, dak li kien ikkunsidrat espressjoni tipika ta’ ġeneru maskili jew femminili mitejn sena ilu, jista’ ma jkunx aċċettat illum il-ġurnata.
 
Nispiċċa billi ngħid li persuna ma tagħżilx li tesperjenza ħsibijiet/inklinazzjonijiet trans, l-istess bħalma xi ħadd ma jagħżilx li jkun mara, raġel, eterosesswali (straight), jew omosesswali (gay), imma huma affarijiet awtomatiċi, inkonxji u naturali. In-newropsikoloġija s'issa għadha mhix f'pożizzjoni li tgħidilna kif dawn il-ħsibijiet jiżviluppaw fil-moħħ. Qiegħed ngħid dan għax kultant bil-kliem tagħna nistgħu nweġġgħu ħafna lil dawn in-nies. Tajjeb li niftakru li l-identità tal-ġeneru hija wkoll parti integrali milll-identità tagħna (aħna minn aħna) u l-eżistenza tagħna (l-irwol tagħna fid-dinja u r-raġuni soċjo-spiritwali għala aħna neżistu). Ukoll tajjeb li nżommu ġo moħħna li persuna mhux se tagħżel li bi 'qżież' tilgħab jew ixxekkel din l-identità, li hija tant ċentrali għal kull individwu. Din l-identità għandha implikazzjonijiet psikoloġiċi, sessoloġiċi, soċjali u anke spiritwali, allavolja f'dan il-blog mhux se noqgħod nidħol fid-dettal ta' kull implikazzjoni peress li mhux l-iskop ta' din il-kitba.
 
Nikkonkludi din is-sensiela ta' żewg blogs billi niddedika dan kollu lil dawk kollha li għaddejjin minn żmien diffiċli fil-ħajja minħabba l-identità tagħhom. Meta nirrifletti fuq sitwazzjonijiet ta’ persuni li għaddejjin minn battalji bħal dawn, iġegħluni nirrealizza li l-ħajja mhux biss iswed jew abjad, mara jew raġel, gay jew straight, imma ħafna iżjed. M’għandux ikun dan biss li jiddetermina aħna min aħna, imma għandhom ikunu l-valuri u l-personalità tagħna li jieħdu prijorità fuq dan kollu. Hekk aħna nkunu nistgħu ngħixu lkoll f’armonija ma’ xulxin!
 
Sakemm nerġgħu niltaqgħu, nħeġġeġ lil min għandu xi argumenti interessanti t'għarfien li jixtieqni niftħu fuqhom, biex jaqsamhom miegħi. Saħħa!

More in Blogs