Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

'Inħossni aktar komda meta nesibixxi ruħi bħala kantawtriċi'

Ħames minuti ma' Corazon Mizzi

Christa Boffa / 28 t'April 2015 14:54
Kemm ilek fil-mezzi tax-xandir?

Din is-sena għalaqt 10 snin!

Kif bdejt?

Kont għamilt audition għall-kor ta’ Xarabank u ntagħżilt. Minn hemm bdejt nieħu idea ta’ xi jseħħ wara l-kwinti ta’ programm televiżiv. Dak iż-żmien kont moħħi biex insir avukat, iżda rrealizzajt li din il-linja togħġobni - u nibtet ħolma u passjoni. 

X’jogħġbok l-iżjed dwar id-dinja tal-ispettaklu?

Probabbilment il-fatt li nħossha xi ħaġa naturali għalija - bħallikieku m’jien qed nagħmel xejn speċjali u għalhekk inħossni daqshekk komda f’dan il-qasam. 

X’tippreferi - tippreżenta jew tkanta? Għaliex?

Nippreferi nippreżenta milli nkanta. Ngħidlek għaliex. Fejn tidħol il-mużika ma nqisx lili nnifsi sempliċiment bħala kantanta - imma peress li nikteb il-kanzunetti tiegħi stess inħossni aktar komda meta nesibixxi ruħi bħala kantawtriċi. Nemmen li bħala kantawtriċi, il-kontribut tiegħi għax-xena mużikali lokali huwa ta’ valur akbar milli kieku kelli nkun biss kantanta. 

X’inhi l-inspirazzjoni tiegħek wara d-diski li tikteb? 

L-ispirazzjoni tiegħi hija l-ħajja ta’ kuljum, l-esperjenzi ta’ individwi hekk meqjusa ‘komuni’ iżda li fis-sempliċità tagħhom jirrakkontaw ħafna dwar il-ħajja tagħna, il-karattru tagħna bħala Maltin u l-mod kif naħsbu u ngħixu. Il-kanzunetti tiegħi jippreżentaw realtà li xi kultant tweġġa’ u ddarras, b’mod poetiku. 

"“L-ispirazzjoni tiegħi hija l-ħajja ta’ kuljum, l-esperjenzi ta’ individwi hekk meqjusa ‘komuni’ iżda li fis-sempliċità tagħhom jirrakkontaw ħafna dwar il-ħajja tagħna”"
X’irwol tixtieq li jkollhom fil-ħajja ta’ min jismagħhom?

Il-kanzunetti tiegħi ma jinkitbux bi skop. Inkitbu sempliċiment bħala frott tal-bżonn li nesprimi l-ħsus ġewwinija tiegħi u tad-dinja soġġettiva tiegħi. Nemmen li l-arti vera dejjem tibda bħala espressjoni - imbagħad huwa min qed iġarrabha u jesperjenzaha li jagħtiha skop. Dan mhuwiex xogħol l-artist. 

L-aktar mument ħelu li esperjenzajt permezz ta’ din il-karriera?

Ikolli nammetti li l-mumenti ħelwin ma jonqsux - speċjalment minħabba li qed niġi mistiedna minn bosta skejjel biex inwassal il-mużika tiegħi lit-tfal u l-istudenti. Darba minnhom niftakar li kont kantajt ‘Fid-Dar tan-Nanna’ fi skola partikolari u tifla ċkejkna ta’ xi ħames snin ġiet fuqi mħassba u inkwetata u qaltli: “issa la waqgħet id-dar tan-nanna, int m’għandekx fejn torqod?” 

Ġurnata tipika għalik x’inhi? Corazon min hi meta mhix quddiem il-kamera?

Ma tantx nista’ nagħtik eżempju ta’ ġurnata tipika għaliex jiena miniex persuna tar-rutina. Kull ġurnata hija differenti minn ta’ qabilha, għalkemm dejjem mimlija sa snienha. Corazon mhix wisq differenti wara l-kamera minn quddiem il-kamera bħala karattru. Kien hemm min ġieli rrimarkali li quddiem il-kamera nidher persuna kalma u ggalbata ħafna mentri fil-verità qisni molla nipprova nlaħħaq ma’ kollox. Ta’ kuljum nipprova niekol tajjeb u nagħmel l-eżerċizzju. Dawn iż-żewġ affarijiet huma importanti ħafna għalija - għaliex jekk inħossni f’saħħti, inkun kapaċi negħleb l-ostakli kollha li ġġib magħha l-ġurnata. 

Xi rwol għandha l-politika f’ħajtek?

Bħalissa ftit li xejn. Għalkemm insegwi ħafna dak li jkun qed jiġri kemm Malta u kemm fix-xena internazzjonali u għalkemm jien persuna opinjonata ħafna fejn tidħol il-politika, nieħu gost insegwi bħala spettatriċi mingħajr ma nidħol wisq fil-polemika partiġġjana. 

U r-reliġjon?

Nemmen għalija, u nagħmel dak li nħoss huwa l-aħjar mal-kuxjenza tiegħi. Mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. 

Kemm hu importanti l-mod ta’ kif tidher għalik?

Mhux biżżejjed biex insejjaħ lili nnifsi ‘vanituża’ imma fix-xena li naħdem fiha jien huwa importanti li tidher sew. Id-dehra għalija hija forma ta’ arti u ħafna drabi nużaha bħala mezz ta’ espressjoni wkoll. 

X’inhu l-aħjar parir li qatt ingħatajt?

Dan l-aħħar imprenditur kbir f’Malta qalli: ‘kuljum aħdem ftit u orqod’. Dan ifisser li wieħed m’għandux jistenna li jibla’ d-dinja f’ġurnata. Kuljum tagħmel dak li tiflaħ, u importanti li fl-aħħar tal-ġurnata tkun qiegħed f’postok mal-kuxjenza - u meta tpoġġi rasek fuq l-imħadda jirnexxilek torqod b’serenità. 

Il-kuntentizza għalik x’inhi?

Il-kuntentizza hija ħaġa waħda mal-gratitudini. Meta titgħallem tapprezza l-affarijiet li għandek, u tħossok grat għalihom. L-ambizzjoni sabiħa imma min dejjem jixtieq aktar, aktar, aktar qatt ma jista’ jkun kuntent. 

Malta xi tfisser għalik?

Inħossni marbuta ħafna ma’ din il-gżira u r-raġuni mhix loġika imma sentimentali. Jiena persuna li nagħti valur kbir lill-passat, lill-għeruq u l-għeruq tiegħi hawn qegħdin u dak li huwa tiegħi, inħobbu aktar minn dak li hu barrani. 

Għandek xi pjanijiet għal futur?

Iva, ħafna li kieku nibda lanqas nieqaf. Jiena persuna ħalliema ħafna - u l-ħolm s’issa dejjem ħdimt ħafna biex wettaqtu. Xewqa kbira tiegħi hija li naħdem fuq it-tieni album ta’ mużika bil-Malti - u forsi fil-futur aktar qarib, xi kunċert ieħor?

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook