Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Stil, spiritwalità, arti u fuq kollox mużika - Ecca Muscat

Kantanta li b'determinazzjoni qed tiġri wara l-ħolm tagħha

Christa Boffa / 21 ta' Marzu 2015 09:54
L-aħjar parir li qatt ingħatajt x’kien?
Għandi ħafna!  Iżda wieħed riċenti kien biex ma nagħlaqx qalbi.  Anke jekk, fid-diversi esperjenzi li ġġib magħha l-ħajja, hu aktar faċli li tiddefendi ‘l qalbek billi taqfilha ġo gaġġa.

L-isbaħ kumpliment li qatt irċevejt?
Naħseb l-isbaħ kumpliment li qatt qlajt kien “Kemm għandek stil faqa man!”

L-aktar mużika “tal-mistħija” li ssiblek fuq l-MP3 plejer?
Probabilment ikolli nagħżel li tkun tiegħi nipprova nivvinta diska.

X’qed tagħmel aktar f’ħajtek bħalissa?
Bħalissa qed nistudja ġewwa l-Università ta’ Malta.

L-ispiritwalità, ir-reliġjon għalik x’ifissru?
Personalment ir-reliġjon huwa vitali f’ħajti.  Aktar kemm nersaq viċin tal-Mulej, aktar kapaċi nkun li nagħti sens lil ħajti.

Il-kuntentizza x’inhi għalik?
Tbissima pura mill-qalb m’għand xi ħadd li ma nafx minn Adam.

Li kieku kellek tikteb ktieb awtobijografija tiegħek, x’titlu ttih? Għaliex?
Hija xewqa kbira, li xi darba nikteb ktieb. Kieku jkun jismu ‘Mid-djarju ta’ Jenny’ u fih ndaħħal il-ħafna ħsibijiet li jagħmluli kumpanija matul il-ġurnata.

Xi ħaġa li ma jafux wisq nies dwarek x’inhi?
Ħafna ma jemmnux kemm m’għandix paċenzja.

X’ridt issir meta kont żgħira?
Meta kont żgħira ridt insir riċerkatriċi tal-Kanċer.

Hemm xi ħaġa li dejjem ridt nipprova imma dejjem bżajt tagħmel?
Jien it-tip ta’ persuna li jekk indaħħal f’moħħi li nkun irrid nagħmel xi ħaġa, nagħmilha, anke jekk jkolli qalbi f’ħalqi.

X’jagħtik il-motivazzjoni meta xi drabi, forsi, taqta’ qalbek?
Infakkar lili nnifsi kemm it-tama hi aktar qawwija u effettiva mill-biża’.

Kien hemm xi esperjenza, jew xi laqgħa ma’ xi ħadd li biddlitlek ħajtek? Kif?
F’Ottubru li għadda attendejt għal kors Seven li jorganizza l-Youth Fellowship, u hemm nista’ ngħid li, permezz tat-talks u d-diskussjonijiet ferm interessanti, kelli waħda mill-isbaħ esperjenza f’ħajti.  Skoprejt tassew l-fedeltà u l-imħabba enormi li l-Ħallieq għandu għalija.

Mużikalment għadek isem relattivament ġdid f’Malta. Għidilna ftit dwar il-mużika tiegħek – inspirazzjonijiet, stil eċċ.
Permezz tal-mużika tiegħi jien nuri verament min jien. L-emozzjoni u l-passjoni qawwija li għandi għal din il-ħajja huma l-ingredjenti li jsawruha.  Saħħaħt din l-imħabba speċjali lejn il-mużika grazzi għall-programm Amici u festivals bħal Sanremo.

Pjanijiet għall-futur?
Jekk nibda nsemmi l-pjanijiet li għandi għall-futur, ma nieqaf qatt! Fosthom, apparti l-Għanja tal-Poplu ta’ din il-ġimgħa, nittama li nkompli nkanta, mhux biss għall-ħitan ta’ kamarti, iżda għal udjenza li, bħali, għandha għal qalbha l-Mużika.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook