Ħames Minuti ma' Taryn Mamo Cefai

Taryn Mamo Cefai - se tagħlaq 21 nhar it-Tlieta li ġej. Hija attriċi fis-serje televiżiva Il-Klikka. Studenta Universitarja u ilha fix-xena tal-ispettaklu sa minn età żgħira. 

Meta twelidt u xi tgħidilna dwar it-tfulija tiegħek?

Twelidt fis-16 ta’ Settembru 1993 u kelli tfulija sabiħa. Il-ġenituri dejjem tawni appoġġ liema bħalu u minn ta’ età żgħira għenuni nwettaq kull ħolma li kelli anke jekk xi kultant kienet tfisser ħafna sagrifiċċji u ljieli mingħajr irqad. 

Kemm ilek fix-xena tal-ispettaklu?

Ommi minn dejjem kienet tgħid li twelidt biex inkun fuq il-palk. Bdejt il-ballet meta kelli biss tliet snin. Bdejt it-teatru wara li ġejt offruta borża ta’ studju minn Edward Mercieca biex nissieħeb ma’ Stagecoach. Minn dak iż-żmien qatt ma ħarist lura u t-teatru sar parti minn ħajti. Kant, drama u żfin. Meta spiċċajt il-postsekondarja tlajt sena Londra fejn studjajt ukoll it-Teatru Mużikali fuq bażi full-time.

X’inhu l-kulur favorit tiegħek u għaliex?

Ir-roża, għax jirrifletti l-personalità tiegħi. Bright, bubbly and fun.

Diska favorita? U kantant/a favorit/a?

Bħala mużiċista ma nistax ngħid li għandi diska favorita iżda d-diski kollha għandhom ħinhom u waqthom f’ħajti. Il-kantanta favorita tiegħi hija bla dubju Beyoncé. Beyoncé hija mara eċċezzjonali li temmen ħafna fid-drittijiet tan-nisa. Ma tibżax titkellem fuq l-esperjenzi personali tagħha u l-passjoni tagħha lejn il-mużika hija eżemplari. Ħajjitha hija ta’ ispirazzjoni għal ħafna nisa madwar id-dinja.

Xi jfisser Il-Klikka għalik?

Il-Klikka okkupa parti kbira minn ħajti dawn l-aħħar sentejn. Ingħaqadt mat-tim oriġinali tal-Klikka ta’ 18-il sena. Kont l-iżgħar waħda u b’hekk malajr sibt ruħi b’ħames ħuti bniet ikbar minni li bdew jieħdu ħsiebi u jtuni pariri fuq il-ħajja mill-esperjenzi tagħhom. Kienet esperjenza mill-isbaħ! Naħseb li kien drama li ntgħoġob ħafna fejn l-ispettaturi ħassewhom parti mill-istorja u setgħu jirrelataw ma’ ħajjithom ukoll. 

X’hemm differenti u x’hemm l-istess bejnek u bejn Sarah Degiorgio?

Sarah hi differenti b’ċertu modi, imma simili f’oħrajn. Jien inħobb ngħid dak li nħoss waqt li Sarah hi konservattiva u kwieta. Sarah, bħali, taħdem biex tilħaq il-ħolm tagħha l-iktar fejn jidħol ix-xogħol, il-ħbieb u l-familja.

It-teatru jew it-televixin? U għaliex?

It-tnejn fihom tagħhom iżda personalment għalija m’hemm xejn iktar eċitanti minn dak il-mument qabel ma toħroġ fuq il-palk. Dik l-adrenalina tinfirex ma’ ġismek kollu u jkollok taħlita ta’ eċitament u biża’ li tbaqbaqli demmi. 

Fejn tixtieq tasal b’din il-karriera fix-xena tal-ispettaklu?

Il-karriera tad-drama hija importanti ħafna f’ħajti u nħoss li żżommni f’sensija. Għalija t-teatru huwa forma ta’ ħarba mid-dinja reali fejn nista’ nesprimi ruħi u nkun xi ħadd differenti. Xi kultant tispiċċa tgħix ir-rwol li tkun qed taħdem mingħajr ma tinduna. 

X’inhu suċċess għalik?

Suċċess hu li ssib l-istat fejn tkun qiegħda f’ħajtek, u dawk li mdawra bihom jagħmluk kuntenta. Il-flus ma jagħtukx is-suċċess, jagħmluk sinjur. Suċċess hu meta tkun fi stat fejn tapprezza dak li għandek u tkun kompletament kuntenta bil-mod kif tkun qed tgħix għax tkun qed tagħmel dak li tħobb. 

X’inhi kuntentizza għalik?

L-iskop tal-ħajja hu li tkun kuntent. Ma tagħmilx differenza liema pajjiż jew soċjetà tgħix fiha. Kulħadd għandu l-istess xewqa, li jkun kuntent. Il-kuntentizza qiegħda meta wieħed jibni lilu nnifsu minn ġewwa. Persuna jkun kuntent għax ikun tant b’saħħtu minn ġewwa li xejn ma jista’ jkissru. Il-kuntentizza mhux ħajja bla problemi, imma s-saħħa ġewwinija li biha tista’ tegħleb il-problemi li tiltaqa’ magħhom. M’hemmx ħajja mingħajr problemi, id-diffikultajiet huma inevitabbli. Imma kif nesperjenzaw u kif nirreaġixxu għall-problemi tagħna jiddependi biss minna.

X’inhu l-ingredjent l-iktar importanti f’relazzjoni skontok?

Impenn, onestà u komunikazzjoni. 

Tħobb issiefer? Liem kienet l-isbaħ safra s’issa? Liem hu dak il-pajjiż li tixtieq iżżur u għadu ma kellekx iċ-ċans?

Is-safar huwa l-passjoni tiegħi. M’ilux iltqajt ma’ eks għalliema u qaltli li m’hemm xejn x’iżommni. Nixtieq nagħmel il-Masters fi New York wara li nlesti d-degree tiegħi hawn Malta. Imma l-iktar pajjiżi li nixtieq inżur huma l-Indja u Bora Bora. 

Proġetti u pjanijiet għall-futur?

Bħalissa għandi numru ta’ proġetti għall-futur. Hemm pjanat film ta’ Il-Klikka biex ngħalqu s-saga bil-kbir. Se jkolli wkoll il-parti tal-prinċipessa fil-pantomima li jmiss ‘Merry Poppins’ flimkien ma’ Alan Montanaro. F’Ottubru li ġej nibda t-tielet sena l-Università b’B.A. fil-Komunikazzjoni u l-Psikoloġija. Għandi ħolm kbir li se jżommni okkupata għas-snin li ġejjin. 

Sajf jew xitwa? Għaliex?

It-tnejn fihom il-gost tagħhom iżda m’hemm xejn isbaħ minn ġurnata rilassanti ħdejn il-baħar sabiħ tal-gżejjer Maltin. Xemx, ħbieb u xi cocktail tajjeb. Ġenna!

Kemm tħobb lil pajjiżek?

Kif jgħidu bl-Ingliż, ‘there’s no place like home’, u dan ġej minn persuna li qattgħet ħafna żmien tgħix barra minn Malta. Inħobb insiefer ħafna, kif diġà għidt hija l-passjoni tiegħi, imma Malta hija d-dar tiegħi u nimmissja lil familti meta ma nkunx hawn. 

X’inhu l-motto għalik fil-ħajja?

Agħmel dak li jagħmlek kuntent u qatt tħares lura. 

More in Hames Minuti