Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Ħames Minuti ma' Steve Hili

Steve Hili - preżentatur fuq ir-radju, komiku, kittieb, u attur. Ilu miżżewweġ 7 snin u jgħix l-Isla. Iħobb ħafna l-mużika reggae u ska. L-ikel favorit tiegħi huwa l-lasagna.

Frederick Attard / 11 ta' Mejju 2014 13:51
Steve Hili
F’liema sena twelidt u taħt liema sinjal żodjaku?

Twelidt fl-24 ta’ Ġunju tal-1978, is-sinjal żodjaku tiegħi hu l-kankru.

Xagħrek minn dejjem innuklat kien?

Xagħri minn dejjem kien innuklat imma ilu dreadlocks madwar 6 snin. Kont għamiltu dreadlocks meta kont żgħir ukoll imma mbagħad kont neħħejthom. Meta kont qed noqrob lejn it-30 kelli kriżi! Xtaqt nagħmel xi ħaġa li turi lid-dinja (u lili innifsi) li għadni żagħżugħ! Allura erġajt għamilt id-dreads. 

Minn dejjem kellek dan il-karattru ferrieħi? 

Iva ta. Niftakarni ta’ 5 jew 6 snin waqt li l-familja kienet qed tiekol ġo ristorant kien hemm DJ qed joffri divertiment lil dawk preżenti u staqsejtu jekk nistax neħodlu l-mikrofonu biex ngħid ċajta! 

X’inhi l-ikbar ġennata li għamilt f’ħajtek?

Morna sal-Victoria Falls illi huwa waterfall enormi bejn iż-Zambia u ż-Zimbabwe u staqsewna jekk irridux ngħumu fit-tarf tal-kaskada. Ovvjament ‘at your own risk.’ Iddeċidejt li nagħmilha. U tant kont eċitat li ma tajtx każ il-miżuri ta’ sigurezza li kellna nieħdu. L-ilma jimbuttak u inti trid iżżomm ma’ blata kbira nkella taqa’ għal isfel u biċċiet jiġbruk. B’xi mod irnexxieli!

Kif bdejt fuq ir-radju u ma’ liema stazzjonijiet ħdimt?

Bdejt ta’ 17 fuq stazzjon tal-komunità bl-isem ta’ Radju 99. Imbagħad kont mort Capital Radio. L-Awstralja ħdimt fuq l-SBS u meta erġajt ġejt Malta mort ma’ XFM. Illum il-ġurnata XFM sar Solid Malta. 

X’inhu dak li jgħamlek uniku fuq ir-Radju?

Nipprova nibni relazzjoni mas-semmiegħa u nipprova nistimula l-immaġinazzjoni ta’ dak li jkun. Niċċajta u nipprova nagħti doża ta’ ‘ġenn’ - nipprova noħloq dinja oħra għas-semmiegħa. Ir-radju f pajjiżna għaddej minn perjodu diffiċli għax ftit huma l-preżentaturi li qed jippruvaw ikunu kreattivi. Din hija ħasra kbira.

Min hu Steve fuq il-palk?

Meta nkun qed nagħmel ‘stand up’ Steve fuq il-palk huwa verżjoni kemxejn estrema ta’ Steve fil-ħajja ta’ kuljum. Insir bniedem liberu għal kollox! Ir-regoli tas-soċjetà (sa ċertu punt ovvjament!) ma jibqgħux jgħoddu. Ċoe jekk irrid ngħid xi ħaġa u li kieku ngħidha fid-dinja ta’ kuljum in-nies jgħodduni ta’ miġnun, nista’ għax huwa l-ambitu ta’ stand up.

Meta nkun qed nirreċta, nipprova nkun il-karattru li suppost qed ninterpreta imma l-karattru ħafna drabi issir amalgamazzjoni tal-karattru stess u tiegħi.

Liema kien l-aktar karattru diffiċli li interpretajt?

Fl-Awstralja kont qed nieħu sehem f’play għat-tfal u kelli nkun monstru b’aċċent Franċiż. L-aċċent iżjed ħareġ ta’ Għawdxi!

Qatt insejt xi linji mill-iscript u kif kampajt?

Ħafna drabi! Tipprova timprovizza hux! 

Temmen li hawn biżżejjed attivitajiet kulturali f’pajjiżna? 

Iva u le. Jien nemmen li għandna bżonn affarjiet iżjed aternattivi, iżjed ‘fringe’ iżjed esperimentali. Għandna bżonn nieħdu iżjed riskji, nagħmlu affarjiet differenti. 

Kif tħares lejn il-Belt Valletta li se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018?

Opportunità. Nemmen li hemm ħafna xogħol xi jsir. U nemmen li rridu nkunu miftuħa għal ideat ġodda. Irridu nieħdu riskji u nkunu innovativi u mhux nibqgħu naraw il-kultura biss fis-sens dejjaq tagħha.

Tħobb issiefer u fejn hu l-post favorit tiegħek?

Ħafna. Għamilt ftit żmien ngħix barra minn Malta u dak kien żmien veru sabiħ. Bħala vaganza, inħobb immur nara it-tim tal-futbol favorit tiegħi l-Everton jilagħbu. Inħobb immur postijiet iżjed eżotiċi wkoll. L-isbaħ vaganza li qatt kelli kienet ġo Mozambique. 

Int se tieħu sehem f’attività nobbli msejħa 1.21 Challenge, fiex tikkonsisti?

Se nagħmel ħamest ijiem niekol b’€1.21 kuljum. L-għan hu li noħolqu ftit għarfien dwar in-nies madwar id-dinja li jgħixu fil-faqar. Fl-istess ħin qed nippruvaw niġbru fondi sabiex inkomplu nagħtu appoġġ lil ċentru mediku li kont involut fil-ħolqien tiegħu fil-Kambodja ftit tas-snin ilu. Dan iċ-ċentru qed jagħmel ħafna xogħol essenzjali ma’ nies fil-bżonn. Fosthom ommijiet ġodda, tfal u żgħażagħ b’diżabbiltà.

Kif se jirnexxilek tgħix b’€1.21 kuljum?

Ma nafx! Ilna naħdmu fuq għażliet u baġits u x’naf jien imma se tkun diffiċli. U l-ħajja tul dik il-ġimgħa trid tkompli. Xorta se nkun fuq ir-radju. Apparti minn hekk għandi żewġ spettakli ta’ stand-up li se jsiru wkoll. Jien jekk ma nikolx ma tantx ikolli burdata tajba. Jiġifieri minn jaf kif se nkun sal-Ġimgħa!

Kemm hu importanti li ngħinu lil min hu fil-bżonn?

Aħna ser nagħmlu din l-isfida għal ħamest ijiem biss. Però madwar id-dinja hemm 1.2 biljun ruħ li jgħixu hekk kuljum. U mhux talli hekk, talli dawn in-nies mill-ftit flus tagħhom iridu jħallsu affarjiet oħra. Pereżempju, spejjeż ta’ trasport, mediċina eċċ. Importanti li nkunu konxji ta’ x’inhu jiġri madwarna. Jekk nifhmu ftit iżjed il-faqar forsi nistgħu nifhmu ftit iżjed għaliex affarjiet oħra qed jiġru madwarna wkoll. 

La darba tibda tifhem ftit iżjed imbagħad jien inħoss li huwa importanti li b’xi mod tgħin. Inħoss li aħna għandna responsabbiltà lejn minn għandu bżonn. Ma nistgħux ngħixu ġo bozza. 

X’tip ta’ appoġġ għandek bżonn biex din l-attività tkunlek waħda ta’ suċċess?

Jekk xi ħadd jista’ jagħti donazzjoni, anki żgħira, tkun aprezzata ħafna. Donazzjonijiet qed jintlaqgħu fuq https://www.betternow.org/mt/121challenge.

Forsi dak li jkun jista’ jagħtina l-ekwivalenti ta’ kemm jonfoq fuq ikel fil-ġimgħa. Jew kemm jonfoq fuq xorb, jew ħruġ. 

Jekk hemm min jitħajjar jagħmel l-isfida u jiġbor xi fondi għal ħbieb tagħna tal-Kambodja, bil-qalb kollha. 

U jekk xi ħadd jarani nhar is-sibt 17 ta’ Mejju, wara li jkun għadda kollox - ixtruli żewġ pastizzi!

Frederick Attard kien l-editur tal-gazzetta ILLUM bejn Marzu tal-2014 u Ġunju tal-2015. Kien ukoll il-producer ta' programmi televiżivi ta' Mediatoday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook