Ħames Minuti ma' Miriam Christine

Miriam Christine - kantanta, kompożitrici, għalliema u omm. Single u toqgħod il-Mosta. L-istilla tagħha hija l-Kankru, tħobb il-baħar, issiefer, issajjar, toħroġ tiekol, l-isport (tarah biss iktar milli tipprattikah), il-qari, shopping, u bla dubju l-mużika.

Miriam Christine
Miriam Christine

Imwielda f’Goias il-Brażil imma trabbejt f’Għawdex, x’tiftakar minn tfulitek?

 

Kont tifla kwieta ħafna. Ħafna drabi kont nippreferi nkun wahdi nilgħab bil-pupi jew inkella nkanta u niżfen. Iżda l-aktar memorji li għandi għal qalbi huma dawk ta’ meta kont immur ġurnata l-baħar mal-papa u l-mama, jew inkella fl-għelieqi niġbru l-frott u l-ħaxix. Memorji li se jibqgħu miegħi għal dejjem.

 

Bdejt iddoqq il-pjanu ta’ sitt snin hux hekk?
Bdejt inkanta u ndoqq il-pjanu fl-istess żmien. Il-mużika minn dejjem kienet fija, almenu hekk tgħid il-mama. Dejjem ħsiebni biex niżżegleg quddiem il-mera, nitkaħħal mat-televiżjoni kull meta nisma’ l-mużika, u niġri bit-turnaviti tal-papa taparsi għandi mikrofonu u nkanta u nwerżaq!
 
Riċentament tlift il-papa tiegħek…

Dawn l-aħħar ftit xhur kienu difficli ħafna. Ħafna nies isofru telfa fil-ħajja. Iżda għal kemm tkun taf li xi darba dan id-destin ikun irid imiss lilek ukoll, qatt ma tkun preparat għal weġgħa tal-qalb. Fl-istess ħin, għal kemm nimmisjah ħafna, għandi ħafna paċi f’qalbi għax naf li jien ixxurtjata ħafna li gawdejtu għal ħafna snin, u kont hemm għalih sa l-aħħar.

Lura għall-karriera tiegħek, In A Woman’s Heart . . .
Kanzunetta u żmien li żgur li qatt mhu se ninsa. L-1996 kienet sena specjali ħafna. Esperjenza unika li għalkemm ġiet kmieni f’ħajti, għallmitni ħafna. Grazzi għal dan iċ-ċans li kelli, iltqajt ma’ ħafna nies, għamilt kuntatti, żort ħafna pajjiżi, u fuq kollox kantajt fuq dak il-palk meraviljuż. Min qatt kellu jgħidli li mill-Brażil se nispiċċa fuq il-palk tal-Eurovision?!

Illum x’hemm f’qalbek, it-tifel Rio?
Illum f’qalbi hemm ħafna paċi. Nirringrazzja lill-Mulej kull waqt u kull mument talli għażilni u tani ħajja tant inkredibbli. F’qalbi għandi mħabba kbira għal mama tal-Brażil li għamlet sagrifiċċju enormi meta tatni għall-adozzjoni biex ikolli ħajja aħjar. Għal papa li għalkemm issa qed iżomm idejh fuqi mill-Ġenna, se nġorru f’qalbi kull fejn immur. Għal mama Reġina li hija l-aktar mara speċjali u unika fid-dinja għalija. Għall-ħbieb li huma dejjem hemm għalija f’kull mument ta’ ħajti, sewwa dak diffiċli u sewwa dak sabiħ. Għal dawk kollha li xi darba kienu f’ħajti u li issa m’għadhomx talli b’xi mod jew ieħor għenu sabiex sirt il-persuna li jien illum. Iżda fuq kollox għat-tifel Rio li għamilni omm u urieni kif insib it-triq biex ngħix bl-ahjar mod possibbli.

Fl-2008 int kont waqqaft il-Gozo Children’s Choir . . .
Kien żmien sabiħ ħafna. Kelli rispons qawwi ħafna f’Għawdex. Kellna l-opportunità li nkantaw fuq it-televiżjoni u f’ħafna okkażjonijiet importanti. Sfortunatament imbagħad wasal żmien fejn kelli nieqaf minn din l-esperjenza. Iżda żgur li se nibqa’ niftakarha għal dejjem.

Qed taħdem fuq xi ħaġa partikolari bħalissa?
Bħalissa għandi diversi proġetti li bdejt naħdem fuqhom. Eċitata ħafna fuq dan is-sajf u s-sena d-dieħla. Iġri jasal kollox! Iżda fil-ħajja tgħallimt li kollox f’ħinu u f’waqtu!

Tippreferi s-sajf jew xitwa!
Is-sajf bla ebda dubju. Jien inħobb il-baħar, xemx, ikliet mal-ħbieb, safar, u norqod ukoll! Fis-sajf ikolli ċ-ċans nagħmel dan kollu u nipprova ngawdi kemm nista’. Viva s-sajf!

X’inhu dak li jgħamlek kuntenta fil-ħajja?
Kollox! Li sempliċiment niftaħ għajnejja u nqum filgħodu sabiex ngħix ġurnata oħra huwa biżżejjed. Il-ferħ u l-kuntentizza jiġu minnek biss. Huma għażla. Jien nagħżel li ngħix kuntenta.
 
Bħalissa għandna xahar mimli futbol, nassumi li mal-Brażil se żżomm hux?
Brażil għal dejjem! Ilni nsegwi l-World Cup minn mindu kelli tmien snin. Iffissata bl-ikrah fuq il-futbol (u anke sport ieħor). Għandi xahar imkaħħla mal-mezzi tax-xandir. U din is-sena speċjali għax mill-Brażil!

Il-ħolma li għad triq twettaq
Għandi ħafna ħolm li xi darba jew oħra, jekk il-Bambin irid se nwettaq żgur. Ċertu ħolm u xewqat inħobb inżommhom għalija. Iżda ħolma li għandi hija dik li xi darba nixtri sailing boat. Il-baħar inħobbu ħafna u nixtieq ingawdih iżjed.

More in Hames Minuti