Is-Sancte Paole: L-antifona li saret l-identità tal-festa ta’ San Pawl fil-Belt

Fl-ewwel minn sensiela ta’ artikli dwar l-antifoni, il-gazzetta ILLUM tħares lejn l-istorja wara s-Sancte Paole, waħda mill-aktar antifoni popolari u importanti tal-gżejjer Maltin u li hija kważi kważi istituzzjoni għall-Pawlini Beltin

Għadda l-ewwel xahar tas-sena u Frar daħal ġmielu u miegħu ġab l-ewwel festa tas-sena, dik tan-Nawfraġju ta’ San Pawl li tiġi ċċelebrata kull sena b’tant solennità fil-Belt Valletta. 

Matul is-sentejn li għaddew, il-gazzetta ILLUM tista’ tgħid li niżlet isimha bħala l-gazzetta tal-festi fejn dejjem tat spazju biex tippromwovi dak kollu li jagħmel il-Festa Maltija dik li hi u esponiet ix-xogħol li jsir tul is-sena kollha minn eluf ta’ voluntiera.

Sa issa, il-gazzetta ILLUM ħarset lejn it-tradizzjonijiet fid-diversi bliet u rħula u anke l-opri tal-arti li jżejnu l-knejjes u t-toroq tagħna matul il-ġranet tal-festi.

Żgur li l-aspett mużikali, kemm il-mużika sagra u anke l-marċi, huwa patrimonju li kull festa f’Malta u Għawdex tista’ tiftaħar bih. Fil-fatt, din is-sena, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tħares lejn dan l-aspett u se tkun qed tiċċelebra l-festa permezz tal-antifona li x’aktarx, apparti l-innu, tkun l-aktar biċċa mużika popolari u għall-qalb id-devoti u d-dilettanti tal-festa.

Jekk hawn antifona popolari, bla dubju ta’ xejn din hija s-Sancte Paole tas-Surmast Paolo Nani. Hija antifona popolari mhux biss mal-Pawlini Beltin, li wiċċhom jixgħel mal-ewwel daqqa tagħha fuq it-timpani, iżda tista’ tgħid mad-dilettanti tal-festi.

F'jum is-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tħares lejn din l-antifona, l-istorja tagħha, il-polemiċi li qajmet u l-importanza tagħha.

Imma l-antifona x’inhi?

Tajjeb li fl-ewwel artiklu minn din is-sensiela dwar l-antifoni, nispjegaw xi tfisser antifona. Kieku kellna nagħtu tifsira sempliċi, antifona tfisser silta mużikali, li tindaqq mill-orkestra bil-kliem bil-Latin dwar il-qaddis jew il-qaddisa li tagħhom tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa. L-antifona, fost oħrajn, tilqa’ l-vara malli tidħol lura fil-knisja wara l-purċissjoni.

Iżda kieku kellna nagħtu definizzjoni aktar dettaljata u fonda ta’ antifona, irridu nħarsu lejn dik magħrufa bħala l-Liturġija tas-Sigħat, jiġifieri t-talb permezz tas-Salmi li l-Knisja tagħmel f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, bħalma huwa dak magħruf bħala l-Għasar, jiġifieri t-talba li l-Knisja tagħmel fi nżul ix-xemx.

L-antifoni huma versi qosra li jintroduċu s-Salmi waqt il-Liturġija tas-Sigħat. Kull antifona tingħad jew titkanta darbtejn, jiġifieri qabel is-Salm li qed tintroduċi u anke warajh. Normalment, dawn jitkantaw bil-Gregorjan. 

L-antifona tal-festa x’aktarx li tittieħed mil-Liturġija tas-Sigħat, ġeneralment tkun dik ta’ qabel il-Magnificat tal-Għasar, anke jekk inqatgħet għalkollox minnha. Magħha x’aktarx li jkun żdied xi kliem u ma jitkantax bil-Gregorjan iżda b’orkestra u bi stil barokk. Fil-fatt, l-antifona kif jafuha l-Maltin ma ssibha mkien aktar.

Ma ninsewx li fi żminijiet l-imgħoddija, meta t-teatri kienu biss tas-Sinjuri, il-knejjes żviluppaw bħala t-teatru tal-poplu u għalhekk l-armar huwa rikk u l-mużika hija elaborata. Mhux ta’ b’xejn li l-antifona hija mlaqqma bħala “l-opra tal-fqar.”

Kif spjegajna, għalhekk, l-antifona fil-festi, ma baqgħetx tintroduċi salm. Nistgħu ngħidu li l-antifona saret innu, xi ftit jew wisq aktar elaborat, għall-patrun jew il-patruna. 

Ġeneralment, kull knisja jkollha aktar minn antifona waħda. Antifona sekondarja, li x’aktarx tkun inqas fit-tul, titkanta fil-ġranet tan-Novena jew inkella tul it-Tridu, filwaqt li l-antifona l-propja titħalla għall-aktar jumejn importanti tal-festa, jiġifieri lejlet il-festa, waqt it-Tranżulazzjoni Solenni tal-festa, u dakinhar tal-festa.

Dakinhar tal-festa x’aktarx li tindaqq darbtejn, jiġifieri fi tmiem il-Pontifikal jew il-quddiesa solenni tal-festa u filgħaxija malli l-vara tidħol lura fil-knisja.

Hemm lokalitajiet, fejn l-antifona tant hija għall-qalb il-poplu, li mad-dħul tal-vara tindaqq darbtejn u x’aktarx li lanqas biss ikun hemm bżonn kor għax kulħadd ikun jafha u jkantaha, bħal ngħidu aħna fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla.

L-ewwel parti tal-antifona Sancte Paole
L-ewwel parti tal-antifona Sancte Paole

Is-Sancte Paule ... istituzzjoni għall-Pawlini Beltin

Ġietna tajba li l-ewwel antifona minn din is-sensiela, hija propju s-Sancte Paole Apostole, jew sempliċiment is-Sancte Paole kif inhi magħrufa. Din l-antifona hija importanti ħafna u mhux biss għax għall-Pawlini Beltin hija kważi kważi istituzzjoni.

Anke jekk is-Sancte Paole mhijiex l-aktar antifona antika, għax hemm antifoni oħra, fosthom l-antifona ‘Hodie Maria Virgo’ tal-Katidral ta’ Għawdex jew dawk miktuba minn Vincenzo Bugeja, li kien Maestro di Cappella tad-Dumnikani tal-Belt Valletta u li huma aktar antiki, jibqa’ l-fatt li x’aktarx kienet din l-antifona li ħolqot din ir-rabta bejn il-festa Maltija u l-antifona.

Kif spjegat qabel, is-Sancte Paule ħarġet mill-pinna tas-surmast u l-kompożitur Malti Paolo Nani fl-1840. 

Mill-pinna ta’ Nani ħarġu wħud mill-isbaħ u l-aktar antifoni popolari li wieħed isib f’Malta, fosthom il-Flos Carmeli tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta, l-antifona Gloriosae Virginis Mariae tan-Naxxar u Ego Sum tas-Siġġiewi.

Ta’ min isemmi wkoll li meta Paolo Nani kiteb l-antifona Sancte Paule din kienet itwal minn kif tindaqq fil-ġranet tal-festa ta’ San Pawl Nawfrago.

Min kien Paolo Nani?

Meta ssemmi l-familja Nani tal-Belt Valletta, moħħok imur mill-ewwel fuq il-mużika. Anke jekk Paolo Nani ma kienx l-ewwel mużiċista ta’ din il-familja, huwa niżżel ismu bħala wieħed mill-aqwa kompożituri Maltin tas-seklu 19.

Nani twieled il-Belt Valletta fit-18 ta’ Novembru tal-1814 u forsi ftit jafu li apparti li kien mużiċista, kien ukoll avukat. Huwa studja l-mużika kemm f’Malta iżda anke f’Napli.

Fil-fatt, meta rritorna lura Malta huwa waqqaf il-Cappella di Musica tiegħu, magħrufa llum bħala l-Cappella Nani. Ftit żmien wara, Nani kien inkarigat bis-servizzi mużikali, l-ewwel fil-knisja tal-Karmelitani u aktar tard fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, it-tnejn fil-Belt Valletta u li għalihom kiteb fost l-aqwa xogħlijiet tiegħu.

Paolo Nani
Paolo Nani

L-istudji tiegħu, partikolarment dawk f’Napli, waslu lil Nani biex tista’ tgħid jiżviluppa stil ġdid fil-mużika sagra. Fil-fatt, Nani żewweġ il-mużika liturġika mal-opra u dan jidher ċar ħafna fix-xogħlijiet tiegħu, anke jekk dan fisser kontroversji. 

Apparti s-Santwarju Bażilika tal-Karmnu u l-Kolleġġjata Pawlina, fl-aqwa tiegħu, Nani kien Maestro di Cappella ta’ ħafna knejjes oħra Maltin.

L-importanza u l-kontroversji tas-Sancte Paole...

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Alex Vella Gregory, mużiċist u kompożitur li insista dwar l-importanza tal-antifona Sancte Paole u kif din bidlet għalkollox il-mod kif inħarsu lejn l-antifoni.

Kif spjegajna din ma kinitx l-ewwel antifona. Vella Gregory semma l-antifoni miktuba mill-familja Bugeja li kienu jieħdu ħsieb il-mużika fil-Knisja ta’ San Duminku tal-Belt Valletta. 

Madanakollu, ikompli jispjega Vella Gregory, anke jekk sbieħ u importanti, dawn l-antifoni x’aktarx li huma aktar sobriji minn dawk ta’ Nani, li influwenzat mill-għalliema tiegħu f’Napli, żewweġ l-opra mal-mużika sagra.

Bħal kollox f’Malta, il-pika daħlet ukoll. Fil-fatt il-Cappella Nani kienet tikkompeti ma’ dik ta’ Bugeja u forsi għalhekk ukoll li Nani ried li joħloq xi ħaġa aktar b’saħħitha. Fil-fatt, Vella Gregory fakkarna li sena qabel inkitbet is-Sancte Paole ta’ Nani, Bugeja wkoll kien kiteb waħda iżda dik ta’ Nani malajr qalgħetha ’l barra.

Fil-fatt, meta wieħed jisma’ s-Sancte Paole, bażikament qiegħed jisma’ biċċa opra. Jingħad li l-Arċisqof Gonzi, meta kienet tibda s-Sancte Paole, kien jgħid lil dawk li jkunu miegħu fuq l-artal: “Se tibda l-Carmen.”

Is-Sancte Paole, tibda bid-daqq tat-timpani, li bħal donnu jfakkar fil-maltempata li waslet għan-nawfraġju u ħafna minnha hija strumentali (mingħajr kliem) u dan biex ma nsemmux l-użu qawwi tal-istrumenti tar-ram li ma tantx kienu assoċjati mal-mużika sagra.

Jekk illum din l-antifona hija meqjusa kapolavur ta’ Nani, dak iż-żmien, il-fatt li kienet kważi opra, ma tantx niżlet tajjeb ma’ kulħadd. Vella Gregory jispjega l-kontroversja li qamet dwarha għax mhux kulħadd aċċetta dan l-istil. 

Il-kontroversja ma mititx malajr, aktar u aktar meta l-Papa Piju X, fl-1903, kien ħareġ il-Motu Propio ‘Tra le sollecitudini’ bil-għan li tkun imrażżna l-influwenza tal-mużika operistika fuq il-mużika sagra.

Is-Sancte Paole llum...

Minkejja l-kontroversji u l-polemika, is-Sancte Paole mmarkat l-istorja tal-antifoni f’Malta. Illum tibqa’ waħda mill-aktar antifoni popolari u importanti fil-gżejjer Maltin.

Tista’ tgħid li s-Sancte Paole hija l-identità tal-festa ta’ San Pawl, l-istess kif ġara b’antifoni oħra ta’ Nani. Ma tistax timmaġina l-festa ta’ San Pawl mingħajr is-Sancte Paole jew tal-Madonna tal-Karmnu mingħajr il-Flos Carmeli. 

Tant kemm hi parti importanti mill-festa, li ssib Pawlini li jmorrulek fl-aħħar mumenti tat-Tridu, jew tal-Għasar, sempliċiment biex jisimgħu n-noti tas-Sancte Paole.

Iżda l-importanza tal-antifoni marret lil hinn min-Nani. Kif rajna, antifoni ta’ kompożituri oħra wkoll saru parti integrali mill-festa. Mur għid lill-Bormliżi ma jdoqqux l-Hodie!

X’inhuma l-kliem tas-Sancte Paole u xi jfissru bil-Malti?

Anke jekk bil-Latin, ġeneralment dawk li jkunu l-aktar intiżi tal-festa, ikunu jafu l-kliem tal-antifona u erħilhom ikantawha quddiem il-vara meta din tkun dieħla lura fil-knisja.

Ikun hemm min il-kliem ikun jafu sewwa, iżda jkun hemm oħrajn li jivvintaw xi żewġ kelmiet ’l hawn u ’l hemm.

Għalhekk, il-gazzetta ILLUM se tibda tagħti wkoll il-kliem eżatt tal-antifona, kemm bil-Latin, għax hekk titkanta, iżda anke bil-Malti, bil-għan li min ikanta magħha, jifhem ukoll x’qed jgħid.

Dawn huma l-kelmiet tas-Sancte Paule:

Latin: Sancte Paule Apostole, 

prædicator veritatis, et doctor gentium,

intercede pro nobis ad Deum, qui te elegit.

Malti: Appostlu San Pawl, 

xandar tas-sewwa u mgħallem tal-ġnus, 

idħol għalina quddiem Alla li għażlek

X’jiġifieri meta ngħidu Cappella Nani?

Semmejna l-Cappella Nani u Maestro di Cappella. Tajjeb li ġaladarba f’din is-sensiela, dawn iż-żewġ termini se nisimgħu ħafna dwarhom, nispjegaw ftit xi jfissru.

Meta ngħidu l-Cappella Nani, fi ftit kliem, qed nirreferu għal dak il-grupp, surmast, mużiċisti u solisti li jesegwixxu x-xogħlijiet tal-familja Nani. Fil-fatt, jeżistu oħrajn, fosthom il-Cappella Diacono jew il-Cappella Bugeja jiġifieri dawk li jesegwixxu x-xogħlijiet tas-Surmast Carlo Diacono u Vincenzo Bugeja rispettivament.

Diversi festi, partikolarment dawk antiki, għandhom il-Cappella tagħhom. 

Ma jfissirx lanqas li kull Cappella hija ta’ knisja waħda u partikolari. Qabel rajna kif il-Cappella Nani kienet iddoqq f’madwar 20 knisja. Il-Cappella Diacono ddoqq f’diversi knejjes, biss biss iddoqq fit-tliet kolleġġjati tal-Kottonera.

Dan ifisser li mhux kulħadd jista’ jaqbad u jdoqq ix-xogħlijiet ta’ Nani jew inkella x-xogħlijiet ta’ Diacono jew ta’ oħrajn.

Il-Maestro di Cappella jkun is-surmast ta’ dik il-Cappella partikolari. Ġeneralment ikun hu l-uniku persuna inkarigata li tesegwixxi x-xogħlijiet ta’ dik il-Cappella. Pereżempju s-Surmast Ray Sciberras (li l-gazzetta ILLUM qed tippubblika intervista miegħu f’paġni 12 u 13), huwa l-Maestro di Cappella Diacono.

Normalment din kienet tintiret fil-familja, pereżempju dik ta’ Nani għaddiet mingħand Paolo għal għand ibnu Antonio. 

Maż-żmien dawn inqatgħu mill-familji, forsi għax ma jkunx fadal mużiċisti u għaddew għand surmastrijiet oħra li jiksbu l-fiduċja. Pereżempju l-Cappella Diacono għaddiet mingħand Carlo Diacono għal għand ibnu Frank. Dan kien għadda l-bakketta lil Dun Ġwann Galea li mexxa din il-Cappella għal 25 sena sakemm ċeda postu lis-Surmast Sciberras.

More in Festi