L-għaqdiet kollha Ġużeppini jingħaqdu f’festa kbira fil-Belt Valletta

Fl-okkażjoni tal-150 anniversarju minn meta San Ġużepp kien ipproklamat Patrun tal-Knisja Universali l-għaqdiet kollha li jġibu l-isem ta’ dan il-qaddis se jiftħu din is-sena speċjali fil-Belt Valletta

Il-vara ta’ San Ġużepp tal-Belt Valletta li se tinħareġ f’purċissjoni nhar id-19 ta’ Jannar
Il-vara ta’ San Ġużepp tal-Belt Valletta li se tinħareġ f’purċissjoni nhar id-19 ta’ Jannar

Matul l-2020, il-Knisja Universali qed tiċċelebra l-150 anniversarju minn meta l-Beatu Papa Piju IX pproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali. Iċ-ċelebrazzjonijiet f’Malta mhux se jonqsu u l-Ġużeppini Maltin se jingħaqdu fil-Belt Valletta biex jiftħu din is-sena speċjali ta’ San Ġużepp.

Fil-fatt, nhar id-19 ta’ Jannar se ssir ċelebrazzjoni nazzjonali fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu li se tinkludi pontifikal solenni u anke purċissjoni madwar it-toroq tal-Belt Valletta bil-vara devota ta’ San Ġużepp meqjuma fl-istess Bażilika

Din iċ-ċelebrazzjoni nazzjonali ġiet organizzata mill-għaqdiet kollha Ġużeppini Maltin li fl-aħħar xhur tlaqqgħu mill-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, fis-Santwarju Ġużeppin tar-Rabat tal-Imdina.

Fil-fatt, l-istess għaqdiet, nhar id-19 ta’ Jannar, se jkunu qed jiġu milqugħa mill-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tal-Belt Valletta biex flimkien jiftħu din is-sena speċjali għall-Knisja Universali.

X’se jiġri eżatt fid-19 ta’ Jannar?

Dakinhar tad-19 ta’ Jannar, fid-9:00am, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna se jkun qed jiftaħ din is-sena speċjali b’Pontifikal solenni fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu.

F’dan il-pontifikal se jieħdu sehem il-fratellanzi kollha ta’ San Ġużepp mifruxa madwar Malta u l-membri tal-għaqdiet kollha Ġużeppini, inkluż is-soċjetajiet mużikali u l-għaqdiet tan-nar.

Malli jintemm il-Pontifikal se tkun qed issir purċissjoni kbira bil-vara ta’ San Ġużepp tal-Arċikonfraternità Beltija. Din il-purċissjoni se tkun akkumpanjata mill-baned Ġużeppini Maltin li għal din l-okkażjoni se jkunu qed jingħaqdu f’banda waħda.

Il-fratellanzi Ġużeppini, kollha bl-istandarti tagħhom, se jkunu qed jieħdu sehem f’din il-purċissjoni madwar it-toroq ewlenin tal-Belt Valletta.

Interessanti dak li se jkun qed jiġri fi Triq ir-Repubblika. Dejjem jekk it-temp jippermetti, Triq ir-Repubblika se titlibbes il-libsa tal-festa mill-għaqdiet kollha Ġużeppini tal-armar.

Fil-fatt, kull għaqda tal-armar ta’ San Ġużepp se tkun qed ittella’ żewġ bandalori minn tagħha biex hekk il-Belt Valletta tkun imżejna wkoll kif jixraq għal din iċ-ċelebrazzjoni nazzjonali.

Ir-Rettur tal-Arċikonfraternità tar-Rabat tal-Imdina Anthony Casha, ir-Rettur tal-Arċikonfraternità tal-Belt Joe Cioffi u s-Sur Andrew Borg jippreżentaw petizzjoni lill-Arċisqof biex jiddikjara Sena Ġużeppina
Ir-Rettur tal-Arċikonfraternità tar-Rabat tal-Imdina Anthony Casha, ir-Rettur tal-Arċikonfraternità tal-Belt Joe Cioffi u s-Sur Andrew Borg jippreżentaw petizzjoni lill-Arċisqof biex jiddikjara Sena Ġużeppina

Talba biex l-Arċisqof jiddikjara Sena Ġużeppina

Ta’ min isemmi li l-istess għaqdiet Ġużeppini, fl-aħħar xhur, iffirmaw petizzjoni li ġiet ippreżentata lill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.

Din il-petizzjoni ġiet ippreżentata lill-Arċisqof fil-31 ta’ Ottubru li għadda u titlob li l-Arċidjoċesi ta’ Malta tiddikjara s-sena 2020 bħala Sena Ġużeppina.

X’se jkun qed isir aktar matul is-sena

Iċ-ċelebrazzjonijiet speċjali se jkunu qed ikomplu fid-diversi bliet u rħula madwar Malta u anke Għawdex li jiċċelebraw lil San Ġużepp. Ta’ min ifakkar li d-devozzjoni lejn San Ġużepp f’Malta hija mifruxa sew tant li l-festa tiegħu hija waħda mill-aktar komuni ċċelebrata madwar il-gżejjer Maltin.

Għalhekk ma jistax jonqos li l-festi kollha ta’ San Ġużepp din is-sena se jkunu ċċelebrati b’solennità akbar.

Fid-19 ta’ Marzu, jiġifieri fil-jum liturġiku tiegħu, filgħodu San Ġużepp ikun iċċelebrat fil-Belt Valletta (fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu) u filgħaxija fir-Rabat tal-Imdina minn fejn inxterdet id-devozzjoni lejn San Ġużepp f’Malta.

Wara dan, ikun imiss il-Karkariżi biex jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem nhar l-1 ta’ Mejju u ftit warajhom San Ġużepp ikun iċċelebrat ukoll fil-Ħamrun.

Fis-7 ta’ Ġunju San Ġużepp ikun iċċelebrat f’Ħal Għaxaq. 

F’Lulju, San Ġużepp, ikun iċċelebrat f’erba’ lokalitajiet: nhar il-Ħadd 12 ta’ Lulju f’Ħal Kirkop, fit-19 fl-Imsida u fil-Kalkara u fis-26 tal-istess xahar f’Ħaż-Żebbuġ.

F’Awwissu jibdew jiċċelebraw lil San Ġużepp il-Qalin, bil-festa din is-sena se taħbat nhar il-Ħadd 2 ta’ Awwissu u warajhom ikun imiss il-komunità parrokjali tal-Manikata li se tiċċelebra lil San Ġużepp fit-30 tal-istess xahar.

Ċelebrazzjoni nazzjonali oħra għal Settembru

Wara li jgħaddu l-festi ta’ San Ġużepp fl-ibliet u fl-irħula, f’Settembru se tkun qed issir ċelebrazzjoni nazzjonali oħra Ġużeppina.

Din id-darba ċ-ċelebrazzjoni se tkun qed issir fir-Rabat tal-Imdina nhar id-19 ta’ Settembru u apparti purċissjoni se tinkludi wkoll logħob tan-nar.

Id-dettalji dwar din iċ-ċelebrazzjoni kbira se jingħataw aktar tard.

Pittura famuża ta’ San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali
Pittura famuża ta’ San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali

X’inhu l-Patroċinju ta’ San Ġużepp?

Kien il-Papa Piju IX, illum Beatu, li fit-8 ta’ Diċembru tal-1870, ipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali. Dan ifisser li l-Papa ried li jipproklama lil San Ġużepp, il-missier putattiv ta’ Ġesù, bħala protettur u l-ħarries tal-Knisja.

Propju għalhekk li f’ħafna pitturi, San Ġużepp jidher b’idu wieqfa jipproteġi xbiha ta’ knisja.

Piju IX kien devot kbir ta’ San Ġużepp tant li fost kitbiet oħra, kien iddedika erba’ dokumenti importanti dwar dan il-qaddis kbir u li permezz tagħhom kompla jxerred u jkabbar it-tagħlim fuqu, fosthom dwar l-irwol importanti li Ġużeppi kellu fl-istorja tas-salvazzjoni.

Ta’ min isemmi wkoll li fi żmien il-pontifikat ta’ Piju IX, kien hemm diversi konċilji lokali li kienu rrakkomandaw il-promozzjoni tad-devozzjoni Ġużeppina, inkluż il-Konċilju ta’ Vjenna, ta’ Praga, tal-Kolocsa, tal-Ungerija, tal-Kolombja, ta’ Bordeaux u ta’ Baltimora.

Fil-fatt, il-Papa Piju IX rċieva tliet petizzjonijiet jitolbuh biex jipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali. L-ewwel waħda kienet iffirmata minn 118-il Isqof, it-tieni waħda minn 43 superjur ġenerali ta’ ordnijiet reliġjużi u t-tielet kienet iffirmata minn 255 persuna, inkluż 38 kardinal, fosthom dak li kellu jkun is-suċċessur tiegħu u jieħu l-isem ta’ Ljun XIII, il-Papa li kiteb it-talba ta’ San Ġużepp. 

X'nafu dwar il-vara ta' San Ġużepp?

L-istatwa ta’ San Ġużepp li se tkun qed tinħareġ fil-purċissjoni nhar id-19 ta’ Jannar hija waħda mill-aktar xbihat antiki ta’ dan il-qaddis f’Malta.

Fil-fatt, din l-istatwa, is-sena li għaddiet għalqet 325 sena hekk kif tnaqqxet fl-injam minn Mastru Nazju Portelli fl-1694.

L-istatwa kienet qamet 60 skud u għaliha kienu ħarġu l-flus diversi nobbli, inkluż kavallieri.

L-istatwa kienet ġiet sgraffita mill-induratur Mastru Marozz Bramon.

Din l-istatwa ta’ San Ġużepp hija meqjusa bħala waħda mill-isbaħ li nsibu fil-gżejjer Maltin. F’idu x-xellugija San Ġużepp qed iżomm l-asluġ bil-ġilju u b’idu l-leminija qiegħed iżomm minn idu lit-tfajjel Ġesù.

It-tnejn li huma jidhru mexjin. Il-libsa mxammra mill-kmiem u minn qaddu n-naħa tax-xellug tagħti lil San Ġużepp xeħta ta’ ħaddiem. Il-vini mqabbża f’idejh juru l-ebusija tax-xogħol.

Il-Bambin jidher tfajjel ta’ xi għaxar snin, liebes libsa li tinżillu ftit iktar mill-irkoppa, b’xuxtu maħlula. B’idu x-xellugija qiegħed jaqbad l-id il-leminija tal-missier putattiv tiegħu, waqt li f’wiċċu tinqara l-fiduċja sħiħa tal-protezzjoni ta’ San Ġużepp.

L-istatwa tistrieħ fuq pedistall tal-injam tond u fuqu hemm erba’ anġli tal-injam iżommu għodda ta’ mastrudaxxa.

Qabel l-istatwa preżenti, l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp kellha statwa oħra li kienet ġiet mibjugħa lill-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, tal-Imdina.

Is-sena li għaddiet, din l-istatwa ġiet irrestawrata mis-Sur Publio Magro hekk kif l-Arċikonfraternità bdiet tħejji biex tiċċelebra dan l-anniversarju importanti. 

More in Festi