Kellha tagħlaq l-istaġun iżda tħassret f’salt; X’inhi l-festa ta’ Santu Wistin?

Din il-ġimgħa l-ILLUM kellha tiċċelebra l-festa ta’ Santu Wistin iżda ċ-ċelebrazzjonijiet esterni tagħha tħassru. L-ILLUM xorta waħda tħares lejn din il-festa 

Anke jekk f’Malta u Għawdex il-festi tista’ tgħid li jibqgħu jiġu ċċelebrati sena sħiħa, illum l-istaġun sajfi tal-festi kellu jiġi fi tmiemu bil-festa ta’ Santu Wistin, liema festa tħassret ħabta u sabta nhar l-Erbgħa li għadda.

Forsi mhux kulħadd jaf b’din il-festa, anke għax din ingħatat spinta ’l quddiem fl-aħħar snin, partikolarment kemm kien ilu Kappillan Patri Deo Debono.

Ironikament, il-festa esterna ta’ din is-sena kellha titħassar wara li l-istess Patri Deo qed ikun investigat fuq allegazzjonijiet ta’ serq ta’ pitturi u anke ta’ xi fidda.

Jekk il-festa tħassret, ix-xogħol li wettqu l-voluntiera ta’ din il-festa hemm qiegħed u għalhekk, kif għamlet kull nhar ta’ Ħadd, l-ILLUM xorta waħda ħarset lejn din il-festa Beltija.

Anke jekk hija festa pjuttost riċenti, din il-festa għandha l-karatteristiċi tagħha u kif għamlet kull nhar ta’ Ħadd, l-ILLUM se tkun qed tesplorahom.

Vara friska li għadek tista’ tapprezzaha fis-sbuħija oriġinali tagħha

Min f’dawn il-jiem żar il-festa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta, żgur laqtitu l-vara titulari li għall-kuntrarju ta’ dak li mdorrija bih, la hi miżbugħa u wisq inqas indurata.

Fil-fatt, il-vara ta’ Santu Wistin għadha tista’ tiġi ammirata fis-sħubija oriġinali tagħha, l-istess kif ħarġet minquxa mill-istudjos ta’ Alfred u Aaron Camilleri Cauchi.

Meta l-vari jiġu miżbugħa u indurati, l-injam jiġi miksi bil-ġibs li mbagħad fuqu tingħata ż-żebgħa u anke jsir l-iżgaffir għall-induratura. 

Xi ftit jew wisq, xi dettalji fini fl-injama jistgħu jinħbew u għalhekk, kif inhi bħalissa, il-vara tista’ titgawda fid-dettalji kollha tagħha.

Iżda l-vara mhix se tibqa’ hekk għal dejjem. Il-ħsieb kien li wara l-festa ta’ din is-sena, titlaq biex tingħata ż-żebgħa u anke ssirilha l-induratura, biex hekk tieħu aktar il-forma ta’ statwa proċessjonali kif imdorrija bihom il-Maltin.

Din il-vara sabiħa nħadmet ftit tas-snin ilu u fil-fatt iżżanżnet f’Ottubru tal-2017.

Il-vara minquxa fl-injam, inħadmet mill-Kavallier Alfred u ibnu Aaron Camilleri Cauchi biex tieħu post l-ewwel statwa titulari li kellha din il-parroċċa.

Il-vara l-antika ta’ Santu Wistin kienet inħadmet ftit wara li fl-1968, il-knisja tal-Agostinjani saret parroċċa. Għalkemm ġiet minn barra minn Malta, din inħadmet fuq disinn tal-iskultur Malti Ċensu Apap.

Madanakollu, din il-vara ta’ Santu Wistin, li wkoll kienet minquxa fl-injam, ma tantx daħlet fil-qlub tal-parruċċani, anke jekk kienu saru xi xogħlijiet ta’ rinovar fuqha. 

L-istatwa kellha wkoll ħafna ħsara, fosthom minħabba l-moffa li kibret fuqha matul is-snin.

Kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li l-vara tinbidel. Illum, il-vara l-antika, li tirrappreżenta lil Santu Wisin duttur, bl-ereżija taħt saqajh, tinsab fil-Kunvent tal-Agostinjani.

Fil-vara l-ġdida, Santu Wistin jidher aktar żagħżugħ u l-enerġija riflessa f’din il-vara tirrifletti l-ħeġġa kbira li Wistin kellu għall-predikazzjoni u l-imħabba tiegħu għal Alla.

Fil-vara l-ġdida, Santu Wistin qiegħed iżomm ’il fuq il-qalb, simbolu ta’ dan id-Duttur tal-Knisja u l-Ordni Agostinjana.

Santu Wistin huwa liebes ta’ isqof, bil-mitra fuq rasu bix-xbihat tal-erba’ evanġelisti u anke l-baklu f’idu. 

Ħdejn saqajn Santu Wistin, anġlu żgħir qiegħed jgħinu jġorr il-baklu. Interessanti li wiċċ dan l-anġlu nħadem fuq dak tan-neputi tal-artist innifsu.

Santu Wistin qed jinħareġ filgħodu

Il-festa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta hija pjuttost waħda riċenti u bdiet tiġi ċċelebrata ftit wara li l-knisja tal-Agostinjani saret parroċċa, 51 sena ilu.

Bil-għan li aktar nies isiru jafu dwar din il-festa u jattendu għaliha, il-komunità Agostinjana Beltija ħasbet biex il-purċissjoni, minflok filgħaxija, tibda tinħareġ filgħodu.

Il-pavaljuni fi Triq ir-Repubblika
Il-pavaljuni fi Triq ir-Repubblika

Fil-fatt, għat-tielet sena konsekuttiva, din is-sena, il-purċissjoni tal-festa kellha tinħareġ ilbieraħ filgħodu

Madanakollu, għall-kuntrarju ta’ dak li rajna fil-festa ta’ Santa Elena ftit tal-ġimgħat ilu, il-purċissjoni madwar it-toroq mhijiex il-purċissjoni tal-bidu tal-quddiesa solenni tal-festa.

Fil-fatt, fil-każ tal-festa ta’ Santu Wistin, il-quddiesa solenni tal-festa bil-paniġierku qed issir lejlet il-festa filgħaxija, jiġifieri wara t-tranżlazzjoni solenni tar-relikwa.

Tirritorna l-ġostra tradizzjonali

Il-ġostra tradizzjonali hija marbuta mal-festi ta’ San Ġiljan u mal-festa ta’ San Ġużepp fl-Imsida.

Iżda, minn din is-sena, il-ġostra kellha tirritorna wkoll fil-festa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.

Fil-fatt, fis-1:00pm, wara l-purċissjoni, kellu jibda marċ minn Bieb il-Belt li jibqa’ nieżel sal-pitch tal-waterpolo f’Marsamxett fejn il-festa kellha tagħlaq bil-ġostra, kif kien isir fl-imgħoddu.

L-għan tal-parteċipanti huwa li jiġru fuq arblu mdellek bix-xaħam u jipprovaw jaħtfu l-bandiera fit-tarf tiegħu.

Il-ġostra hija logħba tradizzjonali li tmur lura għal żmien il-Kavallieri.

Splużjoni ta’ karti ssellem lil Santu Wistin qabel jidħol fil-Knisja

Tradizzjoni li saret sinonima mal-festa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta hija dik magħrufa bħala sciuta.

Fi kliem sempliċi din hija spettaklu jew aħjar splużjoni ta’ karti kkuluriti li kważi kważi jgħattu kull fejn tħares.

Sett pavaljuni fi Triq l-Ifran
Sett pavaljuni fi Triq l-Ifran

Din it-tradizzjoni hija popolari ħafna fil-festi li jiġu ċċelebrati fi Sqallija, partikolarment fil-festa ta’ San Pawl ta’ Palazzolo Acreide.

Splużjoni ta’ eluf jekk mhux miljuni ta’ karti ta’ kull lewn jilqgħu lil San Pawl malli joħroġ mill-knisja.

F’dawn l-aħħar snin, l-Agostinjani Beltin għamlu tagħhom din it-tradizzjoni. Minn fuq struttura li tintrama biswit il-knisja parrokjali, il-famuża sciuta ssellem lil Santu Wistin qabel il-vara tiegħu tiddaħħal lura fil-knisja.

Knisja mżejna b’rakmu fin

Il-knisja ta’ Santu Wistin, anke jekk mhux kbira fid-daqs, hija mżejna b’diversi opri sbieħ.

L-istess knisja kienet sfat vittma tal-bombi tat-Tieni Gwerra Dinjija iżda l-patrijiet kien irnexxielhom isalvaw ħafna mill-opri artistiċi li jżejnuha.

Waħda mil-Kapep li jintużaw fil-ġranet tal-festa
Waħda mil-Kapep li jintużaw fil-ġranet tal-festa

Min se jżur din il-knisja, se jinnota r-rakmu fin u sabiħ li jżejjen diversi opri ta’ din il-knisja, fosthom is-sopradvalji u anke l-apparat liturġiku li jintuża u ieħor li jintrama fil-ġranet tal-festa.

Spinta fl-armar ta’ barra

Min hu midħla tal-festi, jaf li f’dawn l-aħħar snin, il-festa ta’ Santu Wistin għamlet qabża fejn jidħlu mhux biss il-festi esterni, iżda anke l-armar li jżejjen it-toroq tal-Belt Valletta.

Din is-sena, kellu jiżżanżan ħafna armar ġdid. Fost dawn kellha tiżżanżan statwa ta’ Santu Wistin ma’ San Ġużepp, liema statwa saret b’tifkira tal-150 anniversarju mill-Patroċinju ta’ San Ġużepp fuq il-Knisja Universjali u fuq l-Ordni Agostinjana.

Apparti minn hekk, nhar il-Ħamis li għadda, kellha tiżżanżan ukoll statwa ġdida ta’ Malta Rebbieħa.

L-istatwa tal-Beltija
L-istatwa tal-Beltija

Iż-Żgħażagħ Agostinjani bdew jaħdmu wkoll fuq proġett ta’ erba’ pilandri għal pjazza Mattia Preti, proġett ta’ erba’ kolonni bl-anġli għal quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann u anke xogħol fuq sett anġli għal Triq ir-Repubblika.

Apparti minn hekk ġew irrestawrati erba’ puttini xogħol ta’ Karlu Darmanin, apparti xogħol ta’ rħamar u skultura fuq diversi kolonni.

Dan jikkumplimenta t-tkomplija ta’ proġetti oħra ta’ armar fid-drapp li l-Agostinjani bdew jaħdmu fuqhom fl-aħħar snin.

Iż-żgħażagħ Agostijani jagħlqu ħames snin

Ta’ min isemmi wkoll li matul din is-sena, iż-Żgħażagħ Agostinjani qed jiċċelebraw il-ħames anniversarju mit-twaqqif tagħhom.

Dan il-grupp ta’ żgħażagħ jaħdem is-sena kollha b’risq il-festa, fejn anke jieħu ħsieb ħafna xogħol fuq l-armar li jintrama fil-festa ta’ Santu Wistin.

Bandalora ġdida mżanżna fl-aħħar snin
Bandalora ġdida mżanżna fl-aħħar snin

Biex ikun imfakkar dan l-anniversarju, il-Kumitat Ċentrali rregala marċ ġdid lil din is-sezzjoni, li jismu: “Iż-Żgħażagħ tal-Beltija,” b’referenza għall-istatwa l-ġdida li tirrappreżenta l-Belt Valletta u li ġiet imżanżna s-sena li għaddiet.

Iżda ż-żgħażagħ ukoll taw rigal lill-parroċċa. Matul l-aħħar xhur huma ħadmu fuq l-ewwel parti minn proġett ta’ girlanda ġdida għall-vara ta’ Santu Wistin.

Min kien Santu Wistin?

Santu Wistin twieled f’Tagaste (l-Alġerija) fit-13 ta’ Novembru tas-sena 354. Missieru kien pagan, iżda ommu (Santa Monika) kienet Nisranija ferventi, tant li wasslet għall-konverżjoni ta’ missier Wistin fis-sena 370.

Iż-żgħożija ta’ Wistin kienet waħda kkulurita. Meta kien għadu żgħir mar Kartaġni biex jistudja r-rettorika u l-filosofija. Hemm iltaqa’ ma’ mara, għex magħha u kellu tifel. F’dan iż-żmien huwa ħaddan l-ereżija tal-Minkej.

Minn meta kien żgħir, Wistin kien għatxan u beda t-triq tal-konverżjoni tiegħu meta sema’ lill-Isqof ta’ Milan, Sant Ambroġ, jipprietka. 

Tgħammed minn Sant Ambroġ stess fis-sena 387 meta kellu 33 sena. Ommu, Monika, li qattgħet ħajjitha titlob għall-konverżjoni ta’ binha, kienet hemm preżenti.

Wistin sab ruħu f’Ruma, fejn ġie ordnat qassis u sar koadjatur tal-Isqof Valerju ta’ Hippo, fejn waqqaf monasteru li minnu tnisslu monasteri oħra.

Meta miet l-Isqof Valeju, huwa laħaq Isqof minfloku.

Baqa’ Isqof ta’ Hippo għal 34 sena oħra, jipprietka u jikteb ħafna mhux biss biex jgħallem lill-fidili tiegħu, iżda wkoll biex jeħodha b’qawwa kbira kontra l-Manikej u l-ereżiji ta’ żmienu, u biex ifisser il-fidi bil-għaqal.  

L-iktar kotba famużi tiegħu huma “il-Belt ta’ Alla” u l-“Istqarrijiet,” li sal-lum, il-Knisja għadha tgħożż u tislet it-tagħlim minnhom.

Wistin miet f’Hippo fit-28 ta’ Awwissu 430, meta kellu 76 sena. Huwa Duttur tal-Knisja.

More in Festi