Is-Sena 1944 fit-Tlitt Ibliet tal-Kottonera

Il-Kottonera tiċċelebra s-sena li fiha reġgħet laqgħet fostha x-xbiehat tal-patruni tagħha

Is-sħab iswed tal-gwerra kien ilu jinġema’ fuq is-sema tal-Ewropa sa minn nofs is-snin tletin tas-seklu li għadda. Il-maltempata ħarxa faqqgħet nhar l-1 ta’ Settembru 1939, meta l-armata Ġermaniża invadiet il-Polonja, bil-konsegwenza li jumejn wara, l-Ingilterra u Franza daħlu fi gwerra kontra l-Ġermanja Nażista. 

Għall-bidu, Malta, dak iż-żmien parti mill-Imperu Ingliż, u allura bla ma riedet imdaħħla fil-gwerra, ma sofrietx bumbardamenti għall-fatt li l-Italja ma kinitx għadha ssieħbet fil-konflitt. Iżda xorta waħda dan kien preludju għal żmien tassew imqalleb u ikrah għall-pajjiżna, parikolarment għat-Tlitt Ibliet tal-Kottonera.

F’din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza, meta kien hemm il-biża’ kbir li l-gwerra tista’ eventwalment tolqot direttament lil Malta, l-Awtoritajiet Ċivili bdew jieħdu passi ta’ ħarsien għall-poplu, bit-tħaffir ta’ xelters fil-blat samm, u pjani biex f’każ ta’ bżonn issir l-evakwazzjoni tal-abitanti tal-ibliet madwar il-port ta’ Malta.

Il-gwerra toqrob lejna

Il-ġurnata tat-Tnejn, 10 ta’ Ġunju 1940 kienet ġurnata fatali għal Malta. Dakinhar, l-Italja daħlet fil-gwerra fuq in-naħa tal-Ġermanja. Is-sinifikat ta’ dan deher l-għada stess meta ajruplani Taljani ħabtu għal Malta u attakkaw l-inħawi tal-port, bl-iskop li jfarrku t-tarzna. Il-Kottonera daqet minnufih l-ewwel imrar tal-gwerra. 

Madanakollu, xi xhur wara, meta rriżulta li l-attakki mill-ajru ma kinux daqstant miċidjali kif kienet il-biża’ fil-bidu, u meta l-postijiet tal-kenn kienu żdiedu sew, ħafna nies tal-Kottonera li kienu sabu refuġju f’irħula oħra, iddeċidew li jerġgħu lura. Magħhom ingħaqdu oħrajn, l-aktar ħaddiema tat-tarzna li, fix-xelters fil-blat, ħassew li kellhom forma qawwija ta’ protezzjoni u l-vantaġġ li jkunu qrib il-post tax-xogħol, meta t-trasport kien ristrett ħafna. 

L-istatwa ta’ Marija Bambina għaddejja minn qalb ir-rovini ta’ bini mġarraf waqt il-purċissjoni ta’ Settembru 1943
L-istatwa ta’ Marija Bambina għaddejja minn qalb ir-rovini ta’ bini mġarraf waqt il-purċissjoni ta’ Settembru 1943
Il-purċissjoni bl-istatwa ta’ Marija Bambina għaddejja mix-xatt tal-Isla f’Settembru 1944
Il-purċissjoni bl-istatwa ta’ Marija Bambina għaddejja mix-xatt tal-Isla f’Settembru 1944

Is-16 ta’ Jannar 1941 u wara

Imma dan is-sens ta’ trankwillità kważi kważi falza, ma tantx kellu jdum. Lejn tmiem is-sena 1940, fil-Baħar Mediterran seħħew avvenimenti li kellhom riperkussjonijiet koroh fuqna. Il-qawwiet tal-ajru Ġermaniżi issa bdew joperaw minn Sqallija u, f’konflitt aħrax mal-flotta navali Ingliża, l-Aircraft Carrier HMS Illustrious – meqjus bħala l-aktar bastiment importanti tan-Navy Ingliża - ġie attakkat bla ħniena mill-ajruplani Ġermaniżi tal-Luftwaffe u ġarrab ħsarat kbar. Madanakollu xorta rnexxielu jidħol fil-Port il-Kbir nhar l-10 ta’ Jannar fejn sorġa f’Parlatorio Wharf, taħt Kordin, eżatt eżatt wara s-swar tal-Isla, fejn immedjatament bdew it-tiswijiet fuqu. Kemm dan kien ta’ periklu għall-Kottonera deher ftit jiem wara.

Il-Ħamis, 16 ta’ Jannar 1941, ftit wara s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, sar l-ewwel ħbit qawwi fuq l-Illustrious mil-Luftwaffe, il-qawwa tal-ajru Ġermaniża. B’xi mod, il-bastiment ħelisha mill-qirda. Imma mhux hekk it-Tlitt Ibliet! Dakinhar kienet ġurnata ta’ luttu. Il-ħajja waqfet ħesrem u t-telfiet imġarrba ħallew feriti li damu snin biex bdew ifiequ. Ħafna djar iġġarrfu u l-Bażilika tal-Isla u l-Kolleġġjata tal-Birgu ġarrbu ħsarat kbar. Agħar minn hekk, f’dak l-ewwel ħbit qawwi, bosta tilfu ħajjithom u ħafna oħrajn korrew serjament.

Għal ġranet sħaħ, l-opra ta’ salvataġġ ta’ dawk mirduma f’xi xelter jew taħt it-terrapien, issoktat u saħansitra ġew salvati ħajjiet ta’ nies wara li kienu ilhom mirduma anke għal erbat ijiem.  Iżda l-biża’ ta’ aktar attakki ma naqasx diment li l-Illustrious kien għadu sorġut fejn kien. U dan il-biża’ ma kienx bla bażi. Nhar il-Ħadd, 19 ta’ Jannar, reġa’ sar ħbit ieħor qawwi fuq l-Illustrious li kompla żied l-imwiet u r-rovina.

Issa, bosta minn dawk li kienu fil-Kottonera, irrealizzaw li hawn ma kienx aktar posthom u, il-biċċa l-kbira minnhom, ħallew kollox u reġgħu lura lejn postijiet oħra għall-kenn. Tassew li xi wħud ma telqu qatt mill-Birgu, mill-Isla u minn Bormla, imma kienu ħafna dawk li issa telqu biex qatt aktar ma reġgħu lura f’belthom.

L-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni hekk kif inħarġet mill-bieb ewlieni tal-Kolleġġjata ta’ Sant’Elena f’Birkirkar
L-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni hekk kif inħarġet mill-bieb ewlieni tal-Kolleġġjata ta’ Sant’Elena f’Birkirkar
Il-pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Kunċizzjoni, segwita mill-kwadru titulari nkurunat, għaddej minn Triq Fleur de Lys, Birkirkara
Il-pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Kunċizzjoni, segwita mill-kwadru titulari nkurunat, għaddej minn Triq Fleur de Lys, Birkirkara

Kenn għall-istatwi titulari u teżori oħra

F’dawn iċ-ċirkostanzi hekk tal-biża’, saċerdoti u reliġjużi qalbiena, bħalma kienu l-Kanonku Dun Pawl Galea, l-Arċipriet tal-Birgu, il-Kanonku Dun Manwel Brincat, l-Arċipriet tal-Isla, u l-Kanonku Dun Ġużepp Cassar ta’ Bormla, li saħansitra baqgħu mal-parruċċani tagħhom tul il-gwerra, flimkien mal-Kapitli rispettivi tagħhom, u l-prokuraturi tal-fratellanzi, ħassew illi issa tassew kien hemm bżonn immedjat li kulma seta’ jinġarr mill-knejjes tagħhom, għandu jitwarrab lejn postijiet li joffru aktar sigurtà.

Il-prijorità kienet illi l-akbar teżori li kellhom dawn it-tliet Kolleġġjati, jiġifieri l-istatwa titulari ta’ San Lawrenz tal-Birgu, il-Bambina tal-Isla, l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla, kif ukoll ix-xbieha mirakoluża ta’ Ġesù Redentur tal-Isla li, bi grazzja kbira u xorti tajba, ma kinux ġarrbu ħsarat, jitwarrbu mill-aktar fis. Magħhom kellhom jitneħħew ukoll l-istatwi, pitturi u kulma seta’ jiġi mwarrab ’il bogħod mill-periklu.

Fis-17 ta’ Jannar ix-xbieha ta’ Ġesù Redentur ittieħdet fil-Kolleġġjata ta’ Sant’Elena f’Birkirkara, u wara l-blitz tad-19 tax-xahar, sabet kenn hemm ukoll l-istatwa inkurunata ta’ Marija Bambina. 

Wara l-attakk tas-16 ta’ Jannar, l-istatwa ta’ San Lawrenz, inħarġet mill-knisja, u għall-ewwel ittieħdet fid-dar ta’ Lorenzo Gatt, nru. 43, Triq il-Kwartier, il-Birgu stess. Iżda minħabba l-biża’ ta’ aktar ħbit mill-ajru, fit-23 ta’ Jannar 1941, l-istatwa ttieħdet fil-Monasteru ta’ San Pietru tas-sorijiet tal-Klawsura ta’ San Benedittu fl-Imdina.

Fl-24 ta’ Jannar ix-xbieha tal-Immakulata Kunċizzjoni flimkien mal-kwadru inkurunat tal-Immakulata ta’ Bormla sabu refuġju wkoll fil-Kolleġġjata Elenjana ta’ Birkirkara.

L-istatwa ta’ San Lawrenz qrib il-Mina tal-Armirall fid-daħla tal-Birgu
L-istatwa ta’ San Lawrenz qrib il-Mina tal-Armirall fid-daħla tal-Birgu
Il-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ San Lawrenz għaddej minn ħdejn il-knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla, fi trieqtu lejn il-Birgu
Il-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ San Lawrenz għaddej minn ħdejn il-knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla, fi trieqtu lejn il-Birgu

Festi ċċelebrati fi żmien ta’ gwerra

Jekk il-festi titulari tal-1940 ġew, b’xi mod, iċċelebrati fil-Kolleġġjati rispettivi tal-Kottonera, fl-1941 dan ma setax isir. Tal-Birgu ċċelebraw il-festa fil-kappella tal-Għassa tal-pulizija li kienet tinsab f’Couvre Porte u fil-knisja tal-Benedittini fl-Imdina. Fl-4 ta’ Settembru, is-Sengleani għamlu kommemorazzjoni tal-20 anniversarju tal-Inkurunazzjoni tal-Bambina fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat, fejn kien hemm bosta Sengleani evakwati. Saret ukoll tifkira żgħira f’Birkirkara madwar l-istatwa tal-Bambina. Imbagħad, fuq stedina tal-kappillan Dun Manuel Micallef, il-kapitlu ċċelebra l-festa nhar it-8 ta’ Settembru fin-Naxxar, fejn it-titular tal-parroċċa huwa wkoll it-Twelid ta’ Marija Santissima. F’Diċembru, il-Bormliżi ċċelebraw il-festa f’Birkirkara.

F’1942, il-Vittorjosani ċċelebraw il-festa ta’ San Lawrenz fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat, fil-preżenza tal-istatwa titulari li ttieħdet hemm għall-okkażjoni. Is-Sengleani u l-Bormliżi, iċċelebraw il-festi titulari tagħhom fil-Kolleġġjata ta’ Birkirkara, fejn kien hemm l-istatwi titulari.

Matul is-sena 1943, is-sitwazzjoni kienet bdiet titjieb, il-bumbardamenti naqsu sew u bil-mod il-mod, il-ħajja bdiet taqbad linja għall-aħjar.  F’Awwissu 1943, il-Vittorjosani ċċelebraw il-festa fil-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, minkejja li kellha ħafna ħsarat, u f’Diċembru tal-istess sena, il-Bormliżi ċċelebraw il-festa fil-Kolleġġjata ta’ Sant’Elena. Mhux l-istess iżda jista’ jingħad għal dak li seħħ għas-Sengleani f’Settembru 1943.

8 ta’ Settembru 1943

Wara diskussjonijiet fil-Kapitlu, ġie deċiż li l-festa ta’ dik is-sena ssir fl-Isla anke bil-preżenza tal-istatwa tal-Bambina. Dak li ġara f’dak il-jum memorabbli tat-8 ta’ Settembru 1943 huwa storja magħrufa. L-aħbar li l-Italja Faxxista ċediet u l-gwerra tbiegħdet minn xtutna, waslet sewwa sew waqt li l-purċissjoni bil-Bambina kienet għaddejja mix-xatt. L-aħbar li l-Arċipriet Brincat ħabbar fi tmiem il-purċissjoni, minn fuq il-pulptu tal-knisja tal-Porto Salvo tal-Isla (li fortunatament ħelsitha mill-qirda tal-gwerra u aktar tard bdiet taqdi l-funzjoni ta’ parroċċa) ma setgħetx tkun isbaħ, aktar ta’ ferħ u ta’ serħan il-moħħ.

Fl-Ewropa, il-gwerra ġebbdet għal aktar minn sena u nofs oħra, imma minn wara t-8 ta’ Settembru 1943, il-ħajja f’Malta ħadet żvolta ġdida, u għad illi l-feriti koroh tal-gwerra ħadu snin biex għalqu, almenu l-poplu kollu beda jgħix ħajja aktar trankwilla.

Il-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur għaddej minn Triq il-Vitorja fl-Isla fi trieqtu lejn il-knisja tal-Porto Salvo
Il-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur għaddej minn Triq il-Vitorja fl-Isla fi trieqtu lejn il-knisja tal-Porto Salvo

1944: l-istatwi jinġiebu lura f’darhom

Is-sena 1944 rat il-bidu tal-ħidma mill-ġdid wara l-gwerra, biex il-ħajja tibda ġejja għan-normal. 

Il-Ħamis, 6 ta’ Lulju, fil-Kolleġġjata ta’ Birkirkara, fis-6.30 a.m. saret quddiesa bħala tislima lil Ġesù Redentur mill-Kanonku Prepostu Dun Manwel Vella. Wara, l-istatwa ta’ Ġesù Redentur ġiet trasportata privatament għall-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, fejn baqgħet esposta sal-Ħadd, 9 ta’ Lulju.

Dakinhar tal-Ħadd, 9 ta’ Lulju, fit-8.30am, fil-parroċċa ta’ Raħal Ġdid, saret quddiesa solenni mill-Kanonku Dun Manuel Brincat, Arċipriet tal-Isla. Il-mużika kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Frankie Diacono, Maestro di Cappella tal-Bażilika. Wara l-qari tal-Evanġelju, sar paneġierku mill-Kanonku Dun Ġorġ Sciriha. Fl-4.30 p.m., saret eżortazzjoni għall-pellegrinaġġ minn Dun Frangisk Xuereb, Kappillan ta’ Raħal Ġdid, u wara beda miexi l-korteo li għadda minn Triq Bormla għal Triq Għajn Dwieli u Triq San Pawl f’Bormla.  

Il-Kapitlu Senglean, flimkien mal-Fratellanza tal-Kurċifiss, laqa’ l-pellegrinaġġ ħdejn il-Pitkali (dik il-wesgħa li hemm hekk kif wieħed joħroġ mill-Isla sejjer lejn Bormla), allura fejn tibda l-parroċċa tal-Isla. Is-Sengleani ħassew ferħ kbir tassew meta raw lir-Redentur dieħel minn taħt il-mina u għaddej minn quddiem ir-rovini tal-Bażilika, tul Triq il-Vitorja sal-Knisja tal-Porto Salvo. L-istatwa ddaħħlet fil-knisja fost il-kant tat-Te Deum. Tkantat l-Antifona u l-Arċipriet għamel prietka qasira, appell imħeġġeġ għall-paċi fid-dinja. Wara ngħatat il-Barka Sagramentali.

Il-Ġirbin ukoll ħassew in-nuqqas tal-istatwa titulari. Il-kapitlu u nies tal-Birgu xtaqu li, issa li kienu saru tiswijiet temporanji fil-knisja biex tkun tista’ tintuża mill-ġdid, din tinġieb lura fil-Kolleġġjata mill-aktar fis. Għaldaqstant, saret talba lill-kapitlu ta’ Bormla biex l-istatwa ta’ San Lawrenz tittieħed fil-Kolleġġjata Bormliża u minn hemm titlaq f’pellegrinaġġ lejn il-Birgu. Din it-talba ġiet aċċettata bil-qalb. Il-ġurnata kienet il-Ħadd, 30 ta’ Lulju, fil-5pm. 

Sar appell biex in-nies jattendu u n-nies ġew bil-folol minn kull rokna tal-gżira. Il-pellegrinaġġ mexa lejn Triq Santa Tereża u minn hemm kompla l-mixja tiegħu lejn il-Birgu. L-istatwa ddaħħlet mill-Mina tal-Armirall u minn hemm għaddiet għat-telgħa tal-Imġarraf biex ġiet fi Triq il-Mina l-Kbira. Twasslet il-pjazza u l-pellegrinaġġ bl-istatwa baqa’ sejjer lejn il-knisja.

L-applawsi kienu bla heda, u leħen il-qniepen ġej mill-kampnari tal-knejjes ta’ Bormla, tal-Isla, tal-Lunzjata u tal-Birgu kompla kattar l-hena. L-Arċipriet Dun Pawl Galea, fid-diskors li għamel, xebbah id-daħla ġol-Birgu ta’ dan il-qaddis levita mad-daħla ta’ Kristu f’Ġerusalemm. 

Fil-festa tal-Vitorja ta’ dik is-sena, inġiebet fl-Isla wkoll minn Birkirkara, ix-xbieha ta’ Marija Bambina fejn kienet reġgħet ittieħdet, wara l-purċissjoni storika tas-sena ta’ qabel. Wara l-festa solenni ta’ dik is-sena, il-Bambina tpoġġiet f’niċċa ppreparata għaliha, fuq l-ewwel artal fuq ix-xellug tal-maġġur, fl-istess knisja tal-Porto Salvo. 

Fil-bidu tal-gwerra, il-Kapitlu ta’ Bormla, kien għamel wegħda li jekk is-Santwarju tal-Immakulata jibqa’ sħiħ, l-istatwa tal-Kunċizzjoni tinġieb lura f’pellegrinaġġ ta’ radd il-ħajr minn Birkirkara sa Bormla. 

Fl-1944, il-Kapitlu deherlu li issa kien iż-żmien opportun biex il-wegħda titwettaq, il-pellegrinaġġ isir u l-festa ta’ Diċembru ta’ dik is-sena tiġi ċċelebrata f’Bormla. Id-data magħżula għall-pellegrinaġġ kienet id-19 ta’ Novembru. 

Dakinhar, f’nofsinhar saret quddiesa u fis-1.00pm dehret fil-bieb maġġur tal-Kolleġġjata Elenjana l-istatwa tal-Kunċizzjoni. Warajha ħareġ il-kwadru inkurunat. Minn kull fejn għadda l-pellegrinaġġ  - Birkirkara, Fleur de Lys, Santa Venera, il-Ħamrun, il-Marsa, Raħal Ġdid, Għajn Dwieli - kien hemm baħar wieħed ta’ nies. Il-baned ma naqsux li jsemmgħu leħinhom f’dan il-jum ta’ festa.

Għall-ħabta tat-8.00pm, il-pellegrinaġġ wasal Bormla u fi Pjazza Paolino Vassallo, il-kwadru qabeż il-vara biex l-ewwel jidħol hu u warajh l-istatwa fost id-daqq tal-Antifona Hodie Egressa Est ta’ Mro. Carlo Diacono. Wara tkanta Te Deum li għalih kien hemm preżenti l-Kapitlu ta’ Birkirkara li wkoll mexa fil-pellegrinaġġ.

B’dawn il-ġrajjiet ta’ qlubija u ta’ fidi, nistgħu ngħidu li nkitbu, b’ittri tad-deheb insoffi fil-forġa tan-nar tal-gwerra, paġni mill-isbaħ fl-istorja tal-Ibliet Vittoriosa, Invicta u Cospicua, biex b’hekk, f’din is-sena 2019 qed infakkru dak li seħħ fl-1944, 75 sena ilu, u li għadu minqux fi qlub ulied l-Ibliet tal-Kottonera li, għalkemm għaddew minn trapass ta’ tbatija, ma qatgħux qalbhom

More in Festi