Il-festa ta' San Girgor f'Tas-Sliema u l-purċissjoni unika

Is-sit illum.com.mt jagħti ħarsa lejn il-karatteristiċi tal-festa ta' San Girgor f'Tas-Sliema

Parti mill-purċissjoni ta' San Girgor
Parti mill-purċissjoni ta' San Girgor

Fi tmiem il-ġimgħa li ġej, f’Tas-Sliema u l-inħawi, jingħalaq l-istaġun tal-festi permezz tal-festa ta’ San Girgor il-Kbir

Din l-festa li għalkemm m’għandhiex għeruq antiki, wieħed jiskanta kemm tassew għandha karatteristiċi sbieħ li jagħmluha unika.

Fosthom id-daqq tal-qniepen tal-innu ta’ San Girgor il-Kbir li jindaqq fil-ġranet tal-festa miktub mill-poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila fuq mużika tas-surmast Giuseppe Casapinta.

Karatteristika oħra hija l-purċissjoni tradizzjonali forma ta’ pageant li fiha wieħed jisma’ taħdita dwar ħajjet San Girgor l-Kbir u jitgħallem dwar kif jista’ jkun ta’ aktar eżempju lejn ħaddieħor u anke jikber fil-fidi tiegħu permezz ta’ bosta opri kbar li wettaq Gregorju l-Kbir fi żmienu bir-riforma fil-liturġija, il-wirt kbir ta’ kitbiet li ħalla,il-konverżjoni tal-Ingilterra u fuq kollox it-tnedija tal-arti fil-knejjes sabiex jgħallem nies inqas illitterati f’dak iż-żmien li fih, jiġifieri fis-seklu 6.

Il-vara ta' San Girgor
Il-vara ta' San Girgor

Fil-purċissjoni naraw 4 statwi li juri l-familjari ta’ San Girgor li lkoll kienu qaddisin u bandalori b’kliem meħud b’siltiet mill-Bibbja u konnessjonijiet ma’ San Girgor kif ukoll l-Gwardji Svizzeri tal-papa.

Dawn kollha flimkien joħolqu karratteristika unika li ssibha biss fil-festa ta’ San Girgor.

Naturalment, fil-festa ma jonqsux l-elementi l-oħra bħan-nar u l-armar li ngħataw spinta sewwa flimkien mal-marċijiet organizzati mis-Soċjetà Mużikali San Girgor.

Wieħed ma jistax ma jtemmx dan l-artiklu billi ma jsemmix il-każin Sanctus Gregorius Magnus kollu lavur fil-ġebla Maltija li ġie inawgurat sena ilu fil-ftuħ uffiċċjali tiegħu taħt l-Patroċinju tal-President ta’ Malta.

Ibniet ġawhra arkitettonika mill-isbaħ propjeta’ tal-istess soċjetà fejn l-partitarji u l-membri tas-soċjeta jistgħu jiltaqgħu, jirrikrejaw rwieħhom kif ukoll jorganizzaw attivitajiet matul is-sena b’risq l-festa titulari. 

Il-każin tal-Banda San Girgor
Il-każin tal-Banda San Girgor

More in Festi