Il-Birgu se jiċċaħħad ftit minn San Lawrenz biex jitfakkar avveniment ta' 75 sena ilu

Il-vara ta' San Lawrenz se tkun qed tittieħed f'pellegrinaġġ minn Bormla għall-Birgu biex titfakkar il-miġja lura tal-istess statwa wara l-Gwerra

Il-ġimgħa d-dieħla, il-Ġirbin se jkunu qed ifakkru l-75 anniversarju minn meta l-vara ta’ San Lawrenz ittieħdet lura l-Birgu wara li kienet ittieħdet għall-kenn fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-vara ta’ San Lawrenz kienet ittieħdet ir-Rabat, iżda 75 sena ilu, qabel ittieħdet lura fil-Kolleġġjata fejn tinżamm b’tant għożża, kienet ittieħdet Bormla minn fejn sar pellegrinaġġ lejn Bormla.

Dan il-pellegrinaġġ kien sar fit-30 ta’ Lulju tal-1944 u għalhekk nhar it-Tlieta li ġej, il-Ġirbin flimkien mal-Bormliżi se jkunu qed ifakkru dan l-avveniment.

Nhar it-Tlieta li ġej, dan il-pellegrinaġġ se jkun qed jerġa’ jitfakkar u din l-okkażjoni għaqdet il-komunijiet ta’ Bormla u l-Birgu.

Il-pellegrinaġġ bil-vara ta' San Lawrenz li sar fl-1944
Il-pellegrinaġġ bil-vara ta' San Lawrenz li sar fl-1944

Iċ-ċelebrazzjonijiet se jibdew nhar il-Ħadd li ġej, hekk kif wara l-quddiesa tad-9:30am, il-vara ta’ San Lawrenz se tkun qed tinħareġ min-niċċa tagħha u filgħaxija se tittella’ serata mużiko-letterarja u tinkixef lapida li tfakkar dan l-anniversarju.

Dakinhar stess, l-istatwa ta’ San Lawrenz se tittieħed fil-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla fejn it-Tnejn filgħodu se ssir ċelebrazzjoni għat-tfal li tinkludi dramm qasir dwar il-ħajja ta’ dan il-qaddis martri.

Filgħaxija, se ssir Tranżlazzjoni tar-Relikwa, dejjem fil-Kolleġġjata Bormliża u wara jkompli l-għasar solenni bis-sehem taż-żewġ kapitli.

Il-festi speċjali jilħqu l-qofol tagħhom nhar it-Tlieta 30 ta’ Lulju. Fis-6:00pm se jsir Pontifikal immexxi mill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona bis-sehem tal-Kapitli tal-Kottonera u dak ta’ San Pawl fir-Rabat.

Għall-ħabta tas-7:15pm se jibda l-pellegrinaġġ bil-vara ta’ San Lawrenz minn Bormla għall-Birgu bis-sehem tal-Banda San Lawrenz tal-Birgu u l-Banda San Ġorġ ta’ Bormla.

Il-pellegrinaġġ jidħol fil-Kolleġġjata tal-Birgu għall-ħabta tal-10:15, biex minn hemm tissokta l-festa f’ġieħ San Lawrenz li tilħaq il-qofol tagħha nhar l-10 ta’ Awwissu.

X'kien ġara fi żmien il-Gwerra?

Il-vara ta' San Lawrenz kienet ittieħdet għall-kenn fir-Rabat wara li f'Jannar tal-1941, il-knisja ta' San Lawrenz kienet intlaqtet mill-bombi.

33 persuna kienu tilfu ħajjithom hekk kif kienu nġabru għall-kenn fis-Sagristija tal-istess knisja.

Il-vara kienet inżammet fil-kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura fl-Imdina għal ftit iktar minn tliet snin.

Meta spiċċat il-gwerra, fl-1944, il-Kapitlu ta' Bormla kien żamm il-vara ta' San Lawrenz għal xi jiem, sakemm fit-30 ta' Lulju tal-1944 il-vara ttieħdet lura fil-Birgu.

Minħabba l-fatt li l-pedistall tal-fidda ta' San Lawrenz kien ġarrab xi ħsarat, dakinhar il-vara ta' San Lawrenz kienet tpoġġiet fuq il-pedistall ta' San Ġużepp meqjum fil-Kolleġġjata ta' Bormla.

San Lawrenz fil-Knisja ta' Bormla, armat fuq il-pedistall ta' San Ġużepp, qabel ittieħed lura l-Birgu fl-1944
San Lawrenz fil-Knisja ta' Bormla, armat fuq il-pedistall ta' San Ġużepp, qabel ittieħed lura l-Birgu fl-1944

More in Festi