Il-Kapitali tiċċelebra l-festa antika u devota tal-Madonna tal-Karmnu

Il-Belt Valletta se tkun qed tiċċelebra lill-Madonna tal-Karmnu. Hija festa antika u mimlija tradizzjonijiet. L-ILLUM tinżel iddur it-toroq tal-Kapitali u tesplora dak li jagħmel din il-festa partikolari

 

Il-gazzetta ILLUM tkompli tiċċelebra l-festi f’dan l-istaġun li issa jinsab fl-aqwa tiegħu. Din il-ġimgħa, l-ILLUM se tkun qed tiċċelebra mal-Beltin il-festa devota tal-Madonna tal-Karmnu li ta’ kull sena tiġbed lejha mijiet ta’ devoti. Kif qed tagħmel kull ġimgħa, l-ILLUM se tkun qed tesplora l-karatteristiċi li jagħmlu din il-festa unika.

Għalfejn il-festa ma tiġix iċċelebrata l-Ħadd?

Waħda mill-aktar karatteristiċi interessanti ta’ din il-festa huwa l-fatt li din tiġi ċċelebrata fil-ġurnata propja tagħha.

Dan ifisser li jiġi meta jiġi s-16 ta’ Lulju, anke jekk fost il-ġimgħa, il-Karmelitani Beltin jiċċelebraw il-festa fil-ġurnata.

Fi żmien, il-maġġoranza tal-festi kienu jiġu ċċelebrati fil-jum liturġiku tagħhom, iżda l-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt hija waħda mill-ftit festi li baqgħu jiġu ċċelebrati fil-ġurnata.

Fil-fatt, apparti l-festa tal-Karmnu, huma żewġ festi oħra biss li għadhom jiġu ċċelebrati fil-ġurnata tagħhom minkejja li dakinhar tkun ġurnata normali tax-xogħol. Dawn huma l-festi tas-Salvatur f’Ħal Lija u dik ta’ San Lawrenz fil-Birgu.

San Pawl tal-Belt Valletta, San Ġużepp tar-Rabat, San Pietru u San Pawl fin-Nadur, il-maġġoranza tal-festi ta’ Santa Marija, il-festi tal-Bambina u anke l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla wkoll jiġu ċċelebrati fil-ġurnata tagħhom, iżda fil-każ ta’ dawn il-festi, dakinhar tkun festa pubblika. 

138 sena mill-inkurunazzjnoni tax-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu 

Karatteristika oħra ta’ din il-festa hija d-devozzjoni. Kollox beda mill-kwadru antik tal-Madonna tal-Karmnu meqjum b’tant għożża fis-Santwarju Karmelitan u li din is-sena sar fuqu xogħol ta’ restawr u konservazzjoni mill-kumpanija ReCoop.

Ta’ min wieħed isemmi li l-festa tal-Karmnu hija t-tieni l-aktar festa f’lokalitajiet differenti (wara Santa Marija) li tiġi ċċelebrata f’Malta. 

Apparti l-Belt, il-Madonna tal-Karmnu tkun iċċelebrata wkoll fi Fleur de Lys, fil-Fgura, fil-Gżira, fil-Balluta, fl-Imdina, fiż-Żurrieq u anke fix-Xlendi. Mhux hekk biss, iżda ma tidħolx f’belt jew raħal li fiha ma ssibx artal jew niċċa ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu.

Din id-devozzjoni kollha, nibtet minn dan il-kwadru antik, li l-Karmelitani kienu ġabu minn Sqallija mijiet ta’ snin ilu.

Tant kemm hi kbira d-devozzjoni, li kienet inħasset ix-xewqa fost il-Maltin li din ix-xbieha tkun inkurunata. Din ix-xewqa ntlaqgħet u x-xbieha ġiet inkurunata nhar il-15 ta’ Lulju tal-1881. Din kienet l-ewwel xbieha f’Malta li ġiet inkurunata b’digriet maħruġ mill-Kapitlu tal-Vatikan.

Din il-wegħda li għamlu l-Maltin u l-Beltin għadha tkun imġedda kull sena b’ċelebrazzjoni li ssir fil-15 ta’ Lulju.

Mijiet ta’ devoti jimxu wara x-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu 

Karatteristika oħra hija l-purċissjoni fejn matulha mijiet ta’ devoti jimxu wara l-vara tal-Madonna tal-Karmnu, imlibbsa bil-labtu waqt li jitolbu t-talba tar-rużarju.

Fil-fatt, din hija waħda mill-ftit festi f’Malta fejn id-devoti jimxu wara l-vara, tant li l-ewwel parti tal-purċissjoni tkun f’forma ta’ pellegrinaġġ. 

Malli l-vara tal-Madonna tasal quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann, din tittella’ fuq iz-zuntier fejn tingħad it-talba supplika lill-Madonna tal-Karmnu u jiġi fi tmiemu l-pellegrinaġġ. 

Minn hemm, il-purċissjoni tkompli bil-forma tradizzjonali, bil-baned jakkumpanja l-vara bid-daqq ta’ innijiet.

Il-quddies isir quddiem il-vara tal-Madonna tal-Karmnu 

Min, matul dawn il-jiem, se jżur is-Santwarju Bażilika tal-Karmnu, se jinduna li quddiem il-vara tal-Madonna tal-Karmnu jintrama artal li jagħlaq lill-Madonna fil-mant li titpoġġa taħtu. 

Fil-fatt, dan huwa privileġġ li kien ġie mogħti lill-Komunità tal-Patrijiet Karmelitani tal-Belt mill-Vatikan meta kien ġie inkurunat il-kwadru. Apparti l-Belt, fl-Isla biss jintrama artal quddiem il-vara Inkurunata tal-Bambina.

Bħal nhar it-Tlieta, jiġifieri f’Jum il-Festa, il-quddies f’dan is-Santwarju tibda mill-5:30am u tibqa’ sejra kull nofsiegħa sa nofsinhar. Kważi l-quddisiet kollha, ħlief dawk l-aktar solenni, isiru fuq l-artal ta’ quddiem il-vara.

Festa magħrufa għax-xogħol ta’ Karlu Darmanin

Apparti s-Santwarju mżejjen u armat sa snienu, frott il-ħidma tal-voluntiera, matul dawn il-jiem, it-toroq tal-Belt Valletta jitlibbsu b’armar rikk, b’uħud minnu huwa antik li jmur lura ħafna snin.

Fil-fatt, din il-festa hija magħrufa għall-istatwi ta’ Karlu Darmanin, fosthom is-sett ta’ Patrijarki u Isqfijiet li jintramaw fi Pjazza Regina. Iżda jibqa’ l-fatt, li l-aktar xogħol għal qalb il-Karmelitani Beltin huwa s-sett ta’ anġli li Karlu Darmanin kien ħadem għal din il-festa.

Oriġinarjament, dawn l-anġli kienu jintramaw fit-triq tas-Santwarju, iżda matul dawn l-aħħar snin, il-voluntiera tal-għaqda tal-festa ħadu ħsieb li jirrestawrawhom u llum qed iżejnu Triq ir-Repubblika.

Iżda apparti statwi antiki, matul is-snin saru wkoll diversi statwi oħra li jirrappreżentaw qaddisin Karmelitani u qaddisin li għandhom rabta mas-Santwarju tal-Karmnu, fosthom San Ġorġ Preca li kien Terzjarju Karmelitan.

Fil-fatt, il-festa tal-Karmnu tal-Belt illum hija magħrufa għall-armar, mhux biss għad-drapp, iżda anke għall-injam u l-istatwi fid-diversi pjazez tal-Kapitali.

Il-palk tal-banda jingħata mill-ġdid il-ħajja wara 60 sena moħbi 

Meta għandek festa antika bħalma hija dik tal-Madonna tal-Karmnu, l-armar antik ma jonqosx u għalhekk l-Għaqda Festa Madonna tal-Karmnu, tieħu ħsieb tirrestawrah.

Fost l-akbar proġetti li din l-Għaqda wettqet matul dawn l-aħħar snin kien dak tar-restawr tal-palk tal-banda, xogħol uniku u antik fl-injam li jintrama biswit il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu.

Ix-xogħol tar-restawr tlesta s-sena li għaddiet biex wara sittin sena moħbi u minsi, dan il-palk reġa’ ħa l-ħajja u fuqu beda jsir programm mużikali lejlet u nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu.

Jissejjaħ palk u mhux planċier għax l-għamla tiegħu hija differenti minn planċier. Fil-fatt dan għandu faċċata waħda u jintrama fl-għoli, jiġifieri letteralment tista’ tgħaddi minn taħtu.

X’għandhom ġdid il-Karmelitani Beltin? 

Apparti li tkompla x-xogħol ta’ restawr fuq diversi statwi u skultura tal-pedestalli li jżejnu t-toroq tal-Belt Valletta, bħal kull sena, l-armar ġdid mhux se jonqos.

Fil-fatt, din is-sena, l-Għaqda Festa Madonna tal-Karmnu se żżanżan statwa ġdida ta’ Santa Madalena Sofia Bareth biex tingħaqad ma’ sett ta’ statwi li jirrappreżentaw qaddisin riċenti li kellhom devozzjoni lejn il-Labtu tal-Karmnu.

Apparti minn hekk, se tkun qed tiżżanżan bandalora kbira biex tingħaqad ma’ sett ta’ bandalori oħra li għall-ewwel darba din is-sena se jkunu qed jintramaw fi Pjazza San Ġorġ.

Saru wkoll żewġ bandalori ġodda biex jintramaw man-niċċa tal-Madonna tal-Karmnu fuq il-funtana tal-Biċċerija l-Antika tal-Belt Valletta, fejn fi żmien kienu jsiru festi kbar lill-Madonna tal-Karmnu.

Is-Santwarju
Is-Santwarju

X’nafu dwar il-vara tal-Madonna tal-Karmnu?

Il-vara tal-Madonna tal-Karmnu hija t-tielet waħda li saret għall-Belt Valletta.L-ewwel vara, fl-1657 kienet diġà bdiet tinħareġ f’purċissjoni u t-tieni vara kienet irregalata lill-Komunità tal-Patrijiet Karmelitani tal-Balluta mill-Arċikonfratenità tal-Karmnu. 

Il-vara preżenti saret fl-1781 u hija xogħol Vincenzo Dimech. Il-pedestall tal-fidda li sserraħ fuqu l-vara nħadem fl-1931 u sar fuq disinn ta’ Abram Gatt. 

Il-vara hija mżejna bi brillanti, deheb u djamanti, kollha mogħtija lilha b’wegħdi minn diversi devoti.

Minn fejn ġejja d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu? In yellow circle as usual

L-ewwel Karmelitani kienu eremiti li kienu jgħixu fuq l-Għolja tal-Karmelu ftit ’il bogħod minn Ġerusalemm. Minn hemm ħadu isimhom.

Id-devozzjoni lejn il-Labtu tal-Karmnu tmur lura għal diversi snin. Skont it-tradizzjoni, meta fis-seklu 13, l-Ordni Karmelitana kienet għaddejja minn żmien diffiċli, fejn kien hemm min saħansitra ried iwaqqafha, il-Madonna kienet dehret lil San Xmun Stock, Ġeneral tal-Ordni u tagħtu dak li huwa magħruf bħala l-Iskapular, jew inkella l-Labtu.

Waqt din id-dehra, il-Madonna qaltlu li l-Labtu kellu jkun is-sinjal tal-ħelsien tal-Karmelitani mit-tiġrib. Għaldaqstant il-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu huwa meqjus bħala l-libsa Imqaddsa tal-Ordni Karmelitan, li turi r-rabta li tgħaddi bejn Marija u dawk li jilbsuh. 

Kienu ħafna qaddisin li kienu jilbsu u jgħożżu l-Labtu tal-Karmnu, fosthom il-Papa Ġwanni Pawlu II. 

Ħafna jisħqu li l-Madonna kkonfermat din id-devozzjoni kemm fid-dehriet tagħha f’Lourdes u anke f’Fatima. F’Lourdes, l-aħħar dehra seħħet propju fis-16 ta’ Lulju u skont it-tliet rgħajja li raw il-Madonna f’Fatima, fl-aħħar dehra tagħha din kienet liebsa ta’ Karmelitana.

X’se jsir fil-Belt Valletta f’dawn il-jiem? +

Il-Ħadd 14 ta’ Lulju

  • 6:30pm: L-aħħar quddiesa tan-Novena
  • 8:30pm: Marċ u fi tmiemu tittella’ statwa tal-Madonna tal-Karmnu fuq il-pedistall

It-Tnejn 15 ta’ Lulju

  • 10:00am: Quddiesa tal-Inkurunazzjoni
  • 11:00am: Marċ tradizzjoni ta’ filgħodu
  • 7:00pm: Tranżlazzjoni
  • 8:00pm: Marċ mat-toroq tal-Belt Valletta
  • 8:30pm: Programm vokali u strumentali fuq il-palk
  • 11:00pm: Ħruq tan-Nar tal-Art

It-Tlieta 16 ta’ Lulju

  • 9:30pm: Quddiesa solenni tal-festa bil-paniġierku
  • 6:00pm: Quddiesa mill-Arċisqof 
  • 7:00pm: Purċissjoni bil-vara devota tal-Madonna tal-Karmnu

More in Festi