Is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija bil-produzzjoni ‘Għaliex Twarrbuni?’

Dan id-dramm jiċċentra temi kurrenti ta’ bullying fuq l-internet u se jmiss ukoll ma’ avvenimenti storiċi li seħħew f’Ġerusalemm 2000 sena ilu

Is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija Mqabba, se jtellgħu dramm miktub minn Jean Paul Muscat.  

Dan id-dramm jiċċentra temi kurrenti ta’ bullying fuq l-internet u se jmiss ukoll ma’ avvenimenti storiċi li seħħew f’Ġerusalemm 2000 sena ilu li se jġiegħel lill-udjenza tixtarr fuq ir-realtà ta’ bosta.  

L-għan tad-dramm huwa li jixħet dawl fuq il-bullying li jeżisti wkoll fuq l-internet fost l-adolexxenti.  

Id-dramm se juri kif kawża tal-bullying, persuna tisfa’ iżolata u waħidha.  

Il-protagonist se jieħu lill-udjenza fuq vjaġġ diffiċli ta’ sfidi iżda bil-fidi u bl-għajnuna ta’ Alla jasal biex iqum fuq saqajh.  

Dan id-dramm se jservi ta’ tagħlima biex dejjem naqbżu għalina nfusna u ma nħallu lil ħadd jabbużana jew iġegħelna nħossuna ħażin.  

Id-dramm se jsir fis-sotterran ta’ Palazz Santa Marija, l-Imqabba. 

Il-ftuħ uffiċjali se jkun fit-22 ta’ Marzu 19:00-21:00. Il-produzzjoni ssir ukoll f’Ħadd il-Palm 24 ta’ Marzu 11:00-13:00, f’Ħamis ix-Xirka 28 ta’ Marzu 19:30-00:00 u fil-Ġimgħa l-Kbira 29 ta’ Marzu 8:30-12:00.  

More in Divertiment