Fil-Passi tal-Ospitalieri: Wirja li tirrakkonta l-istorja tal-Kavallieri ta’ 900 sena

Il-wirja tikkonsisti primarjament minn pubblikazzjonijiet mill-fond tal-librerija, kif ukoll rekords mill-arkivji tal-Ordni li jinżammu fil-Librerija Nazzjonali fil-Belt Valletta. Hija maqsuma f’sitt sezzjonijiet li fihom id-diversi postijiet fejn il-Kavallieri kellhom il-kwartieri ġenerali

Minħabba d-diversi sekli li qattgħu f’Malta, il-Kavallieri ta’ San Ġwann għandhom affiljazzjoni unika mal-Gżejjer Maltin. Għalhekk, għandhom rwol sinifikanti fl-istorja u l-kultura rikka ta’ pajjiżna. Fl-1 ta’ Diċembru, Il-Librerija Nazzjonali ta’ Malta fetħet wirja bl-isem ‘Fil-Passi tal-Ospitalieri: 900 sena ta’ Kavallerija, Fidi, u Karità’. 

Il-wirja tikkonsisti primarjament minn pubblikazzjonijiet mill-fond tal-librerija, kif ukoll rekords mill-arkivji tal-Ordni li jinżammu fil-Librerija Nazzjonali fil-Belt Valletta. Hija maqsuma f’sitt sezzjonijiet li fihom id-diversi postijiet fejn il-Kavallieri kellhom il-kwartieri ġenerali tul l-istorja tagħhom, b’mod kronoloġiku. Il-mapep huma aspett kbir, minħabba li l-wirja tirrekordja r-rotta li ħadu l-Kavallieri Osptalieri ta’ San Ġwann matul id-900 sena ta’ eżistenza tagħhom. Barra minn hekk, il-mapep jenfasizzaw kemm il-funzjoni tal-Kavallieri bħala organizzazzjoni reliġjuża, kif ukoll l-iskop simultanju tagħhom li jgħinu lill-foqra u jiddefendu l-fidi Kattolika. 

Il-wirja tħejjiet biex tfakkar l-ewwel anniversarju minn meta miet Ven. Bailiff Fra John E. Critien fit-3 ta’ Diċembru 2022. Ftit xhur qabel miet, Fra Critien ġie msejjaħ Gran Prijur ta’ Ruma u kien riċerkatur frekwenti fil-Librerija Nazzjonali ta’ Malta. Il-familja tiegħu pprovdiet xi artefatti personali għal parti mill-wirja. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-mistednin fiċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni kienu membri tal-familja ta’ Fra Critien. 

Waqt l-avveniment, is-Sinjura Maroma Camilleri, il-kuratur tal-wirja u l-librara deputata, tkellmet mal-mistednin u ddeskriviet l-istorja tal-wirja u l-preparamenti li involviet. Is-Sinjura Cheryl Falzon, is-CEO u Librara Nazzjonali, iddikjarat il-wirja miftuħa, u tat indirizz ta’ merħba. 

Għal min hu interessat iżur ‘Fil-Passi tal-Ospitalieri’, il-wirja se tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Marzu 2024, u d-dħul huwa bla ħlas. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.30 am sal-4.30 pm, u s-Sibt mit-8.30 am san-12.30 pm. Kull tielet Sibt tax-xahar se tibqa’ miftuħa sat-3.30 pm. 

More in Divertiment