Il-blaxploitation cinema

Fl-1971 wasal il-film li ta l-ħajja lil dan is-sottoġeneru Sweet Sweetback’s Badasssss Song, miktub, prodott, dirett u bil-mużika ta’ Melvin Van Peebles

Fl-1971 wasal il-film li ta l-ħajja lil dan is-sottoġeneru Sweet Sweetback’s Badasssss Song, miktub, prodott, dirett u bil-mużika ta’ Melvin Van Peebles. Il-protagonist ikun imrobbi mill-prostituti u jkun arrestat fuq reat li tiegħu hu innoċenti. Jaħrab mill-awtorità tal-pulizija lejn il-Messiku. Fl-2004, it-tifel Mario Van Peebles idderieġa u ħadem bħal missieru f’Badasssss, xogħol bijografiku ta’ kif inħadem dak ta’ 33 sena qabel. 

F’dik l-istess sena ħareġ il-film li tassew poġġa lill-blaxploitation movies fuq il-mappa. Dan kien Shaft dirett minn Gordon Parks b’Richard Roundtree bħala d-ditektiv iswed John Shaft. Is-soundtrack ta’ dan il-film saret popolari ħafna u t-tema tat-titlu rebħet l-Oscar. Warajh waslu żewġ sequels, Shaft’s Big Score (1972) u Shaft In Africa (1973). Fis-sena 2000 Samuel L. Jackson interpreta lil dan l-investigatur bħala n-neputi tiegħu u Richard Roundtree reġa’ kien Shaft ġo film tal-istess isem. 

Xi films notevoli tal-ġeneru blaxploitation tal-epoka tad-deheb tagħhom tas-snin sebgħin, kienu wkoll: 

1972 

Superfly, b’soundtrack ta’ Curtis Mayfield, xogħol li hu kkunsidrat wieħed mill-aktar kontroversjali u profittabbli ta’ dan il-ġeneru. Hammer, Fred Williamsom bħala boxer, jitħallat ma’ meniġer korrott li jridu jitlef ġlieda għall-Mafja. Black Mama, White Mama (U.K. Hot, Hard and Mean), żewġ nisa, waħda sewda, Pam Grier u l-oħra bajda, Margret Markov jaħarbu mill-ħabs immanettjati ma’ xulxin. Film vjolenti. Blacula, Prinċep Afrikan (William H. Marshall) jingidem mill-Konti Dracula u jxerred terrur f’Los Angeles tal-preżent. Slaughter. Jim Brown bħala eks suldat tal-Green Berets ifittex vendetta fuq sindikat li qatlu l-ġenituri tiegħu. Warajh wasal Slaughter’s Big Rip-Off (1973). 

1973 

Black Caesar – Fred Williamson, gangster li jasal sal-quċċata. Cleopatra Jones u warajh Cleopatra Jones And The Casino Of Gold. Tamara Dobson, aġenta tal-Gvern, turi l-kapaċità tagħha fl-arti marzjali. Coffy, Pam Grier tkun ners li tfittex lil dawk kollha li vvizzjaw lil oħtha ta’ 11-il sena bl-eroina. Nista’ nżid ukoll it-tmien film ta’ James Bond Live And Let Die. Ħadmu fih diversi atturi suwed bħala kriminali jew tal-vudu. F’That Man Bolt jerġa’ jkun Fred Williamson bħala aġent sigriet f’tip ta’ film li jixbah lil dawk tad-007. 

1974 

Abby, verżjoni blaxploitation ta’ The Exorcist. Black Belt Jones. Jim Kelly li ħadem ma’ Bruce Lee f’Enter The Dragon ikun il-protagonist, espert u ħafif fl-arti marzjali. Black Eye, film ieħor dwar it-traffikar tad-drogi bl-attur Fred Williamson. Foxy Brown, Pam Grier terġa’ bħala ners kontra ċirku tad-drogi. Three the Hard Way, din id-darba tliet protagonisti (Fred Williamson, Jim Kelly u Jim Brown) kontra wieħed abjad li jrid jeqred lis-suwed billi jivvelena l-ilma. Truck Turner bl-attur Isaac Hayes fuq gwerra ma’ sindikat tal-prostituzzjoni f’Los Angeles. 

1975 

Sheba Baby – aġenta sigrieta, Pam Grier, tgħin lil missierha minn gang ta’ paladini. Black Shampoo, film li jimita lil dak ta’ Warren Beatty, Shampoo. Mandingo, produzzjoni razzista dwar abbużi kontra l-iskjavi u relazzjonijiet sesswali bejn is-sidien u l-ilsiera. Boss Nigger, Fred Williamson bħala xeriff ta’ belt żgħira f’dan il-Western magħruf ukoll bit-titlu ta’ The Black Bounty Hunter. 

Wara xi snin, il-blaxploitation films bidlu r-rotta u ffukaw aktar fuq problemi soċjali tas-suwed, b’diversi suċċessi wkoll. 

More in Divertiment