Ringside Theatre Company itellgħu produzzjoni ta’ ‘Bull’

Ringside Theatre Company (RTC), kollettiv teatrali bbażat f’Għawdex, se jtellgħu produzzjoni ta’ ‘Bull’, miktuba minn Mike Bartlett, fil-Queen Mary University of London Malta Campus 

Ix-xahar id-dieħel ġej proġett eċċitanti ġdid fil-Queen Mary University of London, Malta Campus t’Għawdex. Ringside Theatre Company (RTC), kollettiv teatrali bbażat f’Għawdex, se jtellgħu produzzjoni ta’ ‘Bull’, miktuba minn Mike Bartlett. 

‘Bull’ hija kummiedja moderna fuq ir-rivalità ġo l-uffiċċju u l-effetti tal-corporate downsizing; Tliet impjegati, Tony, Isabel, u Thomas, jiltaqgħu mal-water cooler u jistennew bil-ħerqa li jasal l-imgħallem tagħhom u jħabbar liema wieħed jew waħda minnhom se jitlef xogħlu. Il-konverżazzjoni malajr ddur f’dak li huwa essenzjalment playground bullying hekk kif jibdew jgħaddu ż-żmien b’xulxin sabiex jisvogaw l-anzjetajiet tagħhom. 

It-titlu ‘Bull’ jista’ jittieħed bħala referenza għall-bullying, jew saħansitra l-ġlied tal-barrin, peress li fil-produzzjoni oriġinali, l-istadju kien konstrutt bħala boxing ring b’water cooler solitarju f’rokna waħda. Id-dramm jindirizza temi ta’ poter, ambizzjoni u abbuż verbali, bi djalogu tant miktub tajjeb li tħossok qisek erġajt qiegħed lura fl-iskola. Din ir-reċta hija diretta minn Jayne Giordanella, b’kast żgħir għalkemm eċċellenti, li jiffurmaw parti minnu Edward Thorpe, Kelly Peplow, Alex Weenink u Bob Cardona. 

Ir-Ringside Theatre Company bla dubju se jagħmlu ġustizzja lil din il-produzzjoni, li xi kritiċi ddeskrivew bħala “razor-sharp” u “uncomfortably riveting”. Dan id-dramm idum inqas minn siegħa (madwar 55 minuta), u jinkludi sessjoni tal-Q&A hekk kif jintemm. Minħabba lingwaġġ qawwi u referenzi sesswali, ir-reċta mhijiex xieraq għal dawk li għandhom inqas minn 15-il sena. Barra minn hekk, is-suġġetti tal-bullying u l-abbuż jista’ kapaċi jqanqlu xi memorji trawmatiċi għal xi wħud. 

‘Bull’ se jittella’ fil-Queen Mary University of London, Malta Campus kull nhar ta’ Ħamis, Ġimgħa, Sibt, u Ħadd mid-9 sad-19 ta’ Novembru, f’ħinijiet varjanti. Biex tiċċekkja l-ħinijiet u tixtri biljett żur is-sit uffiċjali ta’ Ringside Theatre Company; https://ringsidetheatre.com/. Il-biljetti jiswew €18, iżda nhar il-Ħamis ikun hemm skont ta’ 25% (€13.50)!  

Graphic design - poster credit : Bob Cardona 

More in Divertiment