‘Ma naqbilx mal-idea ta’ riżoluzzjonijiet, għax ħafna jużawha bħala skuża biex ikomplu jitnikkru’

Is-sit illum.com.mt jitkellem ma' Kurt Camilleri dwar l-eżerċizzju u l-wegħdi biex 'din is-sena nibda d-dieta żgur'

Kurt Camilleri
Kurt Camilleri

Is-Sena l-Ġdida waslet u jkaxkru warajha waslu r-riżoluzzjonijiet. Ir-riżoluzzjonijiet huma l-opportunità perfetta għal dawk kollha li naqsu milli jibdew jagħmlu l-bidliet li qalu li se jagħmlu matul is-sena li għaddiet. 

L-ILLUM ħadet l-opportunità li tkellem lil Kurt Camilleri, wiċċ aktar sinonimu ma’ dawk li waqt il-pandemija segwew il-programmi tal-eżerċizju fuq it-televiżjoni u li jaħdem bħala online personal trainer permezz tas-sit eletroniku tiegħu www.kurtcamilleri.com.mt.

Mistqosi kif il-pandemija affetwat lin-nies meta wieħed iqis id-dieta, Camilleri spjega li iltaqa ma’ żewġ tipi ta’ personalitajiet, “kien hemm dawk li sabu ruħhom bilqiegħda, mingħajr motivazzjoni biex jiċċaqalu u oħrajn li meta raw li għandhom iktar ħin liberu, qabżu fuq l-opportunità li jbiddlu ħajjithom”.

Camilleri kompla jgħid li ma jaqbilx mal-idea ta’ riżoluzzjonijiet, għax ħafna jużawha bħala skuża biex ikomplu jitnikkru. “L-idea li dejjem immexxu l-pjanijiet għal ġurnata jew ġimgħa oħra hi ħażina” qal Camilleri. Hu saħaq li s-sena il-ġdida hi biss ġurnata oħra bħall-oħrajn, iktar kemm nitnikru u nibqgħu ngħidu “issa nibda għada” iktar narawna koroh biex nibdew. 

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblika statistika li turi li 25.5% tal-Maltin huma obeżi, ħafna ogħla mill-medja tal-UE ta ’14.9%. Fuq dan, Camilleri saħaq li għalkemm huma numri inkwetanti, mhux tard wisq biex ninbidlu.

Camilleri għadda xi pariri li wieħed jista jikkunsidra hekk kif forsi se jibda dan il-vjaġġ. “Trid taħseb għal futur mhux għal ġimgħa jew ġimgħatejn,” jgħidilna Camilleri.  “Fil-verità n-nies iridu jieqfu jagħmlu dieta u minflok ibiddlu ħajjithom għal-waħda sana.” Camilleri saħaq ukoll li l-eżerċizzju jgħin mhux biss fiżikament iżda ukoll mentalment, għalhekk “ma rridux naraw l-eżerċizzju bħala kastig”. 

Kurt Camilleri temm billi qal “li importanti nżidu f’ħajjitna mhux inaqqsu, eżempju ma ngħidux ħa nnaqqas il-luminata, ngħidu se nżid l-ilma. La darba tibda tixrob iktar ilma, awtomatikament tnaqqas il-luminata.”

More in Divertiment