Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Little Women, Playing with Fire u Aeronauts

LITTLE WOMEN

Atturi Ewlenin: Saoirse Ronan; Emma Watson; Florence Pugh; Eliza Scanlen; Tomothe'e Chalamet; Laura Dern; Meryl Streep.

Direttriċi: Greta Gerwig.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 134 min. Ċert. U

In-novella klassika ta' Louisa May Alcott, Little Women, diġà ġiet addattata għal fuq il-liżar ċinematografiku seba' darbiet, b'dik tal-2018, verżjoni moderna, tfakkar il-150 sena anniversarju minn meta dan nil-ktieb ġie ppubblikat. L-aqwa verżjonijiet huma dawk tal-1949 u tal-1994. B'xi alterazzjonijiet, id-direttriċi/kittieba u anki ġieli attriċi l-aktar f'diversi films indipendenti Amerikani, Greta Gerwig fasslet produzzjoni ġdida b'andament meħud kemm min-novella klassika oriġinali u kemm mill-kitba prolifika ta' din l-awtriċi. L-erba' tfajliet aħwa March. Jo (Ronan), Meg (Watson), Amy (Pugh) u Beth (Scanlen) din id-darba huma aktar liberi u determinati li jgħixu ħajjithom kif jixtiequ huma stess. Il-kbira Jo March qed tagħmilha tal-kittieba Alcott stess waqt li tirrefletti fuq il-ħajja indipendenti li qed tgħix. Fil-ftuħ narawha b'manuskritt f'idha tmur għand stampatur biex tippubblika l-ewwel xogħol tagħha. Ħdejn iż-żewġ verżjonijiet ta' qabel, Little Women (2019) jinħass aktar kontemporanju minkejja li l-istorja sseħħ wara l-Gwerra Ċivili Amerikana, aktar aggressiv u aktar inċisiv. Din id-darba, l-aħwa March ma' jibqgħux iżjed ma' djul ommhom (Dern), imma huma lesti li jħallu d-dar biex jibdew ħajja miżżewġa jew għal rashom. Kif stqarret il-kittieba stess ta' dan ix-xogħol popolari: "F'ħajti ltqajt ma' ħafna nkwiet, għalhekk nikteb biss stejjer ta' ferħ". Dan ix-xogħol ġdid jikkumplimenta din id-diċerija. Fuq kollox, l-interpretazzjonijiet, l-atmosfera tal-perjodu, il-fotografija lussuża u d-direzzjoni eċċellenti tassew jagħtu fil-għajn!

 

PLAYING WITH FIRE

Atturi Ewlenin: John Cena; Keegan-Michael Key; John Leguizamo; Tyler Mane; Judy Greer; Dennis Haysbert; Brianna Hildebrand; Christian Convery; Finley Rose Slater.

Direttur: Andy Fickman.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 95 min. Ċert. U

Playing with Fire hija kummiedja banali, b'xi sekwenzi tassew umoristici li, però, għandha togħġob sewwa liż-żgħar, għalkemm tedjanti għall-kbar. Ninsabu f'Redding, California fejn Jake Carson (Cena) u t-tim tiegħu kompost minn Mark Rogers (Key), Rodrigo Torres (Leguizamo) u Axe (Mane), suppost li huma pumpieri esperti. Mill-ewwel wieħed jieħu idea li dawn huma bla ras, lesti li jazzardaw mingħajr ħsieb ta' xejn anki f'nirien qawwija, ineffiċjenti u stupidi. Sorpriżament, l-akbar intopp tagħhom jasal meta kabina tal-injam fil-foresta tieħu n-nar u jmorru jsalvaw tliet aħwa, Brynn (Hildebrand), tfajla stuża iktar minnhom, Will (Convery) u ċ-ċkejkna Zoey (Slater). Sakemm ikunu jistgħu jfittxu l-ġenituri tagħhom biex jiġu għalihom ikollhom jitqannew bihom fl-istazzjoni tagħhom. Dawn, kurjużi, entużjasti u mimlija enerġija jġibu lill-kwartieri tat-tifi tan-nar f'ħerba sħiħa u anki lill-pumpiera fi gwaj kbir. F'dan l-inkwiet kollu, l-adulti aktar joħorġu ta' mbeċilli, waqt li ċ-ċkejknin dejjem triomfanti. Ma tkunx sorpriża jekk John Cena (u anki sħabu), golf ta' bniedem u eks lottatur, jingħata l-unur għall-agħar parti fir-Razzies Awards li jmiss. Hu ovvju li dan ix-xogħol ingħata dan it-trattament biex jappella għaċ-ċkejknin u għal dawk ta' intelliġenza limitata.

 

THE AERONAUTS

Atturi Ewlenin: Felicity Jones; Eddie Redmayne; Tom Courtenay; Vincent Perez; Anne Reid.

Direttur: Tom Harper.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 101 min. Ċert. (P.G.)

Meta kont tifel niftakar li rajt Five Weeks In A Balloon (1962), film avverturuż dwar vjaġġ b'ballun (bużżieqa) kbir tal-arja fejn ma jiġri xejn skabruż. Ibbażat minn fuq storja vera, The Aeronauts hu ferm differenti u ħafna aktar reali mill-produzzjoni li diġà semmejt. L-istorja teħodna lura fis-sena 1862, fl-era Vittorjana meta kull xorta ta' esplorazzjoni jew skoperta kienet milqugħa b'pompa kbira mix-xjentisti u storiċi ta' dak iż-żmien. James Glaisher (Redmayne) metereoloġista li jemmen li wieħed jista' jbassar x'temp ikun ġej ikun irridikulat minn sħabu li tassew iwaqqgħu għaċ-ċajt it-teoriji tiegħu. Hu jiddeċiedi li jagħmel spedizzjoni b'ballun kbir tal-arja però jrid miegħu lil xi pilota. B'sorpriża kbira tistieden ruħha Amelia Wren (Jones), pilota sfiqa u anki mara li tħobb tippoża u turi ruħha. Wara tluq kwiet, jibda riesaq fuqhom il-maltemp bil-vjaġġ jieħu sura tal-biża'. Waqt li jirnexxilhom jogħlew aktar 'il fuq minn kull attentat ta' qabel, l-elementi jaħbtu għalihom b'qawwa terribbli. Dak li beda bħala spedizzjoni ta' skoperta xjentifika ta' għerf metereoloġiku, l-eżistenza ta' ħajjithom tkun f'inkwiet kbir meta l-maltemp ibandal b'forza qawwija l-vettura tagħhom, il-ksieħ jagħmel tiegħu fuq is-swaba’ mikxufin tagħhom u bis-silġ kollox jiġġammja. Qatt ma bassru li se jiffaċċjaw sfidi fiżiċi koroh u emozzjonalment kiefra f'atmosfera fejn l-arja hi batuta. The Aeronauts xorta waħda hu xogħol divertenti, b'mumenti ta' tensjoni li jagħtu ħjiel għall-films tad-diżastri naturali. Amelia (li fil-verità hi karattru fittizju) tistinka bil-kbir u tgħaddi minn ħafna mumenti ta' qtigħ il-qalb fiżiku minħabba l-kesħa tremenda meta tixxabbat mal-ħbula u tipprova titla’ fuq il-ballun biex terġa' tieħu kontroll tal-vettura. B'fotografija li tassew teċċella fil-għoli 'l fuq mis-sħab u b'sekwenzi oħra li jżommuk fuq ix-xwiek, The Aeronauts hi produzzjoni lussuża li tipprovdi rikba meraviljuża.

More in Divertiment