Maleficent: Mistress of evil ... film mistenni issa fis-swali taċ-ċinema

Atturi Ewlenin: Angelina Jolie; Emma Fanning; Michelle Pfeiffer; Sam Riley; Harris Dickinson; Imelda Staunton

MALEFICENT: MISTRESS OF EVIL

Atturi Ewlenin: Angelina Jolie; Emma Fanning; Michelle Pfeiffer; Sam Riley; Harris Dickinson; Imelda Staunton.

Direttur: Joachim Ronning.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 118 min. Ċert. P.G

Is-suċċess finanzjarju miksub minn Maleficent, ħrafa xi ftit oskura ispirata minn The Sleeping Beauty, fejn is-saħħara suppost kattiva tat-titlu tkun kostretta tagħmel seħer fuq tarbija ġdida biex torqod għal dejjem, ħajjar lill-kumpanija Disney tkompli fuq din l-istorja tradizzjonali iżda b'tidwira differenti.

Angelina Jolie tant ħerqana f'din il-parti tas-saħħara malinna, iżda wkoll b'qalb tajba, qed terġa' tinterpreta din il-parti f'Maleficent: Mistress Of Evil. Ir-relazzjoni bejn Aurora (Fanning), issa tfajla sabiħa u attraenti, u Maleficent, fil-fatt il-parrina tagħha, tkompli u se ġġib għira sfiqa minn banda oħra. Din il-produzzjoni tiftaħ ħames snin wara l-avvenimenti tal-film ta' qabel.

Il-Prinċep Philip (Dickinson) iħobb lil Aurora u jipproponilha biex jiżżewġu, ħaġa li se ġġib avvenimenti mhux mistennija lill-parrina tagħha li issa saret il-protettriċi tax-xagħri u l-artijiet rurali l-oħra fejn jabitaw is-sħaħar u kreaturi oħrajn. Ir-Regina Ingrith (Pfeiffer) omm Philip, mingħajr binha ma jaf trid tuża dan iż-żwieġ għall-iskopijiet ħżiena tagħha.

Hi trid tifred lill-umani minn mas-sħaħar u fuq kollox, fi pranzu kbir li tagħmel fil-kastell, quddiem in-nobbli kollha beħsiebha twaqqa' l-krettu ta' Maleficent billi ġġib lil Aurora u lill-parrina fuq naħat opposti, biex tqajjem gwerra u tirvina l-unjoni tal-għarajjes.

Maleficent: Mistress Of Evil hija ħrafa oħra, pjuttost oskura, b'ispirazzjoni differenti mill-klassika The Sleeping Beauty ta' Charles Perrault fejn għal darb'oħra r-relazzjoni bejn is-saħħara ta' qrun kbar fuq moħħha u Aurora huma l-qofol ta' dan ix-xogħol. Il-battalja aħħarija tant movimentata kemm fl-art u anki fl-ajru, b'mijiet ta' sħaħar bil-ġwienaħ hija tassew impressjonanti.

More in Divertiment