Il-pupi tal-playmobil jieħdu l-ħajja fiċ-ċinema

Wieħed mill-films ġodda fis-swali taċ-ċinema żgur li se jinżel għasel ma-tfal

Playmobil: The Movie

Atturi Ewlenin: Anya Taylor-Joy; Charles Bateman

Vuċijiet Ewlenin: Anya Taylor-Joy; Charles Melton; Jim Gaffigan; Daniel Radcliffe; Meghan Trainor; Adam Lambert.

Direttur: Lino DiSalvo.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 96 min. Ċert. U

Naħseb li ħafna kienu qed jistennew li joħroġ xi film dwar dawk il-figorini tal-plastik, twal 71/2 ċentimetri, imsejħa Playmobil, wara l-films tal-pupazzi LEGO. Dawn il-figorini popolari ilhom aktar minn 45 sena jferrħu liċ-ċkejknin u issa se jieħdu l-ħajja fix-xogħol ċinematografiku ġdid, Playmobil: The Movie. Dan il-film animat jiftaħ bi prologu reali (u anki epologu) fejn tfajla immaginattiva, Marla (Taylor-Joy) timbarka fuq vjaġġ mimli intriċċi wara li ħuha iżgħar minnha, Charlie (Bateman) jisparixxi meta jidħol f'post kbir mimli figuri Playmobil. Waqt it-tfittxija għal ħuha f'din id-dinja ċkejkna iżda maġika, Marla tiltaqa' ma' karattri rinomati Playmobil, fosthom xufier ta' trakk mimli ikel (Gaffigan), aġent sigriet attraenti, Rex Dasher (Radcliffe), ma' fatatina moderna (Trainor) u imperatur terribbli (Lambert). Meta ssib lil Charlie, dawn l-avventuri diversi, fosthom anki episodju f'belt Western (tal-cowboys), jgħallmuha li hemm bżonn ma tibqax marbuta mal-ħajja adulta u terġa’ tħaddan il-ħila tagħha tat-tfulija li toffri numru kbir ta' possibilitajiet fejn tiżviluppa l-immaġinazzjoni tagħha. Paymobil: The Movie, tassew idaħħlek b'mod inġenjuż ġod-dinja maġika u mikrokożmika ta' dawn il-karattri maħbubin anki mill-kbar!

Once Upon a Time.... In Hollywood

Atturi Ewlenin: Leonardo DiCaprio; Brad Pitt; Margot Robbie; Al Pacino; Emile Hirsch; Margaret Qualley; Timothy Olyphant.

Direttur: Quentin Tarantino.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 139 min. Ċert. 18

Il-maġġoranza tal-ħrejjef klassiċi għat-tfal jibdew, Once Upon a Time... Din il-frażi tidher li lil Quentin Tarantino, li hu ffissat ħafna fuq il-films tal-azzjoni, speċjalment dawk tal-arti marzjali, kif ukoll affaxxinat bil-kbir fuq il-Westerns Taljani (Spaghetti Westerns) u anki bil-mużika ta' Ennio Morricone, tassew għoġbuh it-titli ta' żewġ films ta' Sergio Leone, Once Upon A Time In The West (C'Era Una Volta Il West) (1968) u dak tal-gangsters, Once Upon A Time In America (1984). Bi tribut lil Leone, dan id-direttur semma l-ewwel kapitlu ta' Inglourious Bastards, Once Upon A Time In Nazi-Occupied France. Għad-disa' film tiegħu, bi storja oriġinali miktuba minnu stess, karattri ġodda u oħrajn li eżistew tassew, f'Once Upon A Time... In Hollywood Tarantino ffoka fuq perjodu ta' sitt xhur kif laqtitu din il-belt tal-films meta kien għadu tifel. Kull min hu midħla ta' dan id-direttur, din il-produzzjoni ġdida fiha l-ingredjenti kollha ta' qabel li tawh skop u direzzjoni partikulari. L-avvenimenti ta' dan il-film twil iseħħu fi ftit ġimgħat fi Frar tal-1969, u wara qabża ta' sitt xhur jintemmu wara l-ewwel ġimgħa ta' Awwissu 1969. F'dak iż-żmien, il-gwerra tal-Vjetnam għamlet ħerba fuq iż-żgħażagħ Amerikani li tilfu kull sens ta' ħajja diċenti bit-twaqqif tal-kult tal-hippies, maqtugħin mis-soċjetà jgħixu ħajja libera ta' bla ħsieb.. Din l-atmosfera ħolqot il-gang infami ta' Charles Manson propju f'Hollywood; is-sistema magħrufa bħala star system bdiet tispiċċa waqt li l-films bdew isiru aktar ħorox u vjolenti, vulgari u mera tal-ħajja anki ta' dawk iddrogati. Dan id-direttur kien jgħix f'Alhambra mhux ’il bogħod mill-belt taċ-ċinema u baqa' jżomm memorji ta' dak li ġara u nnota bħala tifel u hawn fassalhom kif forsi xtaq li jiżvolġu. Fiċ-ċentru ta' din il-ħrafa nsibu żewġ atturi popolari ta' Hollywood li jidhru għall-ewwel darba flimkien. Rick Dalton (DiCaprio) hu l-attur prinċipali tas-serje Western televiżiva Bounty Law, li l-faxxinu tagħha qed tnin, wara kważi aktar minn għaxar snin. Rick dejjem xtaq li jittrasferixxi ruħu għal fuq il-liżar ċinematografiku, imma l-produtturi tefgħu ħarsithom fuq suġġett kurrenti, l-ambjent u l-kult tal-hippies. Hu jinsab inkwetat, mhux ċert minnu nnifsu tant li beda jaqta' qalbu. Cliff Booth (Pitt), li qabel kien eroj tal-gwerra, ħa x-xogħol ta' stuntman, jesiġi hu dawk il-movimenti mħarrkin u perikolużi minflok Rick. Dawn it-tnejn, leali għal xulxin, ilhom snin flimkien u saru qishom familja waħda. Il-katastrofu li mess lil xi atturi u nies oħra f'Hollywood imiss lilhom ukoll fil-final, però b'riżultati mibdula. Once Upon A Time... In Hollywood, jiżvolġi qisu speċi ta' Western fejn l-attur ewlieni anki pprova jaħdem fil-Westerns Taljani kif nirrikonoxxu minn kartellun (fittizju) fejn id-direttur hu Antonio Margheriti (Anthony Dawson). Dan ix-xogħol jixbah balbuljata sabiħa, friska, fotoġenika u elaborata b'ċajt verbali u umoriżmu, vjolenza qawwija u atmosfera palpabbli tal-epoka. Atturi reali bħall-isfortunata Sharon Tate (Robbie), li kienet miżżewġa lid-direttur Roman Polanski, tidher tieħu pjaċir ġo ċinema tara lilha nnifisha f'The Wrecking Crew, parodija ta' James Bond. Bruce Lee (Mike Mohh) ikun l-għalliem tagħha, Al Pacino jidher fil-parti tal-produttur Marvin Schwarz; atturi oħra bħala Steve McQueen u Sam Wanamaker. Żewġ mumenti ta' kummiedja klassika huma meta Brad Pitt jeħodha ma' Bruce Lee u meta Leonardo DiCaprio mnikket bih innifsu jinsa dak li għandu jgħid u jsib sapport, meta jiftaħ qalbu ma’ tifla ta' tmien snin. Tarantino ma jfallix milli juri diversi posters ta' films li veru ħarġu fil-perjodu. Kull min hu midħla taċ-ċinema ta' dik l-epoka żgur li jimtela b'nostalġija mill-qalb meta jara dan ix-xogħol. Mhux kulħadd hu tal-istess fehma, iżda personalment inħoss li Tarantino reġa' laqat il-likk!

More in Divertiment