Jirritorna The Lion King fis-swali taċ-ċinema

Żewġ films ġodda fis-swali taċ-ċinema

The Lion King.

Vuċijiet Ewlenin:  Donald Glover;  James Earl Jones; Beyonce' Knowles;  Alfre Woodard;  Seth Roġen.

Direttur:  Jon Favreau.

Maħruġ minn KRS Releasing.  Tul: 118 min.  Ċert. P.G.

The Lion King (1994), film animat oriġinali ta' Disney hu meqjus bħala xogħol klassiku tant maħbub minn madwar id-dinja.  Dan il-kapulavur spiċċa biex rebaħ żewġ Oscars - għall-kanzunetta Can You Feel The Love Tonight? ta' Elton John u Tim Rice u ieħor għall-mużika ta' Hans Zimmer. Sentejn wara, din il-produzzjoni ġiet addattata għal fuq il-palk ta' Broadway fejn rebħet 6 unuri Tony u 22 sena wara baqgħet waħda mill-aqwa li għamlu kjass inkredibbli fejn dan l-aħħar saret id-9000 wirja.  Wara s-suċċess li Jon Favreau kellu fl-2016 bil-film The Jungle Book, maħdum issa b'mod kontemporanju u teknikament brillanti, dan id-direttur ra possibilità kbira li The Lion King jista' issa jinħadem bl-aqwa teknoloġija li l-arti taċ-ċinema tista' toffri. Dan id-dramm mużikali li għandu jpaxxi lill-kbar forsi aktar miż-żgħar għax japprezzawh aħjar, fih l-ingredjenti kollha li jagħmlu l-istorja tiegħu tant relevanti - ingann, traġedja, turufnament, qtigħ il-qalb u redenzjoni. Fil-pjanuri ta' kobor immens tal-Afrika twieled Simba, it-tifel tar-Re Mufasa, u l-eredi futur tat-tron ta' Pride Rock.  Missieru joħorġu biex jurih lill-annimali kollha li tassew huma kburin bih għax konxji li se jirrenja ġustament bħalu.  Imma Scar, iz-ziju tiegħu jixtieq li r-renju jieħdu hu bis-sewwa jew bid-dnewwa.  B'malizzja oskura, Scar iqajjem rewwixta li tirriżulta fil-mewt ta' Mufasa u eżilju għal Simba.  Iċ-ċkejken jikber dejjem akkumpanjat minn żewġ annimali tassew ħbieb u leali, Timon u Pumbaa, li f'ħajjithom m'għandhom rabta ta' xejn.  Permezz ta' Nala, iljunessa ħabiba u wara anki l-maħbuba tiegħu, ikun inkoraġġut biex jagħmel l-almu u mgħejun mill-ħafna ħbieb tal-passat imur lura biex jieħu dak li hu suppost tiegħu u dak li jixraqlu.  F'din il-verżjoni ġdida, Favreau stqarr li ffoka ħafna aktar mill-film oriġinali fuq it-trobbija ta' Simba li minn ferħ isir adult u wera kemm kienet iebsa ħajtu wara t-trawma li sofra meta kien żgħir u anki ta rwol aktar elaborat lil Nala li kellha influwenza kbira u kienet ta' ispirazzjoni għall-formazzjoni tal-maħbub tagħha, Simba.  The Lion King tassew ipaxxi s-sentimenti kollha ta' min jarah, speċjalment fil-postijiet eżotiċi u endemici ta' kontinent sħun bħall-Afrika, fil-movimenti grazzjużi tal-annimali kollha u fil-mużika evokattiva mill-ġdid ta' Hans Zimmer. Ħafna mill-kanzunetti tal-oriġinal qegħdin hawn bi stil ġdid.  Kull min jara The Lion King se joħroġ miċ-ċinema sodisfatt għall-aħħar, b'qalb ferrieħa u aktarx b'xi kanzunetta f'fommu minn taħt l-ilsien!

The  Dead  Don't  Die.

Atturi Ewlenin:  Bill Murray;  Adam Driver;  Chloe Sevigny;    Tilda Swinton;  Danny Glover;  Steve Buscemi;  Selena Gomez;  Tom Waits.

Direttur:  Jim Jarmusch.

Maħruġ minn KRS Releasing.  Tul: 104 min.  Ċert. 15

Minn mindu George A. Romero ta ħajja ġdida, kważi waħdu, lill-films tal-biża' tal-ġeneru żombis b'Night Of The Living Dead (1968), dehru wara ruxxmata films ta' dan it-tip, fosthom oħrajn ta' dan l-istess direttur.  Bħall-ġeneri ta' produzzjonijiet oħrajn, il-films taż-żombis ġew ukoll satirizzati, forsi b'Shaun Of The Dead (2004) ikun l-aħjar eżempju. Xogħol ieħor simili, però b'forma ta' kummiedja sottili hu The Dead Don't Die, miktub u dirett minn Jim Jarmusch, direttur ta' films kulti u anki speċjalizzati li aktarx wieħed ma jabbinahx ma' kummiedji ta' din ix-xorta.  B'cast mill-aqwa, mhux inqas minn seba' atturi li qabel ħadmu regolari miegħu, The Dead Don't Die jiżvolġi b'manjiera kawtela li żżid fl-intensità aktar ma jgħaddi l-ħin u b'fil ta' umoriżmu li spiss inissel tbissima.  Centerville hija belt żgħira qrib foresta, b'popolazzjoni ta' ftit aktar minn 700 ruħ, u bi tliet membri biss tal-pulizija. Meta l-ġranet jibdew jiqsaru, iseħħu affarijiet mhux spjegabbli fil-pajjiż, l-annimali jirreaġixxu b'mod stramb, waqt li fuq il-mezzi tax-xandir l-affarijiet ma jidhrux sbieħ. Il-qamar kwinta jleqq ħafna u jagħti l-impressjoni li hu qrib. Fil-foresta fejn jgħix Hermit Bob (Waits) mill-oqbra jqumu l-mejtin għatxana għal-laħam uman.  Mexjin bil-mod, jixxenglu qishom fis-sakra u fid-dehra ta' natura fraġli (skont il-viżjoni oriġinali ta' Romero), dawn resqin lejn il-belt biex jagħmlu festa mill-ħajjin. Cliff Robertson (Murray), Ronnie Peterson (Driver) u Mindy Manson (Sevigny), it-tliet membri tal-korp tal-pulizija, se jkollhom x'jagħmlu sewwa.  Fil-mortwarju tal-post, Zelda Winston (Swinton). Buddista eċċentrika li tieħu ħsieb, taf tuża x-xabla b'kapaċità kbira. Hu ovvju li d-direttur inqeda b'dan il-ġeneru ta' film biex jesibixxi parti integrali mill-ħajja tal-maġġoranza tal-Amerikani kif iż-żmien qed jeżawrihom meta għadhom ħajjin, jeżistu biss. Jogħġbokx jew le jiddependi kif wieħed jieħdu, però min ma jistenniex affarijiet sublimi aktar se jsib x'jolqtu. Bill Murray, din id-darba b'wiċċ mixrub, serju u mqarras u bl-inqas sforz possibbli ta' movimenti tistħajlu li jinsab fi stat ta' animazzjoni. Il-mużika hija addattata ħafna b'sensiela ta' kanzunetti country tassew tal-widna.

More in Divertiment