Tliet films ġodda għal din il-ġimgħa

Ara hawn x'se jkunu qed joffru ġdid is-swali taċ-ċinema...

INSTANT FAMILY.

Atturi Ewlenin: Mark Wahlberg; Rose Byrne; Isabela Moner; Gustavo Quiroz; Octavia Spencer; Julianna Gamiz; Tig Notaro.

Direttur: Sean Anders.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 118 min.

Ċert. 12A

Instant Family hu film interessanti, sinċier, dwar suġġett sensittiv ħafna tant topiku f'dawn iz-zmenijiet. Minkejja li d-dehra primarja tiegħu hi ta' kummiedja soċjali, kurrenti sottili minn taħt jindikaw dramm kommoventi u emozzjonanti. L-addozzjoni ta' tfal minn xi koppja li jiddeċiedu li jibnu familja flimkien hi xi ħaġa serja u li tirrikjedi ħsieb u pjanijiet minn qabel. Pete (Wahlberg) u Ellie (Byrne), koppja ideali u baħbuħa li jinħabbu, sinċerament biex ikollhom familja jkollhom jirrikorru lejn aġenzija tal-addottar. L-għażla tagħhom taqa' fuq tliet aħwa inkluż tfajla ribelluża ta' 15-il sena, Lizzie (Moner). F'salt wieħed isibu ruħhom b'żieda ta' tlieta. Ir-reazzjoni ta' Pete u Ellie mat-tlitt itfal ġodda tagħhom, speċjalment mal-inkwiet li taqlagħlhom il-kbira, toħodhom fuq rotta ġdida ta' kif għandhom ikunu ġenituri eżemplari u karitattivi li juru mogħdrija, kif ukoll dixxiplina f'waqtha meta jkun hemm bżonn. Instant Family hu aktar minn hekk, għax barra li hu xogħol divertenti b'diversi sitwazzjonijiet li jnisslu tbissim dmugħ u anki jmissu l-qalb, hu ispirat minn avvenimenti veri li għadda minnhom id-direttur/kittieb Sean Anders. Dan ix-xogħol juri li familja tista' tingħaqad minn kull naħa, waqt li tperreċ fil-beraħ iċ-ċans li tfal li huma anqas ixxurtjati jew abbandunati jew orfni jista' jkollhom li jitrabbew f'ambjent familjari u tajjeb. Film li verament jagħtik sodisfazzjon!

The 12th Man

Atturi Ewlenin: Thomas Gullestad; Jonathan Rhys Meyers; Marie Blokhus; Mads Sjogard Pettersen;; Kim Joran Olsen.

Direttur: Harald Zwart.

Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas.

Tul: 135 min.

Ċert. 15.

 L-avvenimenti straordinarji jew inkredibbli li jiġru huma stejjer veri tal-istorja. Din l-istqarrija narawha fil-bidu tal-film Norveġiż The 12th Man (li hu bis-sotto-titoli) u li jirrakkonta ġrajja li seħħet fin-Norveġja fl-1943, fit-Tieni Gwerra Dinjija. 12-il ġellied tar-Reżistenza Norveġiża, imħarrġa f'Londra, jitilqu mill-gżejjer Shetland fuq dgħajsa tas-sajd mimlija ġelatina, jaqsmu l-Baħar ta' Fuq, biex jikkommettu atti ta' sabutaġġi kontra faċilitajiet militari Ġermaniżi. Dawn ikunu traduti minn wieħed ta' pajjiżhom li jissimpatizza man-Nazzisti li jisparaw fuqhom. Huma jisplodu d-dgħajsa, wieħed minnhom jinqatel fil-post u għaxra li jkunu fl-ilma jinqabdu, xi wħud ittorturati u wara jinqatlu kollha. It-tnax-il wieħed, Jan Baalsrud (Gullestad), jirnexxielu jiskappa għalkemm ferut f'saqajh, jistaħba, jgħum fl-ilma ffrizat tal-Fjord li suppost ħadd ma jistaportih, ikun mgħejjun minn diversi nies fi triqtu u, fl-aħħar, aktar mejjet milli ħaj, wara sagrifiċċji u diffikultajiet enormi f'kesħa tremenda, jirnexxielu jsalva lejn l-Iżvezja. The 12th Man jiżvolġi qisu djarju fil-ħarba spettakulari ta' Baalsrud li ddum aktar minn xahrejn f'kundizzjonijiet terribbli. It-tema prinċipali hija l-logħba tal-qattus u ġurdien jew il-pika antagonista bejn Baalsrud u Sturmbannfuhrer Kurt Stage (Ryhs Meyers) ossessjonat li joqtlu akkost ta' kollox. Il-kuraġġ u r-rieda soda ta' dan il-ġellied tar-Reżistenza, li jara l-mewt kważi ċerta ma' wiċċu bosta drabi, ifakkar f'films bħal The Revenant u Man In The Wilderness .  The 12th Man hu film mexxej, xi ftit imtawwal lejn il-final, epiku ta' sura u stil ieħor.

The Lego Movie 2.

Vuċijiet Ewlenin: Chris Pratt; Elizabeth Banks; Will Arnett; Alison Brie; Nick Offerman; Charlie Day; Stephanie Beatriz.

Direttur: Mike Mitchell.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 106 min.

Ċert. U

The Lego Movie (2014), film animat dwar dawk il-kreaturi ħelwin Lego li tista' tibni bihom, kien xogħol verament movimentat, gustuż, avventuruż u kkulurit. Emmet (vuċi ta' Pratt), bennej prim għamel lil pajjiż Bricksburg tassew post attraenti u mimli festività kontinwa. The Lego Movie 2, ikompli fejn ħalliet din il-produzzjoni ta' suċċess finanzjarju. Ħames snin wara, mill-ispazju tasal minaċċja ġdida, minn invaduri Lego tal-pjaneta Duplo li jattakkaw lil Bricksburg u jagħmlu ħerba sħiħa mill-belt, Emmet, il-maħbuba tiegħu Lucy (Banks) u Batman (Arnett) kważi l-uniċi ottimisti li baqgħu juru ħerqa kbira li jistgħu jkomplu jgħixu, se jmorru fuq vjaġġ lejn pjaneta mbiegħda biex jaraw kif jistgħu jsalvaw l-univers kollu Lego. Però, din se tkun ħaġa diffiċli meta aljena misterjuża, Sweet Mayhem (Beatriz) taħtaf lil Lucy u lill-ħbieb tagħha biex teħodhom quddiem reġina kattiva. Il-qofol kollu issa waqa' fuq Emmet li jipprova jsalva lil ħbiebu u lil Bricksburg. The Lego Movie 2 hija kummiedja mużikali tassew ferrieħa u mexxejja. Bħal films reali dwar is-supereroj, dan joffri wkoll spettaklu kalejdoskopiku ta' splużjonijiet u bini jiġġarraf. Kollox ma' kollox, it-tfal u l-kbar għandhom jgħaddu sagħtejn neqsin kwart ta' avventuri eċitanti u pjaċevoli flimkien ma' kanzunetti ġodda u tal-widna, ġo sequel li jikkumpara u anki jikkumplimenta lil dak ta' ħames snin ilu.

More in Divertiment