Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Tliet films mill-aqwa għal din il-ġimgħa, fosthom ir-ritorn ta' Robin Hood b'xi ftit ta' differenza

Robin Hood

Atturi Ewlenin: Taron Egerton; Eve Hewson; Jamie Foxx; Ben Mendelsohn; Jamie Dornan; F. Murray Abraham.

Direttur: Otto Bathurst.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 116 min.

Ċert. P.G.

Robin Hood, li aktarx hu l-aktar karattru maħbub fil-folklor Ingliż, qed jerġa' jagħmel id-dehra tiegħu fuq il-liżar il-kbir fi produzzjoni spettakulari, mimlija azzjoni, b'effetti viżwali speċjali ġġenerati bil-kompjuter. Fl-2010, id-direttur Ridley Scott ippreżentalna Robin Hood, bl-attur Russell Crowe dwar l-oriġini ta' dan l-eroj/ruffjan sakemm sar maħrub mil-liġi. Il-produzzjoni ġdida Robin Hood timxi fuq l-istess linji, b'Robin of Loxley (Egerton) ikun imsejjaħ mix-Sheriff ta' Nottingham biex iservi fit-Tielet Kruċjata kontra l-Misilmin. Wara erba' snin, meta jerġa' lura jsib id-dar tiegħu abbandunata u konfiskata mil-liġi. Billi fi żmienu bdew isiru ħafna inġustizzji, l-aktar kontra ċ-ċittadini fqar hu, flimkien ma' kmandant Musulman (Foxx), li miegħu fl-Art Imqaddsa kellu taqtigħa ħarxa, jibdew irvell kontra t-tiranni li jaħkmu pajjiżu. Naturalment, Maid Marian (Hewson) li fil-films riċenti saret ukoll gwerriera, tati s-sehem tagħha wkoll f'din ir-rewwixta, barra xi episodji mħarrkin romantiċi flimkien. Robin Hood il-ġdid jiffoka ħafna fuq battalji ħorox, spluzzjonijiet, sparar mgħaġġel bil-qaws u l-vleggeg, taqtieghat bix-xwabel u qbiż mill-għoli minn fuq kastelli tal-perjodu. Fl-esaġerazzjonijiet li fih, f'waħda mill-battalji mal-Musulmani, dawn ikollhom apparat qisu machine gun li jispara numru kbir ta' vleġeġ b'ħeffa tremenda. Wieħed akkanit malajr jinduna li dan ix-xogħol fih ħafna referenzi għal diversi films ta' azzjoni tal-passat, fosthom American Sniper. Il-lokalitajiet ta' Dubrovnik fil-Kroazja u dawk ta' Franza jindikaw ambjent pittoresk bħal tal-Medju Evu. Dan il-produzzjoni tipprovdi divertiment allegruż.

Ralph Breaks the Internet.

Vuċijiet Ewlenin: John C. Reilly; Sarah Silverman; Jane Lynch; Jack McBrayer; Gal Gadot.

Diretturi: Phil Johnson u Rich Moore.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 112 min.

Ċert. U

L-ippersonat u goff Wreck-It Ralph, però ta' qalb tajba u ċ-ċkejkna, ħelwa, indipendenti u li taf xi tgħid, Vanellope von Schweetz, qed jerġgħu jidhru fis-sequel Ralph Breaks The Internet . Billi l-logħba video Sugar Rush , magħmula minn Vanellope (vuċi ta' Sarah Silverman) tiġrilha l-ħsara, hi u Ralph (Reilly) ikollhom jivvjaġġaw fl-internet biex ifittxu biċċa apparat ġdida. Biex ikunu jistgħu jinnavigaw triqithom ikollhom bilfors jitolbu l-għajnuna taċ-ċittadini tal-internet, il-Netizens. B'hekk jgħaddu minn ħafna avventuri fantastiċi, ambjenti differenti, kostumi waqt li jiltaqgħu ma' ħafna karattri rinomati mill-films ta' Disney, fosthom il-prinċipessi kollha minn Snow White sa Anne, l-Prinċipessa ta' Arendelle fi Frozen , il-Muppets, l-esseri ta' Star Wars u diversi personaġġi tal-Marvel Comics, fosthom ukoll Stan Lee, wieħed mill-kreaturi tagħhom li miet m'ilux ta' 95 sena. Ralph Breaks The Internet ikompli jżid fuq id-dinja spettakulari ta' Tron , b'andament ezileranti, bini mponenti ta' skyscrapers u ambjent tassew ikkulurit b'wesgħat ta' spazju fond. Dan hu film li jmiss ġeneri ta' avventuri gwappi, fantasija divertenti, kummiedja u anki xjenza fittizja u xorta jibqa' addattat għat-tfal u l-familji. Fuq kollox, din il-produzzjoni rimarkabbli tappella sewwa ukoll għall-adulti ta' kull età. Tassew espererjenza kommoventi!

Slaughterhouse Rulez.

Atturi Ewlenin:  Finn Cole;  Asa Butterfield;  Hermione Corfield; Michael Sheen;  Nick Frost;  Simon Pegg.

Direttur:  Caspian Mills.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul:  104 min

 Ċert. 15

Film li fih huma involuti Simon Pegg u Nick Frost, barra l-irwol ta' atturi hawn anki bħala produtturi eżekuttivi flimkien ma' oħrajn, aktarx wieħed jobsor li se jkun xi ġennata umoristika, ġieli bi ħjiel ta' biża'. Slaughterhouse Rulez infatti, jikkombina dawn it-tnejn b'mod l-aktar fjakk, nieqes mill-umoriżmu u mimli biċċerija sħiħa bla bżonn. Slaughterhouse School, stabbilita fl-1770, hija skola Brittanika li fiha dejjem attendew dawk privileġġjati. Hemmhekk, l-istudenti suppost jitgħallmu u jitħarrġu biex jaġixxu b'arja żejda, poter u qawwa. Don Wallace (Cole) li ġej minn familja modesta se jsibha diffiċli jinnaviga regoli antikwati u ritwali oħra eċċentrici, immexxija b'awtorità mill-istudenti tas-sitt klassi. Kollox se jitbiddel meta fil-foresta tal-qrib, kumpanija tibda tħaffer, tikkawża theżżiż tal-art li anki tisfronda u minn toqba kbira tibda ħierġa riħa tintenn. Dan se jkun il-bidu ta' terrur li se jitferrex għal ġol-iskola u se jħarrbat l-ordni stretta li teżisti. Ikun Don, flimkien ma' sħabu Willoughby (Butterfield) u Clennie (Corfield), l-isbaħ tfajla tal-iskola mixtieqa minn kulħadd, li jistgħu jsalvaw il-post wara l-massakru li jseħħ. Slaughterhouse Rulez hija kummiedja sfrenata, b'eċċessi ta' dmija iżda b'nuqqas ta' qtajja'!

More in Divertiment