Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Erba' films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Jekk int dilettant tal-films din il-ġimgħa għandek xalata fiċ-ċinema

Carmel Bonnici / 13 t'Awwissu 2018 13:00
THE MEG

Atturi ewlenin:  Jason Statham,  Li Bingbing,  Rainn Wilson,  Ruby Rose,  Winston Chao,  Olafur Darri Olafsson.

Direttur:  Jon Turtletaub.

Maħruġ minn KRS Releasing.  113 min.  Ċert. 12A

Għalkemm m’iniex ċert mija fil-mija, għandi ħjiel qawwi li meta l-awtur Steve Alten kiteb il-besteller tiegħu ‘The Meg’, b’xi mod kien ispirat minn 3 kotba: ‘Jaws’ [1975] ta' Peter Benchley; ‘Moby Dick’ [1956] ta' Herman Melville, u dak ta' Michael Crichton tal-1993, ‘Jurassic Park’. Sekwenzi żgħar fil-verżjoni ċinematografika ta’ ‘The Meg’ jimitaw lil ‘Jaws’, xatt fi gżira Ċiniża fejn kelb il-baħar preistoriku [‘Jurassic Park’] jattakka lill-għawwiema, u l-protagonist, bħall-Kaptan Ahab [‘Moby Dick’] jiffissa li joqtlu. It-titlu ‘The Meg’ huwa fil-qosor għal Megalodon, kelb il-baħar ta’ madwar 75 pied li kien jgħix fl-ibħra tad-dinja xi żewġ miljun sena ilu. Jonas Taylor [Statham], li jsalva persuni li jkunu fil-periklu f’qiegħ il-baħar, ħalla dan ix-xogħol warajh u sar akoħoliku, wara li ġie ffaċċjat minn bhima enormi taħt l-ilma. Waqt li ħadd ma emmnu, issa sar jibża’. Meta sottomarin attrezzat bl-aqwa teknoloġija moderna sabiex josserva l-ħajja fil-fond tal-oċean jispiċċa attakkat minn kreatura ġganteska, u minħabba f’hekk ma jkunx jista’ jitla’ f’wiċċ l-ilma, bl-ekwipaġġ maqbud ġo fih, dawk konnessi jmorru jfittxuh. Suyin [Bingbing], it-tifla attraenti ta’ Dr Zhang [Chao], espert Ċiniż fl-oċeani, issostni li waħedha kapaċi teħles lil dawk itturufnati fil-qiegħ tal-Oċean Paċifiku. Madanakollu, il-kelb il-baħar ta’ kobor enormi u suppost estint, irid ikun l-isforz ta’ dawn it-tnejn sabiex din il-missjoni forsi tirnexxi. Il-Megalodon jinsab għatxan għall-ikel, u se jattakka mhux biss għawwiema, iżda wkoll opri tal-baħar ta’ daqs moderat. ‘The Meg’ hu thriller eżileranti tax-xjenza fittizja mimli eċitament, azzjoni, divertiment u xi ftit umoriżmu wkoll. Addattat ħafna għal dan l-istaġun!

HOTEL ARTEMIS

Atturi ewlenin:  Jodie Foster,  Sterling K. Brown,  Sofia Boutella,  Jeff Goldblum,  Charlie Day,  Dave Bautista.

Direttur:  Aron Pearce.

Maħruġ minn KRS Releasing.  94 min.  Ċert.  15

Issa ilna żmien mhux ħażin naraw produzzjonijiet dwar dinja distopika, b’atmosfera kerha ta’ ġlied u qerda ma’ kullimkien. Minkejja li fih dawn l-elementi, ‘Hotel Artemis’ jaqbad vija oħra li għal ħafna ħin teħodna ’l bogħod minn dawn is-sitwazzjonijiet ta’ għajb. L-irvelli f’lejl tas-sena futura tal-2028 fin-naħa t’isfel ta’ Los Angeles tassew irrankaw b’qawwa, tant li t-triqat maġġuri huma kważi imbarrati. Il-protesti qegħdin isiru minħabba li ċ-ċittadini jridu ilma tax-xorb nadif. Il-pulizija, armati sa snienhom u lebsin għall-okkażjoni, qegħdin isawtu bl-aħrax lil dawk miżbugħin għall-ġlied b’żebgħa blu. F’dan il-kaos kollu, erba’ individwi lebsin maskra, u li ppruvaw jisirqu bank mingħajr suċċess, jinqabdu f’nofs il-folla sa ma jindarbu mill-pulizija. It-tama li jeħilsuha hija li jmorru fil-lukanda Artemis, fejn waħda mara, magħrufa bħala The Nurse ­[Foster], ilha tmexxi dan il-post għal 22 sena. Flimkien mal-assistent tagħha, Everest [Bautista], jieħdu ħsieb jikkuraw membri li huma kriminali b’teknoloġija avvanzata. Fil-lukanda hemm Nice [Boutella], assassina Franċiża u negozjanta tal-armi. The Nurse tkun avżata li s-sid kriminali tal-post [Goldblum] ġej hemm sabiex jiddewwa flimkien mat-tifel żbukkat tiegħu, Crosby [Zachary Quinto].  Barra minn hekk, pulizija midrub jiddaħħal hemm kontra r-regoli tal-post.  Dan kollu se joħloq sitwazzjoni li jkun fadlilha ftit sabiex tisplodi.  ‘Hotel Artemis’ hu kkargat b'atmosfera tetra ta' eċitament kontinwu, b'kuluri skuri, azzjoni spinta kumbattiva u tmiem li aktarx inissel sequel.

TEEN TITANS GO! TO THE MOVIES

Vuċijiet ewlenin:  Greg Cipes,  Scott Menville,  Khary Payton,  Tara Strong,  Hynden Walch.

Diretturi:  Peter Rida Michail u Aaron Horvarth.

Maħruġ minn KRS Releasing.  84 min.  Ċert.  PG.

It-tfal ċkejknin ukoll għandhom l-idoli supereroj tagħhom - dawn huma Teen Titans, ħames żgħażagħ egoċentriċi, mimlijin bihom infushom u li qed jilagħbuha ta' supereroj filwaqt li jidhru fl-ewwel film tagħhom;  ‘Teen Titans Go! To The Movies’, u li diġà għamlu suċċess fuq it-televiżjoni fil-programm ta' Cartoon Network.  Tant il-fama qed titla' għal rashom li, bħas-supereroj l-oħra magħrufin ta' DC Comics: Superman, Batman u Wonder Woman, iridu jsibu direttur rinomat ta' Hollywood li jinnutahom.  B'xi ideat eċċentriċi u anki xi kanzunetti, imorru lejn il-belt tal-films fejn il-mexxej tagħhom, Robin, jixtieq isir stilla ta' Hollywood, u mhux jibqa' biss wieħed minn tal-grupp. Ingannati minn Super Viljakk li ghandu pjan biex jakkwista d-dinja taħt idejh, dan it-tim, kompost minn Beast Boy, Cyborg, Raven, Starfire u Robin, jirrealizzaw li l-ħbiberija ta' bejniethom, flimkien mal-ispirtu ta' kumbattiment, qed jonqsu.  Robin u l-kumpanija tiegħu se jissagrifikaw l-ambizzjoni li għandhom fuqhom sabiex isalvaw ’l-umanità!  Għandhom jiftakfru wkoll li ż-żgħar tad-dinja kollha diġà daħħluhom f'qalbhom. ‘Teen Titans Go! To The Movies’ hu xogħol animat dwar ħames individwi ċkejknin pjuttost stupidi u moħħ ir-riħ li jridu jilagħbuha ta' qalbenin sabiex ikollhom il-film tagħhom waqt li okkażjoni propizja taqa' fuqhom sabiex tassew jaġixxu ta' supereroj u jagħtu gost lill-familji kollha.

A PRAYER BEFORE DAWN

Atturi Ewlenin:  Joe Cole,  Vithaya Pansrigram, Pornchanok Mabklang,  Billy Moore.

Direttur:  Jean-Stephane Sauvaire.

Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas.  Ċert. 18.

L-istorja vera li tqanqal ta' Billy Moore nistgħu b'xi mod inqabbluha ma' dik, ukoll awtentika, ta' Billy Hayes [il-protagonist ta' ‘Midnight Express’ [1978], u forsi l-aħjar film li qatt inħadem hawn Malta, minbarra ‘Gladiator’].  Minħabba l-vizzju tad-drogi, Moore [Cole] isib ruħu f’infern sħiħ  f'ħabs mill-agħar ġot-Tajlandja, fejn jabitaw kull xorta ta' kriminali, fejn l-ebda liġi ma teżisti, ħlief li min hu l-aqwa jirrenja, u fejn ikollu jorqod f'dormitorji ppakkjati bħas-sardin b'numru kbir ta' kalzrati.  Billy Moore, boxer dilettant minn Liverpool, ikun arrestat fuq pussess ta' drogi.  Ġol-ħabs li jsib ruħu fih, u fejn hu biss ikun barrani mingħajr ma jaf il-lingwa, jiddeċiedi li sabiex ikollu ċans li jeħles minn dan l-abbiss, hemm bżonn li jwarrab dan il-vizzju u jitgħallem jiġġieled il-kick-boxing f'kompetizzjonijiet tal-Muai Thai, filwaqt li jirrappreżenta ’l-ħabs. ‘A Prayer Before Dawn’ huwa film intens, mimli vjolenza u brutalitajiet oħra, sodomija u ġlidiet ta' furja gwappa li jfakkru fil-films ta' Jean-Claude Van Damme.  Dan hu xogħol iffullat b'karattri li jnisslu stmellija, kollha tpinġija, iġsma mimlija għaraq u tbatijiet oħrajn li wieħed isib f'ħabsijiet primittivi ta' din il-kwalita'.  Din il-produzzjoni hija bbażata fuq il-memorji ta' Billy Moore stess, li hawn jidher f'parti ċkejkna bħala l-missier tal-attur li jaħdem il-parti tiegħu.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook