Christabelle se jkollha tegħleb il-previżjonijiet biex Taboo tasal sas-Sibt

Mill-filmati tar-rehearsals li saru sa issa, ftit li xejn jibqa' dubju li Christabelle se tkun qed tagħti prestazzjoni mill-isbaħ

Illejla Malta, permezz tal-kanzunetta Taboo, kantata minn Christabelle, se tkun qed tieħu sehem fit-tieni semifinali tal-Eurovision.

Mill-filmati tar-rehearsals li saru sa issa, ftit li xejn jibqa' dubju li Christabelle se tkun qed tagħti prestazzjoni mill-isbaħ.

Takkumpanja lil Christabelle fuq il-palk se jkun hemm żeffiena li se tissimbolizza "t-taboo" li teżisti dwar is-saħħa mentali u li Christabelle, bil-messaġġ sabiħ u importanti tad-diska tagħha, trid tkisser.

Dan apparti l-viżwal u anke logħob bin-nar li jikkumplimenta d-diska u l-messaġġ tagħha.

Iżda minkejja dan kollu, il-previżjonijiet ma tantx huma favur Malta.

F'diversi siti differenti, skont dawk li qed jilagħbu l-flus dwar kif se jmorru l-kanzunetti, Malta mhux qed tikkwalifika mal-għaxar kanzunetti li jridu jintagħżlu llejla.

Jekk jiġri hekk din tkun it-tieni sena konsekuttiva li fiha Malta ma tkunx ikkwalifikat, wara li s-sena l-oħra, fi Kiev, Claudio Faniello ma kinitx għaddiet mis-semifinali. Fis-sena ta' qabel, Ira Losco għaddiet u fil-finali kienet ikkwalifikat fit-12-il post.

Jekk ngħaddu għall-finali, xorta waħda l-previżjonijiet mhux daqstant sbieħ. Malta qed tikkwalifika, bejn wieħed u ieħor, fit-28 post, b'sitt pajjiżi biss warajha.

Intant, fl-aħħar jiem, il-kanzunetta Ċiprijotta qabżet dik tal-Iżrael bħala l-favorita li tirbaħ il-konkors ta' din is-sena.

In-Norveġja hija l-favorita tas-semifinali tal-lejla. Din il-kanzunetta hija kantata minn Alexander Rybak li rebaħ il-Eurovision fl-2009.

Fis-semifinali tal-lejla, se tkun qed tieħu sehem ukoll il-kantanta Maltija Jessica li se tkun qed tirrapreżenta lis-San Marino. Lanqas San Marino mhu mistenni jikkwalifika.

Jiġri x'jiġri, Malta tibqa' kburija bi Christabelle u l-messaġġ tad-diska tagħha jibqa' dejjem rilevanti.

More in Divertiment