Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Films ġodda fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Ħarsa lejn tliet films li se jibdew jintwerew fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 7 t'Awwissu 2017 14:19
Girls Trip

Atturi Ewlenin: Regina Hall; Queen Latifah; Jada Pinkett Smith; Tiffany Haddish; Larenz Tate; Mike Colter.

Direttur: Malcolm D. Lee

Maħruġ minn: KRS Releasing

Tul: 122 min

Ċert: 15

Xenarju li spiss narawh fiċ-ċinema tul dawn l-aħħar tletin sena jew aktar hu dwar xi vjaġġ bejn il-ħbieb li ilhom ma jiltaqgħu biex jerġgħu jiskopru lilhom infushom jew ifittxu orizzonti ġodda. Erba’ nisa Afro-Amerikani, Ryan Pierce [Hall], Sasha Franklyn [Latifah], Lisa Cooper [Pinkett Smiih] u Diva [Haddish], ħbieb tal-qalb sa mit-tfulija, jiddeċiedu li jiżgiċċaw għall-ftit mill-ħajja ordinarja li qed jgħixu fil-preżent u jmorru fi New Orleans għall-festival annwali Essence Music Festival.  ‘Girls Trip’ jirrakkonta dan il-ħarġa minn storja ta' Kenya Barris u Tracy Oliver, li bbażaw l-iskript minn fuq l-esperjenzi li għaddew minnhom dawn iż-żewġ nisa u l-ħbieb femminili tagħhom. Il-ħbiberija ta' qabel bejn dawn l-erba' terġa' tirranka bil-kbir, fejn Diva, l-iżgħar minnhom kollha u l-aktar waħda fuq ruħha, bl-eżempji spinti li tagħti tqajjem lill-oħrajn għal xalar qawwi speċjalment waqt il-karnival kaotiku ta' New Orleans, b'riċevimenti li jdumu sa tard bil-lejl, b'relazzjonijiet ma' rġiel attraenti u anki b'deċiżjonijiet li jirriżultaw mhux tajbin. Din l-attività kollha aktar tħeġġeġ fil-fond il-ħbiberija ta' qabel. Minkejja xi sitwazzjonijiet li xejn mhuma oriġinali, ‘Girls Trip’ mill-bqija hi kummiedja ta' livell aħjar minn tas-soltu għal dan il-ġeneru, b'interpretazzjonijiet qawwija tal-erbat iħbieb li brillantement jeċċellu bejniethom.

 

The Emoji Movie

Vucijiet Ewlenin: T.J. Miller; Anna Faris; Selena Gomez

Direttur: Tony Leondis

Maħruġ minn: KRS Releasing

Tul: 86 min

Ċert: U

Il-film klassiku ‘Fantastic Voyage’ [1966] jirrakkonta kif xi tobba ċkienu daqs għajn ta' labra biex jidħlu ġol-ġisem ta' xjentist famuż li jinsab f'koma fuq vjaġġ tal-għaġeb ħalli joperawh. Fi ‘Tron’ [1982] il-protagonist jinbala' ġo kompjuter u hemm ġew ikollu jiġġieled għal ħajtu f'logħba perikoluża. Il-film ġdid animat ‘The Emoji Movie’ jseħħ kollu ġewwa ‘smartphone’, f'Textopolis, dinja abitata minn ‘emoji’ varji. Dawn huma simboli ħelwin tal-grammatika [punctuation marks]. użati għall-kompjuter li oriġinaw fil-Ġappun aktar minn tletin sena ilu. F'dan il-post ta' attività kontinwa, kultant kaotika, kull karattru jew emoji għandu biss emozzjoni waħda tul l-eżistenza tiegħu - min jidħak u jxerred dmugħ ta' ferħ, min jibki, eċċ. Gene hu differenti mill-oħrajn u jistħi juri li kapaċi juża wiċċu għal ħafna emozzjonijiet differenti. Minħabba f'hekk, jimbarka fuq attività biex ikun bħall-oħrajn. ‘The Emoji Movie’ hi produzzjoni mfawra b'azzjoni mħarrka, tassew ikkulurita li għandha tagħti pjaċir sodisfaċenti lill-familja kollha. Kwantità kbira ta' emojis differenti jidhru f'dan ix-xogħol, fosthom anki figura żeffiena tal-flamenco. Minkejja li dawn iċ-ċkejknin juru emozzjoni waħda, xorta huma ħelwin u li għandhom isiru maħbuba mit-tfal.

 

The Big Sick

Atturi Ewlenin: Kumail Nanjiani; Zoe Kazan; Holly Hunter; Ray Romano; Adeel Aktar; Anupak Kher

Direttur: Michael Showalter

Maħruġ minn: KRS Releasing

Tul: 119 min

Ċert: 12

‘The Big Sick’, kummiedja romantika b'sekwenzi melodrammatici, jirrakkonta r-relazzjoni inter-razzjali ta' koppja li jkollhom spiss jieħdu konsiderazzjoni tad-differenzi u klaxx ta' kulturi li spiss ifiġġu bejniethom. Dan il-film hu bbażat minn fuq il-ħajja romantika ta' Kumail Nanjiani u Emily V. Gordon [Kazan]. Infatti, Nanjiani stess li hu Musulman Pakistani, kiteb l-iskrinplej ta' dan ix-xogħol flimkien ma' martu Gordon. Kumail huwa ‘stand-up comedian’ f'Chicago u qed jinsisti li jirnexxi f'dan ix-xogħol. Fil-ħin liberu tiegħu jsuq taxi ma' kumpanija.  Meta l-familja tiegħu jippruvaw bosta drabi jlaqqgħuh ma' nisa Pakistani għaż-żwieġ, biex iżommu t-tradizzjoni, hu jirribella għax ma jridx li ħaddieħor jiddeffes fil-ħajja personali tiegħu. Waqt li minn fuq il-palk ikun idaħħak lill-parruċċani, Emily, tfajla grazzjuża u spirituża, tinterrompih. Wara li jlesti, jibdew jiltaqgħu flimkien sakemm hi tiskopri kaxxa bir-ritratti tan-nisa Pakistani li l-ġenituri tiegħu riedu jqabbduh magħhom. Emily malajr taqta' din ir-relazzjoni u ftit wara timrad b'marda serja. Meta hi tkun f'koma, Kumail xorta kien spiss imur ħdejha l-isptar. Hu jgħid lil tal-familja b'dan u huma jaqtgħu kull kuntatt miegħu. Tgħid Emily, meta tfiq se taħfirlu u tkompli miegħu? ‘The Big Sick’ hija kummiedja friska, oriġinali, ikkalkulata u pertinenti ħafna li ntlaqgħet b'suċċess fil-festival tal-films ta' Sundance Institute.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook