Films ġodda din il-ġimgħa

Films ġodda fis-swali taċ-ċinema lokali din il-ġimgħa

Cars  3

Vuċijiet Ewlenin:  Owen Wilson;  Cristela Alonso;  Armie Hammer;  Kerry Washington;  Nathan Fillion

Direttur:  Brian Fee

Maħruġ minn: KRS Releasing

Tul: 109 min. 

Ċert.: U

Id-dinja animata ta' karozzi ta' kull għamla, qies u kulur tal-kumpanija Pixar Studios, terġa' tieħu l-ħajja f'‘Cars 3’.  Lightning McQueen [vuċi ta' Owen Wilson], il-karozza tat-tiġrija dejjem żgura minnha nnifisha u determinata li tibqa' tirbaħ, se tiltaqa' ma' kompetizzjoni iebsa.  Din il-karozza ‘Piston-Cup’, rebbieħa ta' ħafna kompetizzjonijiet se ssib ruħha mħollija barra minn dan l-isport li tant tħobb.  Fix-xena daħlu karozzi aktar ħfief u iżgħar u issa, wara għaxar snin ma tistax tlaħħaq ma' dawn l-inġenji moderni.  Bl-umiltà kollha, Lightning McQueen ikollu jbaxxi rasu u jieħu taħriġ speċjali u innovattiv mingħand Cruz Ramirez [Alonso], li hija entużjasta, soda u appassjonata fuq il-karozzi tal-ġiri.  Wara dawn is-snin kollha, il-karozza bin-numru 95 għad għandha r-rieda li ttellaq u turi x'taf basta toqgħod attenta għall-pariri siewja mogħtija lilha.  ‘Cars 3’ jagħti omaġġ qawwi lil dan l-isport popolari, b'xenarju prominenti u kkulurit u tlielaq ta' karozzi għaddejjin b'ħeffa kbira.  Minkejja li hu xogħol animat, il-produtturi ħadu ideat konkreti minn sewwieqa veterani ta' NASCAR li saru champions biex tassew jippreżentaw xogħol reali kemm jista' jkun.

The  Beguiled

Atturi Ewlenin:  Colin Farrell;  Nicole Kidman;  Kirsten Dunst;  Elle Fanning

Direttrici:  Sofia Coppola

Maħruġ minn: KRS Releasing

Tul:  94 min. 

Ċert.:  15

It-tema ta' ħames tfajliet aħwa, iżolati u msakkrin ġo darhom minn ommhom u missierhom wara suwiċidju fil-familja u wara li xi ġuvintur tal-qrib ħadu grazzja magħhom f'‘The Virgin Suicides’ [2000], tidher li impressjonat lid-direttriċi Sofia Coppola, it-tifla tar-rinomat Francis [Ford] Coppola. L-istess atmosfera morbida tinfirex matul il-film ‘The Beguiled’, fejn din id-darba mmorru lura fiż-żmien, aktar minn mija u ħamsin sena, ġo skola iżolata ta' ftit bniet. Ġo Virginia, fl-1864, bil-Gwerra Ċivili Amerikana fit-tielet sena tagħha, suldat tal-Union [tal-għadu], ferut jinstab mixħut fl-art qalb is-siġar mhux ’il bogħod minn Akkademja tat-tfajliet. Hu jiddaħħal ġewwa, jiddewwa u jibda jieħu saħħtu.  Malajr, l-atmosfera trankwilla ta' ġewwa tinbidel f'tensjoni sesswali u xewqat ripressivi. Ir-rivalità bejn il-bniet li tinbet, bir-regoli riġidi jinkisru jġibu avvenimenti mhux mistennija.  ‘The Beguiled’ hu kważi ‘remake’ awtentiku tal-film tal-1971, bl-attur Clint Eastwood u b'direzzjoni qawwija u diretta ta' Don Siegel. Fortunatament, Sofia Coppola tat lostru eċċezzjonali lil dan it-thriller psikoloġiku invadut bl-atmosfera Gotika tas-Sud u b'mużika li tnissel biża' tal-grupp Phoenix.  Ma tkunx xi ħaġa straordinarja li għall-quddiem Coppola tħares lejn ix-xogħol klassiku u kult Awstraljan, ‘Picnic At Hanging Rock’ [1975]!

More in Divertiment