Films ġodda għal din il-ġimgħa

Ara x'inhuma dawk il-films li se jkunu qed joħorġu fis-swali taċ-ċinema l-ewwel darba din il-ġimgħa

The Mummy

Atturi Ewlenin: Tom Cruise; Sofia Boutella; Annabelle Wallis; Jake Johnson; Courtney B. Vance; Russell Crowe

Direttur: Alex Kurtzman

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 107 min

Ċert: 15

L-Eġittu tal-qedem, id-dinastija tal-Farawni bid-drawwiet u kulturi mistici u strambi tagħhom, minn żmien bikri Interessaw lil Hollywood. Id-drawwa tagħhom li kienu jidilku bil-balzmu l-ġisem ta' xi persuna rjali li tmut u jkeffnuh bil-faxex u anki jidfnu miegħu xi oġġetti prezzjużi u ikel għax kienu jemmnu li dan sejjer fuq vjaġġ għal dinja oħra, għall-ħabta tas-snin 1920 ġabet l-attenzjoni ta' diversi spekulaturi. Il-qabar ta' dawn il-mummji fil-piramidi kemm il-darba ġie sgassati u l-oġġetti misruqa. Meta fis-snin għoxrin instab il-qabar ta' Tutankhamen, ġrew xniegħat li hu msaħħar.  B'hekk, nibtet l-idea ta' mummji li wara raqda ta' madwar 3,000 sena jqumu mill-mewt ifittxu vendetta talli ġew ipprofanati. Il-gzuz ta' xogħlijiet dwar il-mummji ħadu xejra oħra, aktar spettakulari u elaborata bl-immaġini ggenerati bil-kompjuter. "The Mummy" il-ġdid, li hu ispirat mill-film tal-istess isem tal-1932, jittratta l-prinċipessa Ahmanet [Boutella] li fil-prologu toqtol lill-familja tagħha biex issir reġina, iżda tinqabad u tindifen ħajja b'dud li jieklu l-iġsma umani.  Fil-preżent, Nick Morton [Cruise], suldat opportun li qed jiġġieled fl-Iraq, b'kumbinazzjoni jitkixxef fuq il-qabar tagħha u jesporta l-kadavru tagħha.  Organizzazzjoni sigrieta, Prodigum, tieħu lil din il-mummja taħt il-kontroll tagħha.  Ahmanet tqum, issejjaħ il-forzi malinni tal-antik u twettaq ħerba sħiħa u mwiet minn kull fejn tgħaddi f'Londra, b'armata ta' mejtin oħra li reġgħu rxuxtaw permezz tal-forzi soprannaturali tagħha.  "The Mummy" għandu xeħta kolossali, b'sekwenzi ta' qerda totali permezz ta' maltempata ħarxa ta' ramel. b'avvenimenti moderni bħall-attakki fuq monumenti antiki mit-terroristi Iżlamici, fih mumenti ta' azzjoni spinta u anki umoriżmu waqt li jirfes ukoll it-territorju ta' Dr. Jekyll and Mr. Hyde.

 

The Shack

Atturi Ewlenin: Sam Worthington; Radha Mitchell; Octavia Spencer; Alice Braga; Avraham Aviv Alush; Amelie Eve

Direttur: Stuart Hazeldine

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 132 min

Ċert: 12A

‘The Shack’ jagħti l-impressjoni li hu xi film tal-biża' u t-twerwir. Dan il-ħsieb hu ’l bogħod ħafna mir-realtà.  Infatti, ‘The Shack’ hu film solenni, li jirrikjedi konċentrazzjoni u paċenzja kbira u li wieħed irid ikun ippreparat sewwa għalih. Din il-produzzjoni bbażata minn fuq il-ktieb popolari ta' William P. Young, li dam 70 ġimgħa fl-ewwel post tal-lista tal-New York Times Bestsellers, hija dwar vjaġġ spiritwali ta' missier li sofra traġedja kbira fil-familja u qed ibati minn kriżi ta' fidi. Il-ħajja għal Mackenzie Phillips [Worthington] tidher li hi perfetta - tlitt itfal tassew ubbidjenti, mara sabiħa u ddedikata u dar komda,  Din il-familja tieħu sehem attiv fl-attivitajiet tal-knisja tal-lokal. Meta jmorru "camping" bil-lejl f'reġjun rustiku ta' sbuħija naturali, kulħadd jidher li qed jieħu pjaċir immens.  Meta l-mimmi ta' għajnejh, it-tifla ċ-ċkejkna Missy [Eve] tinħataf u ġisimha qatt ma jinstab, Mackenzie jaqa' f'dipressjoni kbira ħafna u jibda jiddubita minn dak kollu li qabel kien jemmen.  Waqt li jkun jinsab fl-eqqel dlaminijiet tal-menti tiegħu, jirċievi ittra biex imur f'girna mwarrba u mġarrfa fl-imwarrab profond ta' Oregon.  F'dan il-vjaġġ tiegħu hu se jiltaqa' ma' tliet stranġieri li bis-saħħa tagħhom se jsib veritajiet importanti li se jittrasformawlu l-mod kif kien qed jinterpreta din it-traġedja. Forsi dawn huma messagġiera mibgħuta mis-sema! ‘The Shack’ hu film li jassorbik, iħallik emozzjonalment bla saħħa, jiżvolġi fuq pjan estetiku u mitiku, però li fl-aħħar inissel tama. Sam Worthington li diġà kkonvinċa f'partijiet simili melodrammatici għandu l-fattizji ta' persuntu u speċjalment wiċċu tassew addattati u hawn jissupera lilu nnifsu.

Dough

Atturi Ewlenin: Jonathan Pryce; Jerome Holder; Pauline Collins; Natasha Gordon; Ian Hart; Phil Davis

Direttur: John Goldschmidt

Mahrug minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas

Tul: 90 min

Ċert: 15

‘Dough’ kummiedja b'umoriżmu ħelu, produzzjoni mill-Gran Brittanja, tiżvolġi bħala ħrafa divertenti għall-addolexxenti minħabba n-negozju tal-marijuana. Nat Dayan [Pryce], furnar Lhudi anzjan hu s-sid ta' ħanut tal-pasti u l-ħobż. Meta l-assistent tiegħu jitlaqlu, is-seftura Afrikana [Gordon] li tnaddaflu l-ħanut tintroducilu lil binha Ayyash [Holder], adolexxent.  Dan Ayyash, flimkien ma' żewġ sħabu oħra, tassew moħħ ir-riħ, jbigħ il-ħaxixa bil-moħbi. Meta jkun waħdu jaħdem fil-ħanut u jidħlu żewġ pulizija, it-tfajjel bl-għaġġla jwaqqa' l-marijuana fil-magna tal-għaġina. B'sorpriża, il-parruċċani jogħġobhom il-ħobż u kulħadd jibda ġej għall-aktar. Minn hawn ’il quddiem ‘Dough’ ikompli fuq stil mexxej u sfrenat, f'xi waqtiet anki ftit banali. Mill-banda l-oħra, din il-produzzjoni tippriedka tolleranza u paċi f'affarijiet reliġjużi, etniċi u fejn teżisti differenza kbira bejn l-istrati tas-soċjetà. Xi daqsxejn vjolenza tinqala' wkoll meta Ayyash ma jkunx jista' jħallas xi dejn ma’ dak li jissupplixxilu d-droga. Tassew jikkumbinaw tajjeb flimkien il-furnar Lhudi u l-assistent Musulman, speċjalment meta separatament jitolbu bil-manjiera diversa tagħhom.

More in Divertiment