rakkont | Noli

“Bumm……bumm…….bummmmm……”

U kien jiġi jfittixna fil-moħba sigrieta tagħna.

“Bumm……bumm……..bummmmmmm…..”

U l-ewwel wieħed li kien ikun isib, kien ikollu joqgħod hu jgħoddhom. Jgħodd in-numri.

“Wieħed…..tnejn…..tlieta…..” Sal-mija.

“Bumm…..bummm……bummmmm…..”

Konna ngħaddu ħinijiet twal nilagħbu.

Jien, Richard u Amy.

Dakinhar, kienet ġurnata pjuttost normali. It-tlieta li aħna konna għaddejjin bil-basktijiet wara daharna. Kienet waħda minn dawk il-ġranet li kont tħoss il-monotonija, fejn is-sħab kien qed jgħatti x-xemx u l-ajru kien xi ftit imsaħħab. Il-lezzjoni tal-matematika ma riedet tgħaddi b’xejn.  Kelli seba’ mitt sena sakemm nasal id-dar u noqgħod nilgħab ftit ma’ Tiku, il-ġeru ċkejken li kien għadu kemm ġabli missieri.

“Hemm imissna nilagħbu noli!”

Għal mument kont ser infaqqa’ daħka minn dawk tiegħi; waħda minn dawk li kienet iġġiegħel lil kulħadd jidħak miegħi.

Iżda xħin ħarist lejn Richard indunajt li ma kienx qiegħed jiċċajta. Kien qalli bis-serjetà.

Għajnejja ltaqgħu ma’ ta’ Amy. Kienet waqfet bilwieqfa tberraq lejh b’għajnejha jleqqu.

“Vera?” kienet għadha kemm qaltlu.

“Ġo din id-dar?” staqsejtu.

Ippruvajt ninstema’ tajjeb. Iżda leħni kien qed jirtogħod bil-biża'.

“Int bis-serjetà? Ġo din id-dar?” ridt ngħidlu. Iżda bla ma għidt xejn iżjed ħarist lejn id-dar u ħassejt għoqla tiela’ fi griżmejja.

Din id-dar. Din id-dar kienet tbeżżagħni.

Kienet dar mitluqa. Il-bibien kollha għanqbut, żebgħa mqaxxra, bil-ħadid quddiem il-ħġieġ imkisser li raw ħafna snin ta’ abbandun. Kienet tidher mibnija fuq żewġ sulari iżda l-bini kien straħ xi ftit. Il-ħaxix ħażin u l-madum imkisser ta’ fuq il-parapett kienu jagħtu arja ta’ telqa kbira. Xħin kont ngħaddi minn quddiemha kont kważi nxomm ir-riħa ta’ moffa.

“Iva nilagħbu noli...noli hemm...” qalet Amy.

Bla ma tawni ċans ngħid li kont qed nibża'... Nibża'? Kont imwerwer. Lanqas flaħt nikellem! Iva, bla ma tawni ċans ngħid li kont qed nibża', kienu qegħdin jippruvaw jiftħu l-bieb!

Għalkemm donnu l-bieb ma kienx imsakkar, billi kien ilu snin twal magħluq, bilkemm setgħu jċaqalquh.

Ħarsu t-tnejn lejja.

Bl-għaraq nieżel minn ma’ moħħi, għamiltilhom iva b’rasi u tajt daqqa ta’ sieq qawwija lill-bieb.

Għalhekk stħajt ngħidilhom li kont qed nibża'. Għax jien kont l-iktar wieħed b’saħħti minnhom, u ejja ngħiduha kif inhi, l-itwal u l-aktar wieħed boċċu wkoll.

Minn ġewwa, għalkemm id-dar kienet abbandunata u qadima, kienet sabiħa u enormi. L-arja ta’ misteru kienet tinħass ma’ kullimkien. Kmamar kbar mimlija għamara antika bl-injam mastizz, tapiti mikulin, gradenzi kbar, inkwadri, linef u kotba mxerrdin mal-art 'l hemm u 'l hawn. Taraġ maestuż, mgħotti b’tapit aħmar mimli trab bil-mogħdija taż-żmien. Il-purtieri tad-dar kienu kollha tad-damask, li għalkemm illum kienu kollha tiżrit u ffejdjati, raw żminijiet sbieħ u kkuluriti.

Dħalna niġru minn kamra għall-oħra, nidħku u nieħdu gost li konna sibna post ġdid. Il-biża li ftit ħin ilu kien kważi pparalizzani, ħassejtu jitlaq kollu, minsi fis-subkonxju ta’ moħħi.

Wasalna f’kamra kbira. Kienet kamra sabiħa u rikka. Fin-nofs kien hemm pjanu kbir.

Għal mument ħassejt bħal donnha żiffa riħ li ħaditni fil-passat. Il-pjanu kważi smajtu jdoqq, il-kamra bdiet tieħu l-ħajja, il-kotba mikulin u mormija donnhom reġgħu ġew ġodda. Ir-riħa qawwija ta’ moffa telqet u d-dwal tal-linef bdew jixgħelu. Xtaqt kważi naqbad niżfen waħdi u nħossni parti minn din id-dar kbira.

“Inti ser tgħodd in-numri!” qalet Amy lil Richard b’leħen eċċitat.

Għal mument ħsibtu ser igerger iżda mill-ħarsa li tagħna, donnu kien aċċetta.

Malli dawwar ħarstu lejn il-ħajt, dawwar idejh ma’ wiċċu u beda jgħodd in-numri, jien u Amy tlaqna niġru bħal buffura riħ ta’ Mejju.

Amy daħlet f’kabinett u jien kont sejjer niġri lejn kamra biswit fejn konna qegħdin. Iżda eżatt malli kont għaddej niġri minn ħdejn it-taraġ, il-kurżità għelbitni u tlajt niġri fis-sular ta’ fuq.

Waqaft.

F’nofs it-taraġ waqaft.

Dort inħares lura.

Donnu...

Donni...

U le... żgur kont qed naħseb ħażin!

Imma qisni rajt dell. Qisni smajt ħoss! Qisni smajt lil xi ħadd jidħak.

“Bumm...bumm...bummmm...”

Inħsadt.

Leħen Richard! Kien diġà ġej ifittixna! U Amy kienet sabet post!

Komplejt niġri 'l fuq sakemm sibt ruħi f’kuridur twil mimli statwi kbar fuq iż-żewġ naħat. Donnhom kienu qegħdin iħarsu kollha lejja biċ-ċiera, mimlijin għanqbut u isetti.

Dħalt f’kamra żgħira u sibt ruħi quddiem armarju kbir.

Hawn żgur kien ser idum biex isibni!

Tbissimt waħdi u dħalt niġri nistaħba f’dan l-armarju mdaqqas u għalaqt il-bieba tiegħu warajja.

“Bumm.......bumm........bummm! Amy qed narak!” beda jgħajjat sieħbi Richard, ftit ħin wara, hekk malli ra toppu ġinġer tax-xagħar ta’ oħtu mistoħbi wara kabinett rikk.

Min jaf ta’ min kienet din id-dar hux?

Ta’ spiss kont noqgħod nistaqsi lili nnifsi. Kull darba li kont ngħaddi minn quddiemha.

F’ħin minnhom, hekk kif kont fl-armarju, dik it-trankwilità adet kontroll ta’ ġismi kollu u ħassejtni rilassat.

Tgħid kien ser idum ma jsibni...? Tgħid kien ser idum...?

Ħassejt ix-xfar t’għajnejja jitqalu u ħallejt għajnejja jingħalqu waħedhom.

Ħallejt għajni tmur bija.

Ħadd ma ġie jgħajjatli. Ħadd ma ġie jsibni.

Silenzju.

Kwiet.

Imbagħad...

Bummmm...bumm...bummm...

Kienu qishom passi telgħin it-taraġ. Ftaħt għajnejja u ħadt nifs twil.

Kont irqadt. Kont irqadt għal ftit.

Bumm....bummmmmm...

Dawk żgur passi kienu.

Stennejt.

Stennejt ftit ieħor.

Stennejt aktar.

Il-passi donnhom waqfu.

Ix-xaqq dawl li kont qed inħares minnu hekk malli kont dħalt fl-armarju ma kienx għadu jidher.

Tgħid kien dalam?

Tgħid kont irqadt għal aktar ħin milli kont ħsibt?

Imbuttajt il-bieba tal-armarju u ħriġt barra fil-kamra.

Il-passi kienu waqfu. Qgħadt għal ftit ħin nissemma’. Kont qed nibża'. Iva, kont qed nibża'. Tgħidlix li kienu ħallewni rieqed hemm u telqu mingħajri?

Allura jekk hekk, dawk il-passi ta’ min kienu?

Ħriġt niġri minn ġol-armarju.

Dlam. Id-dar kienet kollha dlam. Wasalt fil-kuridur. Dlam. Issa l-istatwi bilkemm stajt narahom, iżda peress illi kien hemm tieqa kbira bil-ħġieġ imkisser li kienet qiegħda ċċaqlaq ftit purtiera tal-ħarir maż-żiffa friska li kienet dieħla, stajt nara d-direzzjoni lejn it-taraġ. Kien dalam. Kien dalam sew. Għajr ir-riflessjoni fiddiena tal-qamar dieħla mit-tieqa, kullimkien kien ċappa dlam. U ċappa swied.

Qalbi kienet qiegħda tħabbat mija mija.

“Richard?” għajjatt.

Skiet.

Xejn. Inħsadt b’leħni stess. Lanqas il-passi. Kienu waqfu wkoll.

Kont qiegħed waħdi! Żgur kont qiegħed waħdi!

Imma bilfors kienu għadhom kemm telqu!

Jew kienu qegħdin jilagħbu logħba. Forsi kienu għadhom qed jilagħbu noli.

“Amy?”

Imma jien kont smajt il-passi.

Kont ċert! Iva kont ċert!

Imbagħad dawwart ħarsti u rajt qisu dell. Kien qisu dell wara l-purtiera.

“Amy? Richard?”

B’nofs tbissima tlaqt lejn il-purtiera u ċaqlaqtha.

Ħadd.

Skiet.

Ħassejt nifsi kważi jinqatgħali.

Ma kinux hemm! Kont waħdi!

L-aħħar parti lejn il-bieb tgħidx kif għaddejtha niġri riħ! Ġrejt lejn il-bieb ta’ barra, ġbidtu 'l ġewwa u ġrejt ġirja sħiħa lejn dari.

Hekk malli wasalt ħdejn id-dar rajt karozza tal-pulizija. Tgħid kienu qegħdin jinkwetaw għalija?

Ħabbatt il-bieb. Fetħuli.

“Dominic!” għajtet ommi hekk kif ġiet tgħannaqni. Kważi toħnoqni. “Kemm inkwetajtna!”

“Jien hemm kont...fl-armarju...irqadt! Għax ħallejtuni hemm?” staqsejt lil Amy u Richard li kienu jidhru bilqiegħda inkwetati fuq siġġu mal-mejda.

“Dominic,” bdiet tgħid Amy b’leħen jirtogħod. “Aħna konna qegħdin nilgħabu...”

Dak il-ħin indunajt li kien hemm xi ħaġa mhux f’postha.

“U?” staqsejthom bin-nervi.  Ma stajtx nifhem għalfejn kienu ħallewni hemm waħdi. Waħdi f’dar abbandunata.

“Rajna...rajna...” beda jlaqlaq Richard. Għajnejh kienu mqabbżin.

“X’rajtu...Marija tal-ħniena?” staqsejt.

“Tifel. Tifel ieħor.”

“Tifel?”

“Iva, tifel nieżel jiġri t-taraġ u beda jidħak.”

“Tifel jiġri fil-kmamar u jidħak...imbagħad sparixxa!”

Ħassejt is-suf ta’ dahri, għonqi u saqajja jqum 'l fuq.

“U?” Ħassejtni nibbies. Niffriża.

Kont f’dik id-dar.

F’dik id-dar waħdi.

U l-passi. Tgħid il-passi ta’ min kienu?

“U bżajna u tlaqna.”

“U ħallejtuni hemm.”

“Ġew il-pulizija jfittxuk u ma sabukx......”

“Eeeeee...mela huma kienu! Il-passi tagħhom!”

Ħassejtni nieħu r-ruħ.

“Fittixnik kullimkien, qallibna mad-dar kollha...”

“Imma kelli moħba tajba...” bdejt ngħidilhom hekk kif bdejt nieħu r-ruħ. Mela l-passi kienu tal-pulizija!

Ħassejtni ftit aħjar.

Il-pulizija messli ftit rasi u taptapli fuq spallti. “L-aqwa li inti qawwi u sħiħ...dik id-dar perikoluża. Terġgħux tmorru fiha...” qalli.

Ħareġ barra, daħal fil-karozza u ndunajt li kien hemm aktar pulizija miegħu. Sellimli u kien ser jitlaq.

“Grazzi talli ġejt tfittixni...”

“Xogħli...”

“Taf x’għoġobni jien...dak il-pjanu...” bdejt ngħidlu bi tbissima, l-arja li kelli terġa' tiġi lura.

“Pjanu...xi pjanu hu?” staqsieni.

Dak il-ħin Amy u Richard ġew warajja. Kienu kwieti u ċċassati qishom żewġ statwi.

“Stenna...isma’,” beda jgħidilhom il-pulizija. “Intom mhux għal dik id-dar tal-kantuniera li hawn f’din it-triq 'l isfel għidtulna?”

Amy u Richard ħarsu lejn xulxin.

“Le,” qaltlu. “Id-dar l-oħra...dik il-kbira li hemm fit-triq prinċipali...”

“Imma aħna f’dik morna...aħna ħsibna...mhux ta’ b’xejn ma sibniehx!”

Telqu.

Jiena bqajt bilwieqfa qisni ġebla.

Mela l-passi ta’ min kienu? Jekk Amy u Richard ma kinux għadhom hemm u l-pulizija qatt ma ġie f’dik id-dar, dawk il-passi...

Tgħid x’ġara waqt li jien kont b’rasi mistrieħa, rieqed fl-armarju? Ma kienx noli!

More in Divertiment