Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Films ġodda fiċ-ċinema għal din il-ġimgħa

X'hemm ġdid fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa?

Carmel Bonnici / 17 ta' Mejju 2017 11:42
Sleepless

Atturi Ewlenin:  Jamie Foxx;  Michelle Monaghan;  Dermot Mulroney;  David Harbour;  Tip "T.I." Harris'  Gabrielle Union;  Scoot McNairy

Direttur:  Baran Bo Oder

Maħruġ minn KRS Releasing 

Tul: 95 min

Ċert.:  15

Il-qofol tat-thriller polizjesk "Sleepless" huma l-ħafna ġlidiet bl-idejn speċjalment, ta' azzjoni li tippompja l-adrenalina u kultant esagerata.  Ambjentat fil-belt rinomata ta' Las Vegas, din il-produzzjoni teċċella b'fotografija eskwiżita, ċara l-aktar bil-lejl u mdawla. Din id-darba għandna xogħol b'tema klassika ta' pulizija kontra l-kriminali b'xeħta differenti, fejn il-protagonist tibqa' sal-aħħar ma tkunx taf jekk hux korrott jew le'. Vincent Downs [Foxx] u sieħbu Sean [Harris], żewġ pulizija ta' Las Vegas jisirqu ħażna ta' kokaina ta' sid ta' casino [Mulroney].  B'disperazzjoni, dan in-negozjant jaħtaf lit-tifel ta' Vincent u jżommu bħala rahan. Bryant [Monaghan], investigatriċi tal-Affarijiet Interni, li hi konvinta li Vincent hu korrott u paladin sadistiku tas-sid tal-casino [McNairy] isusu b'furja kbira warajh u sieħbu. Hawn tibda taqtigħa qalila ta' ġlied u sparar, l-aktar fil-konfini tal-casino, anki waqt disco mimli bin-nies, u ġiri sfrenat ta' karozzi. Vincent, imdorri f'sitwazzjonijiet simili jrid juża l-makakkerija tiegħu kollha, tul lejl wieħed biex jipprova jeħles lit-tifel tiegħu. L-azzjoni gwappa tiddomina bil-kbir dan il-film fejn fl-aħħar ħadd mhu se jeħlisha ħafif. Xalata għal min iħobb intriċċi bir-radam. Dan hu l-ewwel film Amerikan għad-direttur Svizzeru Baran Bo Oder, ispirat mill-film Franċiż "Nuit Blanche".


Alien: Covenant

Atturi Ewlenin: Michael Fassbender;  Katherine Waterstone;  Billy Crudup;  Danny McBride;  Carmen Ejogo.

Direttur: Ridley Scott.

Maħruġ minn KRS Releasing 

Tul: 123 min. 

Ċert: 15.

Wieħed mill-aqwa films tax-xjenza fittizja, xogħol tassew qawwi u tal-biża' kien "Alien" [1979].  Dan il-film dirett minn Ridley Scott, issa hu meqjuz bħala xogħol kult.  Warajh ħarġu tliet sequels oħra, kif ukoll fl-2012 Scott ħadem "Prometheus", prequel filosofiku u denju ta' "Alien".  Jidher biċ-ċar li dan id-direttur għandu affinazzjoni kbira għax-Xenomorph, il-forma ta' ħajja aljena [mostru] li werwer lill-ekwipaġġ tal-film ta' 38 sena ilu u anki ta' dawk li ġew wara.  "Alien: Covenant" se jkompli din is-saga terrifikanti bi storja ambjentata għaxar snin wara dik ta' "Prometheus".  Ninsabu fuq il-vettura spazjali Covenant li għaddejja trankwilla fl-ispazju b'elfejn ruħ f’raqda profonda, biex jibdew jabitaw fuq il-pjaneta imbiegħda sewwa Origae-6.  Jissorvelja bir-reqqa l-vettura hemm biss Walter [Fassbender], robot leali li qed jieħu ħsieb il-passiġġieri.  Meta sparatura stellari tolqot lill-vettura, Walter iqajjem lill-passiġġieri biex isalvahom, imma ħafna jitilfu ħajjithom. Meta, wara ftit, dawn jilmħu art fertili mimlija pjanti u siġar biss, però tidher qisha pjaneta mejta u li ġġiblek xi dehxa, parti mill-ekwipaġġ jinżlu jitkixxfu 3. Tnejn minnhom malajr iħossuhom ma jifilħux u l-biża' tremend tal-film oriġinali se jerġa' jaħkimhom b'forza doppja din id-darba.  "Alien: Covenant" hi produzzjoni forma ta' thriller psikoloġiku, spettakulari u ta' twerwir enormi ta' malajr u mdemmi. It-traġitt ta' "Alien" fil-final fil-vettura se jerġa' jirrepeti ruħu hawn b'Katherine Waterstone bħala Daniels, il-kap tal-operazzjonijiet, tassew tfakkar f'Ellen Ripley [Sigourney Weaver], il-protagonista ta' qabel, b'azzjoni tremenda u akrobatika fit-taqtigħa mal-kreatura tassew feroċi u ħafifa. Aktar avventuri mistennija f'"Alien: Awakening".

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook